Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0130

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

    COM/2017/0130 final

    Brussell, 2.3.2017

    COM(2017) 130 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    L-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija


    WERREJ

    1. Introduzzjoni    

    1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati    

    1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità    

    2. Kif taħdem il-Faċilità    

    3. Kapaċità finanzjarja, it-tul ta’ żmien u n-natura tal-finanzjament.    

    4. Implimentazzjoni tal-Faċilità    

    4.1 Għajnuna umanitarja    

    4.2 Għajnuna li mhijiex umanitarja    

    5. Monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar    

    5.1 Monitoraġġ u evalwazzjoni    

    5.2 L-Awditu    

    6. Komunikazzjoni u viżibbiltà    

    7. Konklużjoni u l-passi li jmiss    



    1. Introduzzjoni

    Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015 1 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lil Kunsill infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (minn hawn ’il quddiem “il-Faċilità”). Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni jobbliga lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

    L-ewwel Rapport Annwali tal-Faċilità jiddeskrivi kif taħdem il-Faċilità, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sistema evalwattiva tagħha, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u l-passi li jmiss. Ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u n-noti ta’ informazzjoni differenti maħruġin fil-qafas tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità.

    Ir-Rapport jinkludi wkoll ir-rieżami tal-kapaċità finanzjarja, it-tul u n-natura tal-finanzjament meħtieġ skont l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni, ara b’mod partikolari t-Taqsima 3.

    1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati

    Il-pożizzjoni ġeografika tat-Turkija tagħmilha pajjiż prominenti għall-wasla u t-tranżitu għal ħafna refuġjati u migranti. B’riżultat ta’ influss bla preċedent, prinċipalment minħabba l-kunflitt tas-Sirja, il-pajjiż ilu jospita l-akbar numru ta’ refuġjati u migranti fid-dinja, li jlaħħaq għal aktar minn 3 miljun ruħ. Dan jinkludi 2,8 miljun refuġjat Sirjan irreġistrati, li minnhom 10 % jirrisjedu f’26 kamp stabbiliti mill-gvern tat-Turkija fix-Xlokk tat-Turkija, filwaqt li d-90 % li jifdal jgħixu f’żoni urbani, periurbani u rurali lil hinn mill-kampijiet. Sabiex tilqa’ u tospita numru daqstant kbir ta’ refuġjati u migranti, it-Turkija qed toffri appoġġ umanitarju u finanzjarju ġeneruż.

    Ħarsa lejn ir-Refuġjati Sirjani fit-Turkija skont il-provinċja, Sors: UNHCR, Diċembru 2016

    1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità

    Fl-2015, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jżidu l-involviment politiku u finanzjarju tagħhom biex jappoġġaw lit-Turkija fl-isforzi tagħha biex tospita lir-refuġjati. Kien hemm qbil dwar kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà kondiviża, impenji reċiproki u kunsinni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija fil-qafas tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 2 . Is-summit tad-29 ta’ Novembru 2015 attiva l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija (JAP - Joint Action Plan) 3 biex it-Turkija tiġi megħjuna tindirizza l-konsegwenzi tal-kunflitt fis-Sirja. Il-JAP għandu l-għan li jindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni attwali b’żewġ modi: (1) billi jappoġġa lis-Sirjani u lill-komunitajiet Torok li jospitawhom, (2) billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex jipprevjeni l-migrazzjoni irregolari. Dan jobbliga lit-Turkija biex tibqa’ tipproteġi u tappoġġa lis-Sirjani, inkluż billi tipprovdilhom l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u tħallihom jaħdmu.

    Bi tweġiba għas-sejħa mill-Istati Membri tal-UE għal finanzjament addizzjonali sinifikanti biex jiġu appoġġati r-refuġjati fit-Turkija, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, emendata fl-10 ta’ Frar 2016 4 . Il-Faċilità hija mekkaniżmu għall-koordinazzjoni tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi magħmulin disponibbli kemm taħt il-baġit tal-UE kif ukoll taħt kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri integrati fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern li jammonta għal total ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu bejn l-2016 u l-2017. L-Istati Membri huma politikament obbligati li jipprovdu kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-qafas tal-Ftehim Komuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, li ġie adottat mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri fit-3 ta’ Frar 2016. Il-Fehim Komuni jistabbilixxi wkoll qafas ta’ kundizzjonalità. It-EUR 3 biljun huma disponibbli flimkien ma’ EUR 345 miljun 5 li diġà ġew allokati mill-Kummissjoni għat-Turkija b’rispons għall-kriżi tar-refuġjati mis-Sirja qabel ma tnediet il-Faċilità, u huma addizzjonali għall-għajnuna bilaterali tal-Istati Uniti 6 .

    Il-Faċilità saret operazzjonali fis-17 ta’ Frar 2016 bl-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni ħadmet b’pass mgħaġġel biex tikkonkludi l-kuntratti tal-ewwel proġetti tal-Faċilità.

    Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-Unjoni Ewropea u tat-Turkija reġgħu kkonfermaw l-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tagħhom u qablu fuq aktar miżuri mmirati lejn l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea u l-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni 7 . It-Turkija u l-Unjoni Ewropea għarfu li kien hemm bżonn li jsiru aktar sforzi rapidi u determinati. B’mod aktar speċifiku, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, talbet inter alia sabiex tintemm il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE billi jitkisser il-mudell tan-negozju tat-traffikanti u billi l-migranti jiġu offruti alternattiva flok li jipperikolaw ħajjithom; u biex il-faċilità tiġi implimentata b'aktar ħeffa.

    L-isforzi konġunti tal-Unjoni Ewropea u t-Turkija ħallew riżultati konkreti. L-għadd ta' qsim irregolari bejn it-Turkija u l-Greċja naqas drammatikament wara l-attivazzjoni tad-Dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu. Mill-20 ta’ Marzu 2016 sas-26 ta’ Frar 2017, il-medja tal-wasliet kuljum fil-gżejjer Griegi kienet ta' 84 8 . L-għadd ta’ mwiet u ta’ persuni neqsin rreġistrati fil-Baħar Eġew mill-1 ta’ April 2016 sat-23 ta’ Frar 2017 kien ta’ 70 9 . Filwaqt li kull ħajja mitlufa b’dan il-mod hija traġedja, dan jirrappreżenta tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ ħajjiet mitlufin. Komponent prinċipali tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija kien il-ħolqien ta’ mezzi legali għall-migranti biex dawn ikunu jistgħu jfittxu l-protezzjoni fl-UE. Ir-risistemazzjonijiet mit-Turkija għall-UE ma jiqfux u qed isiru b’pass mgħaġġel ħafna; minn wara l-attivazzjoni tad-Dikjarazzjoni sas-27 ta’ Frar 2017, 3 565 refuġjat Sirjan ġew risistemati mit-Turkija għall-Ewropa 10 . Iż-żewġ naħat ħadu l-impenn li jkomplu u li jtejbu l-kooperazzjoni.

