IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.10.2015
COM(2015) 481 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)
1.Introduzzjoni
Il-popolazzjonijiet ta’ ħafna speċijiet marini fl-ibħra tal-Ewropa qegħdin jiċkienu, qed titnaqqas il-firxa tad-distribuzzjoni tagħhom, u qegħdin jitilfu l-ħabitat minħabba l-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem.
F’dawn l-aħħar żewġ deċennji n-Nazzjonijiet Uniti kontinwament lissnu t-tħassib tagħhom dwar is-saħħa tal-oċeani u tal-bijodiversità marina. Skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-UE ħadet l-impenn li tiżgura l-konservazzjoni ta’ 10% taż-żoni kostali u tal-baħar tagħha. Dan l-oġġettiv huwa rifless ukoll fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli nru 14 għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli.
Fl-2011 l-Unjoni Ewropea adottat l-Istrateġija tagħha dwar il-Bijodiversità biex sal-2020 iseħħ il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità u tad-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fit-territorju tagħha. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tesiġi l-istabbiliment ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, inklużi ħabitats kostali u tal-baħar. Barra minn hekk, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) tiffoka b’mod partikolari fuq il-ħarsien tal-bijodiversità marina.
Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina tesiġi li l-Istati Membri jadottaw Programmi ta’ Miżuri biex jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet marini tagħhom sal-2020. Il-Programmi ta’ Miżuri għandhom jinkludu miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji li jikkontribwixxu għal netwerks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni protetti tal-baħar (marine protected areas/MPAs). Iż-żoni protetti tal-baħar huma miżura li tintuża fl-ibħra tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats vulnerabbli. B’mod iktar preċiż, dawn huma:
-iż-żoni tal-baħar iddefiniti ġeografikament;
-li l-objettiv iddikjarat b’mod ċar u ewlieni tagħhom huwa l-konservazzjoni tan-natura;
-u li huma rregolati u ġestiti bis-saħħa ta’ mezzi legali jew ta’ mezzi effiċjenti oħra biex jintlaħaq dan l-objettiv.
Intwera li ż-żoni protetti tal-baħar Ewropej li huma ġestiti b’mod tajjeb għandhom effetti ekoloġiċi pożittivi. F’riservi marini b’livell għoli ta’ protezzjoni,id-densità tal-ispeċijiet żdiedet b’medja ta’ 116 %, il-bijomassa tal-pjanti u l-annimali żdiedet b’medja ta’ 238 %, id-daqs fiżiku tal-annimali żdied bi 13 % u r-rikkezza tal-ispeċijiet żdiedet b’19 %.
Billi jikkontribwixxu biex l-ibħra u l-oċeani jinżammu sani u sostenibbli, iż-Żoni Protetti tal-Baħar ġestiti b’mod effettiv jappoġġaw ukoll is-servizzi li jipprovdu l-ibħra u l-oċeani. Għalhekk ir-rwol taż-żoni protetti tal-baħar huwa usa mis-sempliċi konservazzjoni tan-natura, billi joħolqu l-benefiċċji ekonomiċi għas-soċjetà – huma jikkostitwixxu s-sisien ekoloġiċi li fuqhom hija mibnija l-ekonomija blu. Pereżempju, il-benefiċċji globali ġġenerati bin-netwerk marin Natura 2000 kienu stmati li jilħqu madwar EUR 1.5 biljun fis-sena fl-2011. Dawn il-benefiċċji jistgħu jiżdiedu għal EUR 3,2 biljun jekk tirdoppja l-kopertura tan-Natura 2000 marina.
Iż-Żoni Protetti tal-Baħar jiġġeneraw il-benefiċċji soċjoekonomiċi b’diversi modi. Billi tiżdied il-bijomassa ta’ speċijiet, iż-Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jikkontribwixxu għal żieda mill-ġdid fl-istokkijiet tal-ħut. L-evidenza turi li l-effetti pożittivi tal-konsegwenzi sekondarji taż-Żoni Protetti tal-Baħar jinfirxu maż-żoni tas-sajd fil-viċinanza. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ riżervi marini tal-Gżejjer Columbretes fi Spanja żied il-qabdiet fiż-żoni tas-sajd tal-viċinanza b’madwar 10 % fis-sena.
L-ilma nadif, ħabitats sani u bijodiversità marina abbundanti wkoll huma wieħed mill-pedamenti tat-turiżmu kostali u marittimu. Iż-Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jsiru attrazzjonijiet turistiċi ewlenin li jagħtu spinta lill-ekonomiji kostali u marini. It-turiżmu fiż-żona fejn jinġabar l-ilma tal-Great Barrier Reef Marine Park and World Heritage Area fl-Awstralja ġġenera madwar $6.4 biljun f’nefqa diretta, $5.2 biljun f’valur miżjud u l-ekwivalenti għal aktar minn 64,000 impjieg full-time fl-2012.
Fl-aħħar nett, billi jtejbu s-saħħa tal-ambjent tal-baħar, iż-Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jsaħħu s-servizzi tal-ekosistemi marini oħrajn, bħalma huma l-assimilazzjoni tal-iskart, il-protezzjoni tal-kosta u l-ġestjoni tal-għargħar. In-nominazzjoni ta’ netwerk Brittaniku ta’ Żoni Protetti tal-Baħar kien stmat li ġġenerat valur monetarju ta’ £8.2 biljun għall-gass u r-regolazzjoni tal-klima u £1.3 biljun għaċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti.
Dan ir-rapport jagħti rendikont tal-progress li sar mill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ Żoni Protetti tal-Baħar sal-aħħar tal-2012, kif meħtieġ mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Abbażi tax-xogħol imwettaq mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) dwar il-valutazzjoni tan-netwerk ta’ żoni marini protetti Ewropej, ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-progress li sar fl-istabbiliment ta’ żoni protetti tal-baħar mill-Istati Membri (it-taqsima 2) qabel ma jeżamina l-koerenza u r-rappreżentattività tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(4) (it-taqsima 3). L-aħħar taqsima tagħti perspettiva tax-xogħol li għad irid isir. Mar-rapport hemm mehmuża żewġ annessi tekniċi li jiddefinixxu t-terminoloġija li tintuża fir-rapport, jipprovdu l-kuntest legali Ewropew u internazzjonali tal-istabbiliment taż-Żoni Protetti tal-Baħar, u fihom tabelli li juru ċ-ċifri użati fir-rapport.
2.Valutazzjoni tal-progress li sar
Fl-2015 l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biħsiebha tippubblika rapport dwar iż-żoni marini protetti Ewropej. Skont il-valutazzjoni tagħha, l-Ewropa għamlet sforzi sinifikanti biex tagħżel iż-Żoni Protetti tal-Baħar u biex tistabbilixxi netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-1993. Fi tmiem l-2012, 5.9 % tal-ibħra Ewropej kienu indikati bħala Żoni Protetti tal-Baħar, iżda jeżistu differenzi reġjonali kbar fil-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar madwar l-Ewropa. Fi