    2. Kif taħdem il-Faċilità

    Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti l-mobilizzazzjoni mħaffa, effettiva u effiċjenti tal-għajnuna tal-UE għar-refuġjati fit-Turkija. Il-Faċilità tiżgura l-aħjar mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE rilevanti li jeżistu, f’forma ta’ għajnuna umanitarja jew bħala għajnuna mhux umanitarja, sabiex jiġi żgurat li l-bżonnijiet tar-refuġjati u tal-komunitajiet li jospitawhom ikunu indirizzati b’mod komprensiv u koordinat 11 .

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità jipprovdi gwida strateġika fir-rigward tal-prijoritajiet ġenerali, it-tip ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati, l-ammonti li għandhom jiġu allokati u l-istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu mobilizzati, kif ukoll, fejn ikun xieraq, dwar il-kundizzjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni mit-Turkija tal-impenji tagħha skont il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija 12 . Il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa ppresedut mill-Kummissjoni u magħmul minn żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant minn kull Stat Membru, bit-Turkija li tattendi b’funzjoni konsultattiva 13 .

    Tul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Faċilità, ġew organizzati ħames laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija, fis-17 ta’ Frar, fit-12 ta’ Mejju, fit-30 ta’ Ġunju, fl-4 ta’ Ottubru 2016 u fit-12 ta’ Jannar 2017. Jinħtieġ li l-Kummissjoni tlaqqa’ is-sitt laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija fil-31 ta’ Marzu 2017.

    F’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li stabbilixxiet il-Faċilità, fit-tieni laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-12 ta’ Mejju 2016 kien hemm il-qbil li l-Faċilità jinħtieġ li tiffoka fuq sitt oqsma prijoritarji: (1) l-għajnuna umanitarja, (2) il-ġestjoni tal-migrazzjoni, (3) l-edukazzjoni, (4) is-saħħa, (5) l-infrastruttura muniċipali u (6) l-appoġġ soċjoekonomiku. Il-prinċipji ewlenin li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità huma l-ħeffa, l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li jiġi żgurat li ssir ġestjoni finanzjarja soda. Is-sostenibbiltà tal-Faċilità hija importanti wkoll, kif inhi s-sjieda kondiviża mal-awtoritajiet Torok. L-identifikazzjoni tal-oqsma prijoritarji għall-assistenza mill-Faċilità hija bbażata fuq valutazzjoni 14 komprensiva u indipendenti tal-bżonnijiet, li kienet ippreżentata lill-Kumitat ta’ Tmexxija f’Ġunju 2016.

    Il-Faċilità tikkoordina l-finanzjament mill-istrumenti ta' finanzjament esterni li ġejjin: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 rigward l-għajnuna umanitarja (HUMA) 15 , l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) 16 , l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) 17 , l-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni (IPA II) 18 u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) 19 . Il-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni huma implimentati skont ir-regoli u r-regolamenti finanzjarji tagħha - li jinkludu kemm il-ġestjoni kif ukoll l-implimentazzjoni diretti u indiretti mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Rispons għall-Kriżi fis-Sirja (EUTF) 20 .

    L-implimentazjoni tal-għajnuna ssir b’kundizzjoni ta’ konformità stretta mit-Turkija bl-impenji riflessi fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija, u d-Dikjarazzjonijiet UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 u t-18 ta’ Marzu 2016.

    3. Kapaċità finanzjarja, it-tul ta’ żmien u n-natura tal-finanzjament.

    Il-baġit totali kkoordinat mill-Faċilità huwa ta’ EUR 3 biljun li għandhom jingħataw b'kuntratti fil-perjodu bejn l-2016 u l-2017. Dan huwa magħmul minn EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE u minn EUR 2 biljun f’finanzjament addizzjonali mill-Istati Membri 21 . Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jsiru direttament lill-Baġit Ġenerali tal-UE f’forma ta’ dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju u jiġu assenjati lil-linji baġitarji ta’ IPA II u HUMA, rispettivament. Mill-EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE, EUR 250 miljun kienu mmobilizzati fl-2016 u EUR 750 miljun kienu mwarrbin għall-Faċilità fil-baġit tal-2017.

    Il-Faċilità hija ffinanzjata minn dawn is-sorsi li ġejjin:

    2016

    2017

    Total (f’miljuni ta’ EUR)

    IL-BAĠIT TAL-UE:

    Għajnuna Umanitarja

    165

    145

    310

    Għajnuna li mhijiex umanitarja

    IPA

    55*

    595

    650

    DCI

    10

    10

    20

    IcSP

    20

    0

    20

    Subtotal tal-Għajnuna li mhijiex Umanitarja

    85

    605

    690

    Total

    250

    750

    1000

    DĦUL ASSENJAT MILL-ISTATI MEMBRI

    2 000

    * li minnhom EUR 18-il miljun ġew trasferiti lill-IPA II mill-ENI

    Il-Kummissjoni kkonkludiet il-ftehimiet dwar il-kontribuzzjonijiet mal-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom għat-total globali ta’ EUR 2 biljun skont l-Artikolu 7(2) tar-Regoli tal-Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju. L-Istati Membri ħallsu l-ewwel ħlas parzjali annwali fl-2016 li kien jammonta għal total ta’ EUR 678 miljun, li minnhom ġew żborżati EUR 575 miljun jew madwar 85 %; li minnhom EUR 292 miljun kienu mill-IPA u EUR 283 miljun kienu mill-ECHO (HUMA) 22 .

    Sa issa hemm qbil sodisfaċenti bejn, minn naħa, il-pass tal-ħlas mill-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Faċilità u, min-naħa l-oħra, l-pass tal-iżburżar iffinanzjat minn dawn il-kontribuzzjonijiet mill-Faċilità.

    It-tqassim tal-pagamenti tal-Istati Membri lill-Faċilità huwa kif ġej 23 :

    Il-pagamenti tal-Istati Membri lill-Faċilità (f’miljuni ta’ EUR)           

    2016 (imħallsin)

    2017

    2018

    2019

    Total 2016 - 2019

    678

    846

    396

    80

    2000

    Fi tmien l-2016, l-iskadenza għall-pagamenti finali mill-Faċilità ġiet estiża minn tmiem l-2019 sa tmiem l-2021 għal raġunijiet tekniċi sabiex ikunu jistgħu jiġu ffirmati xi kuntratti għal tul ta’ żmien itwal previsti fil-Miżura Speċjali adottata f’Lulju 2016. Pereżempju, għal xogħlijiet infrastrutturali, il-pagament finali jista’ jsir biss wara li jsiru formalment ix-xogħlijiet, li jirrikjedi skadenza itwal. Wara d-diskussjonijiet fir-raba’ Kumitat ta’ Tmexxija u fil-Coreper 24 , inħarġu ittri modifikati ta’ konferma tar-riċevuta f’Diċembru 2016 25 . Din l-estensjoni la se jkollha impatt negattiv fuq il-ħeffa għall-konklużjoni ta' kuntratti u lanqas fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ikkonċernati, u mhijiex se jkollha impatt fuq it-twaqqit tal-pagamenti tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni lill-Faċilità.

    4. Implimentazzjoni tal-Faċilità

    Il-Faċilità hija implimentata bħala għajnuna umanitarja u mhux umanitarja, b’EUR 1,4 biljun u EUR 1,6 biljun allokati b’mod indikattiv għall-fergħat rispettivi.

    L-assistenza umanitarja tappoġġa r-refuġjati l-aktar vulnerabbli (u persuni oħra fil-bżonn) permezz ta’ appoġġ mistenni u dinjituż li jindirizza l-ħtiġijiet bażiċi u l-protezzjoni.

    L-għajnuna li mhijiex umanitarja tappoġġa l-għajxien fuq terminu ta' żmien twil u l-prospetti soċjoekonomiċi u edukattivi tar-refuġjati. Din għandha l-għan li tgħin lit-tfal jiksbu aċċess għall-edukazzjoni primarja u sekondarja u li ttejjeb l-infrastruttura edukattiva, inklużi l-bini tal-iskejjel u l-materjal tat-tagħlim. Din tiffoka wkoll fuq gruppi esposti, pereżempju billi tipproteġi lin-nisa minn vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru u tipprovdi aċċess għal kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija fil-laqgħa ta’ Jannar 2017 irrikonoxxa, fuq il-bażi tar-raba’ rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija 26 , li d-Dikjarazzjoni UE-Turkija - minkejja li fraġli - kompliet tagħti r-riżultati, u għaraf li kien hemm progress tajjeb kontinwu fl-implimentazzjoni tal-Faċilità.

    Sal-aħħar ta’ Frar 2017, l-ammont totali allokat mill-Faċilità kemm għall-għajnuna umanitarja kif ukoll għall-għajnuna li mhijiex umanitarja kien laħaq EUR 2,2 biljun 27 . Mit-total allokat kollu, ġew konklużi kunratti għal 39 proġett li jammontaw b’kollox għal EUR 1,5 biljun, jew madwar nofs il-pakkett tal-Faċilità. Mit-total li ngħataw b'kuntratti, EUR 750 miljun 28 ġew żborżati, u dan juri effiċjenza u ħeffa fl-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-finanzjament tal-Faċilità jkompli jħalli impatt dirett fil-prattika fuq ir-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti 29 .

    Ħafna mill-implimentazzjoni tal-Faċilità ssir barra mill-kampijiet, prinċipalment fl-10 provinċji l-aktar milqutin: Sanliurfa, Hatay, Gaziantep, Adana, Mersin, Kilis, Mardin, Kahramanmaras, Osmaniye u Istanbul.

    4.1 Għajnuna umanitarja

    L-għajnuna umanitarja tal-UE hija ggwidata mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 30 , li b'mod partikolari jistipula li l-UE bħala attur umanitarju taderixxi mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. It-Trattat ta’ Lisbona stabbilixxa bażi legali speċifika għall-għajnuna umanitarja (l-Artikolu 214 TFUE), filwaqt li r-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (HAR; Nru 1257/96) 31 jistabbilixxi l-qafas operazzjonali għall-għajnuna umanitarja tal-UE. L-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Umanitarja (Humanitarian Implementation Plans - HIPs) speċifiċi għall-pajjiż. Il-qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sħab tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja huwa stabbilit bil-Ftehimiet Qafas Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kummissjoni (Financial and Administrative Framework Agreements - FAFA) ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u bil-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija (Framework Partnership Agreements - FPAs) ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

    Mill-EUR 1,4 biljun mobilizzati mill-fergħa umanitarja tal-Faċilità, sal-lum ġew allokati EUR 595 miljun. Minn dawn, EUR 551 miljun ingħataw b'kuntratti permezz ta’ 28 proġett umanitarju ma’ 19-il sieħeb, li jkopru r-rispons għall-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa. Mill-EUR 551 miljun mogħtija b’kuntratti, sa issa kien hemm żborż ta' EUR 411-il miljun. Il-kuntratti li ġejjin ġew iffirmati fil-qafas tal-Faċilità.

    Eżempji ta’ appoġġ tal-UE għas-saħħa

    Servizzi speċifiċi fis-settur tas-saħħa li jkopru l-għajnuna għall-kura tas-saħħa primarja, ir-riabilitazzjoni fiżika / kura ta' wara l-operazzjonijiet għall-persuni li jkunu sfaw feruti fil-gwerra, l-għajnuna lil persuni li għandhom diżabbiltajiet, is-servizzi tas-saħħa mentali u s-saħħa riproduttiva qed jiġu appoġġati.

    Saru 517 864 konsultazzjoni dwar il-kura tas-saħħa.

    Mal-276 tabib Sirjan u 175 infermier Sirjan rċevew taħriġ.

    Fetħu seba’ ċentri tas-saħħa għall-migranti, li bdew jipprovdu taħriġ prattiku lill-professjonisti tas-saħħa Sirjani.

    F’Marzu 2016, l-UE tat lill-Programm Dinji tal-Ikel (World Food Programme - WFP) EUR 40 miljun biex ikun jista’ jagħti lil 585 000 refuġjat li ma jgħixux fil-kampijiet u 150 000 refuġjat li jgħixu fil-kampijiet tar-refuġjati b'kards-e li jistgħu jissarrfu f’ikel fi ħwienet magħżulin. Il-Programm Dinji tal-Ikel qed jaħdem mill-qrib mal-organizzazzjoni Torka tan-Nofs Qamar l-Aħmar biex l-għajnuna tingħata b’mod effiċjenti. Ir-refuġjati li bħalissa qed jibbenefikaw mill-kards-e gradwalment se jiġu ttrasferiti għas-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ara hawn taħt).

    Edukazzjoni f’Emerġenzi

    L-Edukazzjoni fl-Emerġenzi wkoll ġiet identifikata bħala wieħed mill-oqsma prijoritarji għall-għajnuna umanitarja. Din tingħata permezz ta’ appoġġ għall-edukazzjoni mhux formali u t-trasport lejn l-iskola.

    Mad-9 380 tifel u tifla qed jiġu pprovduti bi trasport lejn l-iskola.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni taħdem biex tipprovdi assistenza Edukattiva permezz tal-ESSN, immirata li żżid ir-reġistrazzjoni u li ttejjeb l-attendenza tal-aktar tfal vulnerabbli.

    Sal-15 ta’ April 2016, EUR 50 miljun oħra ngħataw b'kuntratti f’forma ta’ għajnuna umanitarja sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet immedjati tar-refuġjati fit-Turkija. Il-15-il organizzazzjoni umanitarja ffinanzjati minn din l-allokazzjoni jinkludu: il-Kunsill tar-Refuġjati Daniż, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (International Organization for Migration, IOM), l-International Medical Corps UK u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet tan-Nofs Qamar l-Aħmar (International Federation of Red Cross and Red Crescent Societies - IFCR), li qed jaħdmu mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet sħab Torok. Il-proġetti jittrattaw il-kwistjonijiet umanitarji prinċipali kollha; l-għoti ta’ għajnuna f’forma ta’ ikel, l-għoti ta’ flus kontanti u kupuni, l-għajnuna speċjalizzata fix-xitwa, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni għal tfal refuġjati, il-protezzjoni, il-ġestjoni tal-informazzjoni u l-għajnuna speċjalizzata għal persuni b’diżabbiltajiet, kif ukoll appoġġ fir-rigward ta’ saħħa mentali u psikosoċjali.

    F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja għat-Turkija (HIP) 32 , li jammonta b’kollox għal EUR 505,65 miljun.

    F’Lulju 2016, ingħataw b'kuntratti EUR 74 miljun mill-HIP għal proġetti fis-setturi tal-kura tas-saħħa primarja, l-edukazzjoni mhux formali, it-tħejjijiet għax-xitwa li kienet ġejja u l-protezzjoni.

    Is-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza (ESSN)

    Ir-reġistrazzjoni tal-benefiċjarji bdiet fit-28 ta’ Novembru u l-ewwel tqassim tal-flus beda fl-aħħar ta’ Diċembru 2016. Sal-aħħar ta’ Frar 2017, b’kollox aktar minn 250 000 refuġjat diġà rċevew appoġġ permezz tal-programm tal-ESSN. L-ESSN timmira li progressivament tkopri miljun mill-aktar refuġjati vulnerabbli tul l-2017.

    Fis-26 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni nediet l-komponent umanitarju ewlieni tal-Faċilità - is-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza (ESSN - Emergency Social Safety Net) - flimkien mal-awtoritajiet Torok u l-organizzazzjonijiet sħab li jimplimentaw l-iskema. Dan huwa l-akbar programm umanitarju li qatt kellha l-UE, b’baġit inizjali ta’ EUR 348 miljun 33 , u għandu l-għan li jagħti lill-iktar refuġjati vulnerabbli trasferimenti ta’ flus kontanti fix-xahar fuq kard elettronika ta’ debitu, biex tgħinhom ikopru l-iktar ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Għotja ta’ flus fix-xahar tintefa’ b’mod elettroniku fuq kards biex tippermetti lill-persuni jħallsu għal dak li l-aktar li jkollhom bżonn u tagħtihom id-dinjità tal-għażla. Din is-sistema ta’ trasferiment elettroniku ta’ flus mhijiex biss effiċjenti ħafna biex tingħata l-għajnuna umanitarja, iżda tixpruna wkoll il-finanzjament fl-ekonomija lokali.

    F’Diċembru 2016, ġie ffirmat kuntratt ta’ EUR 5 miljun mal-Mercy Corps fil-qasam tal-protezzjoni. Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-ambjent protettiv għal 50 000 refuġjat billi jtejjeb il-kapaċitajiet tagħhom (awtoprotezzjoni) u jibni lqugħ protettiv għall-komunitajiet sabiex jiffaċilita l-aċċess sikur għal servizzi bħas-saħħa, id-dokumentazzjoni, l-appoġġ għad-dħul (pereż: l-ESSN), il-pariri legali, l-edukazzjoni, it-traduzzjoni u t-trasport.

    Kuntratt ta’ EUR 34 miljun ġie ffirmat reċentement mal-UNICEF dwar it-Trasferiment Kondizzjonali tal-Flus għall-Edukazzjoni (CCTE - Conditional Cash Transfer). Dan il-proġett se jkun marbut mal-ESSN u se jikkontribwixxi biex tiżdied ir-reġistrazzjoni u titjieb l-attendenza ta’ dawk it-tfal l-aktar vulnerabbli.

    Qabel l-1 ta’ April 2017, EUR 41,65 miljun se jingħataw b’kuntratti, mill-ammont li jifdal fl-HIP, għal proġetti li jiffukaw fuq il-protezzjoni u s-saħħa.

    Fir-rebbiegħa, il-Kummissjoni se tippubblika l-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja (HIP) tal-2017 għat-Turkija. L-ewwel kuntratti u pagamenti mill-HIP tal-2017 huma mistennija li jsiru fit-tieni trimestru tal-2017. Dawn se jiffukaw fuq it-tkomplija tal-istrateġija umanitarja, fejn se jiġu koperti l-protezzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll it-tieni ħlas parzjali għall-ESSN li se tkompli tkun responsabbli għall-maġġoranza tal-finanzjament disponibbli.

    4.2 Għajnuna li mhijiex umanitarja

    Il-EUR 1,6 biljun mobilizzati mill-fergħa tal-għajnuna li mhijiex umanitarja tal-Faċilità ġew allokati kważi kollha. Mad-EUR 944 miljun ingħataw b'kuntratti u ġew żborżati EUR 339 miljun 34 . It-tqassim tal-allokazzjonijiet skont l-oqsma prijoritarji huwa kif ġej:

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Komuni 35 (CIR - Common Implementing Rule) applikabbli għall-IPA II, jippermetti lill-Kummissjoni tadotta Miżuri Speċjali f’każijiet iġġustifikati kif dovut. Miżuri Speċjali jiġu adottati b’opinjoni favorevoli tal-Kumitat tal-IPA II u kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri.

    Sal-lum, tliet Miżuri Speċjali ġew adottati fil-qafas tal-Faċilità kif ġej:

    Il-Miżura Speċjali dwar kontribuzzjoni lill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Rispons għall-Kriżi fis-Sirja (EUTF) ta’ EUR 55 miljun f’Marzu 2016 36 ;

    Il-Miżura Speċjali dwar il-migranti mibgħuta lura t-Turkija ta’ EUR 60 miljun f’April 2016 37 ;

    Il-Miżura Speċjali dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku ta’ EUR 1,415-il biljun f’Lulju 2016 38 .

    F’konformità mal-Artikolu 4(1) tas-CIR, l-għajnuna finanzjarja tista’ tingħata permezz tat-tipi ta’ finanzjament li ġejjin a) għotjiet; b) kuntratti ta' akkwist pubbliku għal servizzi, provvisti jew xogħlijiet; c) appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali 39 ; d) kontribuzzjonijiet lil fondi fiduċjarji u strumenti finanzjarji. Għall-finijiet tal-fondi tal-Faċilità tal-IPA II, l-Artikolu 4(7) jagħti wkoll il-possibbiltà lill-Kummissjoni li timplimenta l-fondi b’mod indirett permezz ta’ pereżempju organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi tal-Istati Membri jew Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs).

    Il-fondi tal-IPA II mill-Faċilità huma ġestiti f’konformità mar-regoli għall-azzjoni esterna stipulati fit-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu. L-interventi jistgħu jiffinanzjaw ir-rimborż ta’ spejjeż miftehmin minn qabel, tabilħaqq imġarrba u verifikabbli u li jkunu relatati ma’ kompiti definiti b’mod preċiż. Dan japplika wkoll għal terzi persuni, inklużi l-IFIs. L-ispejjeż involuti fil-mobilizzazzjoni ta’ intermedjarji - fejn u jekk ikun xieraq - inżammu għall-minimu assolut. Skemi u inizjattivi ffinanzjati minn riżorsi kkoordinati mill-Faċilità li jkollhom prestazzjoni sodisfaċenti jistgħu jiżdiedu u jiġu implimentati skont ir-regoli finanzjarji tal-UE u r-rekwiżiti tal-att bażiku rispettiv, soġġett, fejn ikun xieraq, għall-kumitat tal-komitoloġija rilevanti.

    L-għotjiet ingħataw biex jiġu implimentati azzjonijiet speċifiċi. Il-pagamenti magħmulin mill-għotjiet isiru fuq il-bażi ta’ spejjeż imġarrba rrappurtati skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt tal-għotja individwali. Dawn l-ispejjeż jiġu vverifikati minn awdituri esterni qabel ma jsir aktar prefinanzjament jew qabel ma jsir il-pagament finali. Jekk jinstabu xi irregolaritajiet jew l-ispejjeż jiġu ddikjarati ineliġibbli, il-Kummissjoni tista’ tirkupra l-fondi jew timponi penali.

    Il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-IFIs issir f'qafas ta’ ġestjoni indiretta (l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament Finanzjarju) fejn il-Kummissjoni tafda l-ġestjoni tal-implimentazzjoni f’idejn l-IFI kkonċernata. Il-Kummissjoni tista’ tiddelega r-responsabbiltajiet ta’ implimentazzjoni lill-IFIs li jkunu għaddew mill-hekk imsejħa l-valutazzjoni tal-pilastri. L-għan ta’ valutazzjoni tal-pilastri bħal din huwa li tiġi kkonfermata l-konformità tas-sistemi tal-IFIs mar-rekwiżiti skont ir-Regolament Finanzjarju tal-UE. F’każ speċifiku wieħed, il-kooperazzjoni ssir fil-qafas tal-ġestjoni diretta f’għamla ta’ għotja diretta meta l-IFI stess tkun qed timplimenta l-fondi mill-Faċilità 40 .

    L-ewwel Miżura Speċjali mill-Faċilità ġiet adottata f’Marzu 2016 u kkontribwixxiet EUR 55 miljun lill-EUTF. Il-kuntratti għall-ewwel proġetti li ġew iffinanzjati mill-Faċilità ġew iffirmati fl-4 ta’ Marzu 2016 41 . Fir-rigward tal-għajnuna li mhijiex umanitarja, din tikkonsisti minn proġett dwar l-edukazzjoni li jiswa EUR 37 miljun, implimentat mill-UNICEF. Ir-riżultati tagħha li nkisbu sa issa huma ppreżentati fil-kaxxa għal finijiet ta’ illustrazzjoni 42 .

    Eżempji tar-riżultati li nkisbu mal-UNICEF

    Mas-60 000 tifel u tifla qed jibbenefikaw minn materjali edukattivi

    Mas-7 950 għalliem mis-Sirja u persuni oħrajn involuti fl-edukazzjoni qed jirċievu inċentivi

    Tħarrġu 2 081 għalliem u persunal ieħor involuti fl-edukazzjoni

    Mal-10 392 tifel u tifla qed jibbenefikaw minn programmi ta’ koeżjoni psikosoċjali u soċjali

    Mal-44 337 tifel u tifla bbenefikaw minn informazzjoni tal-pari u sessjonijiet ta’ appoġġ minn mexxejja żgħażagħ

    Ġew stabbiliti sitt (6) spazji għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ

    Mad-disa' (9) NGOs ingħataw il-kapaċità li jimplimentaw attivitajiet għall-koeżjoni soċjali u għall-konsolidazzjoni tal-paċi

    Mad-9 888 persuna adolexxenti u żgħażagħ qed jibbenefikaw minn attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni

    Ġew stabbiliti tliet (3) unitajiet ta’ protezzjoni tat-tfal

    Il-Faċilità kompliet tappoġġa serje ta’ miżuri minn isfel għal fuq biex tgħin lir-refuġjati fit-Turkija. Sal-lum ħames proġetti, li jlaħħqu b’kollox għal EUR 64,4 miljun, ingħataw b'kuntratti permezz tal-EUTF, prinċipalment bħala appoġġ soċjoekonomiku, għall-edukazzjoni u għall-edukzzjoni għolja. Qed jitħejja pakkett addizzjonali ta’ proġetti tal-EUTF.

    F’April 2016, EUR 60 miljun ġew mobilizzati skont it-tieni Miżura Speċjali, li tipprovdi appoġġ biex jiġu koperti l-ispejjeż mġarrbin fil-wasla u l-ospitar ta’ migranti li jintbagħtu lura mill-Greċja lejn it-Turkija skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Mrazu 2016. Il-Miżura Speċjali hija implimentata permezz ta’ għotja diretta lid-Direttorat Ġenerali tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (Directorate General for Migration Management - DGMM) u n-nefqa eliġibbli hija bbażata fuq l-ispejjeż realment mġarrbin u mħallsin, u tidħol fis-seħħ mill-4 ta’ April 2016.

    F'Awwissu ġie ffirmat kuntratt ta’ EUR 20 miljun iffinanzjat mill-IcSP mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-Gwardja tal-Kosta tat-Turkija u tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

    Wara d-diskussjonijiet fit-tieni Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità u l-approvazzjoni mill-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-IPA, il-Kummissjoni adottat it-tielet Miżura Speċjali dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku b’baġit ta’ EUR 1,4 biljun fit-28 ta’ Lulju 2016.

    Żewġ għotjiet diretti ġew iffirmati f’Settembru għal tul ta’ sentejn skont it-tielet Miżura Speċjali. Mill-ewwel kuntratt - ta’ EUR 300 miljun - mal-Ministeru Tork għall-Edukazzjoni Nazzjonali, 500 000 tifel u tifla Sirjani se jingħataw aċċess għall-edukazzjoni formali u se jirċievu materjal għall-iskola, kotba u uniformijiet tal-iskola. Minn dawn l-istudenti, 360 000 se jingħataw taħriġ fil-lingwa Torka; 40 000 jingħataw taħriġ fil-lingwa Għarbija; 10 000 jingħataw taħriġ ta' rkupru, 20 000 taħriġ ta’ sostenn u 40 000 se jkollhom it-trasport għall-iskola.

    Taħriġ permezz ta' għotja diretta għall-edukazzjoni

    Minn Ottubru 2016, ġew ingaġġati u mħarrġin 5 200 għalliem tal-lingwa Torka. Mal-1,800 kap tal-iskola ngħataw taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-istudenti Sirjani fis-sistema skolastika.

    It-tieni kuntratt - li huwa ta’ EUR 300 miljun ukoll - mal-Ministeru tas-Saħħa se jipprovdi lil madwar żewġ miljun refuġjati aċċess għal servizzi ta’ kura tas-saħħa primarja permezz tal-ħolqien u bit-tħaddim ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, u se jagħmlu s-servizzi ta’ riabilitazzjoni tas-saħħa mentali disponibbli għal sa miljun refuġjat fit-Turkija. Barra minn hekk, se jiġu pprovduti attivitajiet ta’ ppjanar tal-familja, prevenzjoni ta’ mard li jittieħed, reklutaġġ u taħriġ ta’ persunal tal-kura tas-saħħa u ta’ komunikazzjoni.

    Barra minn dawn l-għotjiet, f’Diċembru 2016 ġew iffirmati żewġ kuntratti li jlaħħqu total ta’ EUR 200 miljun mal-KfW u l-Bank Dinji. Dawn il-kuntratti jipprevedu l-bini u l-armar ta’ 70 skola ġdida fi provinċji b’konċentrazzjoni għolja ta’ refuġjati Sirjani. Jinħtieġ li mill-bini u l-armar ta’ dawn l-iskejjel jibbenefikaw 50 000 tifel u tifla Sirjani. Jinħtieġ ukoll li l-kuntratti jżidu l-kapaċità ta’ implimentazzjoni u ta’ ġestjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali 43 .

    Jinħtieġ li interventi addizzjonali mill-Faċilità fil-qasam tal-appoġġ soċjoekonomiku u l-infrastruttura muniċipali u dik relatata mas-saħħa jiġu ffirmati fl-ewwel nofs tal-2017. Jinħtieġ li l-kuntratti rilevanti jiġu implimentati bl-għajnuna ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali.

    It-tielet Miżura Speċjali ta’ Lulju 2016 ukoll ipprevediet faċilità għat-tħejjija tal-proġetti (PPF - project preparation facility). L-għan tal-PPF, li għandha baġit massimu ta’ EUR 25 miljun, huwa li tgħin fl-identifikazzjoni u fit-tfassil ta’ proġetti ta’ investiment futuri f'oqsma prijoritarji - is-saħħa, l-edukazzjoni u l-infrastruttura muniċipali - fil-provinċji fil-mira fit-Turkija. Bħalissa l-Kummissjoni qed teżamina l-applikazzjonijiet ippreżentati lill-PPF u jinħtieġ li ssegwi dan mal-IFIs ikkonċernati f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tat-Turkija. L-għan huwa li l-kuntratti jiġu ffirmati sar-rebbiegħa tal-2017. Jinħtieġ li interventi magħżulin jiżviluppaw f’repertorju solidu ta’ proġetti ta’ investiment li jinħtieġ li jkunu lesti għall-konklużjoni ta' kuntratti u għall-implimentazzjoni sal-bidu tal-2018.

    5. Monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar

    5.1 Monitoraġġ u evalwazzjoni

    Bħala mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni, il-Faċilità tipprevedi l-finanzjament ta’ diversi azzjonijiet f’għadd ta’ oqsma prijoritarji li huma implimentati permezz ta’ strumenti tal-UE differenti, bil-għajnuna ta’ għadd ta’ msieħba. Din il-karatteristika prinċipali tal-Faċilità ddeterminat l-istabbiliment tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (MuE) tal-Faċilità. Il-Faċilità teħtieġ qafas li jista’ jkejjel ir-riżultati miksubin minn interventi ffinanzjati mill-Faċilità, irrispettivament mill-istrument mobilizzat. Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità huwa mfassal bħala għodda ta’ ġestjoni u kontabbiltà, sabiex jippermetti li jsir rappurtar dwar il-progress kemm f’livell tal-Faċilità kif ukoll f’livell prijoritarju. Dan jippermetti r-rieżami tal-prestazzjoni fid-dawl tar-riżultati previsti u riaġġustamenti tal-programmi fejn dan ikun meħtieġ u jipproduċi informazzjoni mfassla apposta b’risposta għat-talbiet għall-informazzjoni.

    L-abbozz tal-Qafas tar-Riżultati ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-12 ta’ Jannar 2017. Il-Qafas tar-Riżultati huwa mistenni li jiġi ffinalizzat f’Marzu 2017. Il-Qafas huwa dokument dinamiku li għandu jippermetti rieżami kontinwu kemm tar-rilevanza u kemm tal-impatt ta’ interventi ffinanzjati mill-Faċilità.

    Biex is-sistema ta’ monitoraġġ issir operazzjonali, huwa previst li tiġi stabbilita pjattaforma ta’ monitoraġġ onlajn. Din għandha tiffaċilita l-ġenerazzjoni tad-dejta, l-aggregazzjoni u l-analiżi u tippermetti l-viżwalizzazzjoni tal-progress fl-azzjonijiet li jkunu għaddejjin f’intervalli regolari. Għandha tipprovdi tabella operattiva li tirrappreżenta ċ-ċifri prinċipali attwali kif ukoll analiżi tal-prestazzjoni apparagun tal-miri skont id-diversi angoli tal-inkjesta. Jinħtieġ li d-dejta ta’ monitoraġġ tiġi diżaggregata skont il-ġeneru, l-età u d-diżabbiltà, fejn dan ikun possibbli u xieraq. Bħala portal tal-informazzjoni, il-pjattaforma għandha sservi bħala punt uniku ta’ servizz li jaqdi l-bżonnijiet ta’ informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tal-Faċilità.

    Jinħtieġ li l-għajnuna teknika tiġi mobilizzata b’appoġġ għall-integrazzjoni tal-komponenti differenti tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ sabiex tintlaħaq sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni inklussiva għall-Faċilità kollha. Jinħtieġ li din tinkludi għadd ta’ kompiti, inklużi l-ikkowdjar tekniku u l-operat ta’ pjattaforma ta’ monitoraġġ onlajn, l-iżvilupp ta’ linji gwida ta’ monitoraġġ u għodda ta’ monitoraġġ, l-għoti ta’ monitoraġġ minn terzi persuni għal azzjonijiet iffinanzjati mill-IPA u l-IcSP u l-għoti ta' kuntratti ta' evalwazzjoni. Jinħtieġ li s-sistema tkun kompletament operazzjonali sat-tieni nofs tal-2017, filwaqt li sadanittant il-miżuri tranżitorji huma previsti progressivament.

    5.2 L-Awditu

    Il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità twarrab sabiex jiġi żgurat li l-kuntratti ffirmati fl-ambitu tal-Faċilità jkunu soġġetti għal awditu effettiv u, fejn ikun meħtieġ, għal verifika tan-nefqa. Barra minn hekk, il-Faċilità se tkun soġġetta għal-awditi u kontrolli mis-Servizz ta’ Awditu Intern tal-Kummissjoni, kif ukoll mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, f’konformità ma’ proċeduri regolari. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ukoll jeżerċitaw superviżjoni finanzjarja tal-Faċilità bħala parti integrali mill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    6. Komunikazzjoni u viżibbiltà

    Mill-bidu nett, il-viżibbiltà u l-komunikazzjoni tal-Faċilità ngħataw prijorità għolja fit-twassil tal-messaġġ ta’ appoġġ b’saħħtu tal-UE għar-refuġjati fit-Turkija. F’Settembru 2016, inħolqot mappa interattiva fuq il-paġna web 44 apposta tal-Faċilità, li tippermetti l-viżwalizzazzjoni tal-mobilizzazzjoni tal-Faċilità fit-Turkija. Il-mappa tippermetti li jinstab il-post fejn ikunu jinsabu l-proġetti li jkunu għaddejjin tal-Faċilità u tipprovdi dettalji dwar ir-riżultati previsti tagħhom. Il-mappa interattiva hija ġestita mill-Kummissjoni u kellha impatt konsiderevoli fuq il-midja soċjali, inkluż fuq Twitter u Facebook.

    Bħala parti mill-komunikazzjoni fuq il-midja soċjali tal-Faċilità, inħolqu infokards li jagħtu deskrizzjoni viżiva tal-mekkaniżmu tal-Faċilità u eżempji ta’ proġetti tal-Faċilità. L-infokards jippreżentaw l-istorja tal-Faċilità billi jagħtu wiċċ uman lill-appoġġ tal-UE għar-refuġjati fit-Turkija. L-infokards ġew ippubblikati fuq il-mezzi tal-midja soċjali kollha tal-UE, inkluż fuq Twitter u Facebook, b’numru konsiderevoli ta’ hits, likes u shares.

    Avvenimenti li ġew organizzati biex jenfasizzaw l-impatt tal-Faċilità fuq il-post jinkludu attività kbira tal-midja f’Ankara f’Settembru 2016 għat-tnedija tas-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza. L-attività rċeviet attenzjoni konsiderevoli mill-midja, kemm minn dik tal-UE, tat-Turkija kif ukoll minn dik internazzjonali u kienet tinkludi vidjow li nħadem ġdid u infografika speċjali tal-ESSN.

    Id-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija qassmet informazzjoni permezz tan-netwerk taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni tal-UE u organizzat żjarat f’livell għoli ta’ proġetti ffinanzjati mill-Faċilità. Barra minn hekk, din organizzat attivitajiet għar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fil-Jum Dinji tar-Refuġjati, kif ukoll kampanja bir-ritratti fuq il-midja soċjali. Dawn l-attivitajiet laħqu lil madwar 12-il miljun ruħ fit-Turkija. F’Novembru 2016, inħolqu żewġ vidjows f’kollaborazzjoni man-Netwerk Soċjali Ewropew sabiex jintwerew il-proġetti fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni, inklużi l-protezzjoni tat-tfal u l-kura tas-saħħa primarja mogħtija lir-refuġjati, lill-migranti u lill-komunitajiet ospitati fit-Turkija.

    Ġiet ippreparata Strateġija ta’ Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u partijiet ikkonċernati oħra sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv u koerenti għall-komunikazzjoni relatata mal-Faċilità. L-istrateġija tipprevedi qafas ġenerali għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u informazzoni fl-ambitu tal-Faċilità, għandha l-għan li ttejjeb il-viżibbiltà tal-Faċilità u li tippromwovi l-profil tal-UE bħala organizzazzjoni li qed twettaq l-obbligi tagħha li tgħin lit-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta’ refuġjati fid-dinja. L-udjenzi fil-mira jinkludu r-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti, iċ-ċittadini Torok u l-gvern Tork, iċ-ċittadini tal-UE u l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali. Jinħtieġ li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni previsti jintegraw b’mod progressiv u jiffukaw fuq ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Faċlità fil-prattika.

    7. Konklużjoni u l-passi li jmiss

    L-implimentazzjoni tal-Faċilità miexja b’pass tajjeb. Il-passi li jmiss huma dawn li ġejjin:

    Il-konklużjoni rapida ta' kuntratti għall-azzjonijiet kollha li ġew programmati - inkluż l-ammont li jifdal mill-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja tal-2016 - u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom f’konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda.

    L-implimentazzjoni tal-Faċilità għat-Tħejjija tal-Proġetti fir-rebbiegħa tal-2017.

    Il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja tal-2017 fir-rebbiegħa u l-konklużjoni tal-ewwel kuntratti fit-tieni trimestru tal-2017.

    It-tħaddim tas-sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Faċilità, sas-sajf tal-2017.

    It-tnedija ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Faċilità.

    L-organizzazzjoni ta’ Kumitati ta’ Tmexxija kull tant żmien. Il-laqgħa li jmiss hija ppjanata għall-31 ta’ Marzu 2017.

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni - il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija, kif ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855 tal-10.2.2016.

    (2)

      http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/international-summit/2015/11/29/  

    (3)

      http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5860_fr.htm  

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 60/03 tal-10.02.2016 dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015.

    (5)

    Finanzjament immobilizzat fis-snin bejn l-2013-2015 minn strumenti ta’ finanzjament esterni differenti, jiġifieri HUMA, IPA u IcSP, inkluż għadd ta’ azzjonijiet implimentati mill-Fond Fiduċjarju tal-UE b’Rispons għall-Kriżi tas-Sirja.

    (6)

    Fir-reġjun, l-UE u l-Istati Membri kollettivament immobilizzaw aktar minn EUR 9,4 biljun sa mill-2011; li minnhom EUR 3,9 biljun mill-baġit tal-UE.

    (7)

      http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/

    (8)

    Sors: Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

    (9)

    Sors: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

    (10)

    Sors: Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.

    (11)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015, l-Artikolu 2 - L-Għanijiet tal-Faċilità.

    (12)

    Ara l-Artikolu 5 (1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855.

    (13)

    Ara l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855

    (14)

      http://avrupa.info.tr/fileadmin/Content/2016__April/160804_NA_report__FINAL_VERSION.pdf  

    (15)

    ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

    (16)

    Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

    (17)

    Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

    (18)

    Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

    (19)

    Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.

    (20)

      https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/neighbourhood/countries/syria/madad_en

    (21)

    It-tqassim totali tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jinsab fuq http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/02/03-refugee-facility-for-turkey/  

    (22)

    Minħabba li dan huwa dħul assenjat estern, il-kontribuzzjonijiet li ma jiġux implimentati f’sena partikolari awtomatikament jiġu riportati għas-sena ta’ wara, sakemm l-azzjoni li għaliha jkunu assenjati tkun qed titwettaq.

    (23)

    Inklużi l-pagamenti tal-avvanz volontarji minn tliet Stati Membri

    (24)

    is-26 ta’ Ottubru 2016.

    (25)

    L-Artikolu 2(1) tal-ittri emendati issa jgħid hekk: “Il-Kummissjoni tista’ tidħol f’obbligi legali biss sal-31 ta’ Diċembru 2017. Il-pagamenti biex jiġu onorati dawn l-obbligi legali għandhom jiġu eżegwiti sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    (26)

    COM(2016) 792) final, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, ir-raba’ rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, tat-8/12/2016.

    (27)

    Din iċ-ċifra tinkludi ammonti li għalihom il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ finanzjament, iżda li għalihom għadu ma sarx impenn baġitarju. L-impenji baġitarji sal-lum ilaħħqu EUR 1,58 biljun.

    (28)

     Din iċ-ċifra tinkludi wkoll infiq taħt proġetti implimentati mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’rispons għall-kriżi fis-Sirja, iżda li għadu ma tħallasx mill-baġit tal-UE.

    (29)

    Id-dettalji dwar il-proġetti tal-Faċilità jinsabu fuq:

    https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/news_corner/migration_en

    (30)

    Dikjarazzjoni Konġunta mil-laqgħa tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

    mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 25, 30.1.2008).

    (31)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja.

    (32)

     Jinsab fuq http://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/hip_turkey_2016.pdf  

    (33)

    Kuntratt marbut mal-Programm Dinji tal-Ikel u s-sieħeb ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-organizzazzjoni tan-Nofs Qamar l-Aħmar Torka, li taħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u tal-Familja u l-AFAD (il-Presidenza tal-Ġestjoni tad-Diżastri u tal-Emerġenzi), li tagħti rendikont direttament lill-Prim Ministru u li tikkoordina r-rispons Tork għall-Kriżi tar-Refuġjati.

    (34)

    Din iċ-ċifra tinkludi wkoll żborż taħt proġetti implimentati mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’rispons għall-kriżi fis-Sirja, iżda li għadu ma tħallasx mill-baġit tal-UE.

    (35)

    Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

    (36)

     C(2016) 1489 ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tas-7.3.2016 li tadotta Miżura Speċjali dwar il-kontribuzzjoni tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’rispons għall-kriżi fis-Sirja, li għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    (37)

     C(2016) 2435 ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tad-19.4.2016 li tadotta Miżura Speċjali dwar il-migranti mibgħuta lura t-Turkija, li għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    (38)

     C(2016) 4999 ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tat-28.7.2016 li tadotta Miżura Speċjali dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku għar-refuġjati fit-Turkija, li għandha tiġi ffinanzjata mill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2016 u 2017.

    (39)

    Madankollu, l-appoġġ baġitarju mhuwiex previst minn din il-Faċilità.

    (40)

    It-tielet Miżura Speċjali ta’ Lulju 2016 tipprevedi għotja diretta lill-Korporazzjoni Internazzjonali tal-Finanzi (International Finance Corporation, IFC) li tlaħħaq il-EUR 5 miljun.

    (41)

      http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-584_en.htm  

    (42)

    Proġett tal-EUTF/ UNICEF (Ref. SC150526) "Generation Found"; Ir-riżultati miksubin u ppreżentati fil-kaxxa huma kkomunikati bħala tqabbil mal-qafas loġiku tal-proġett tal-UNICEF (rappurtar fil-livell ta’ azzjoni). Madankollu, ir-rappurtar fil-livell tal-Faċilità dwar il-kisba tar-riżultati se jkun ibbażat fuq il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità maqbul li jieħu biss l-indikaturi rappreżentattivi minn interventi differenti tal-Faċilità.

    (43)

    Il-kuntratti jikkumplimentaw proġett simili mal-KfW iffinanzjat mill-EUTF li għandu valur ta’ EUR 70 miljun u li jaqa’ barra mill-qafas tal-Faċilità.

    (44)

      https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/news_corner/migration_en  

    Top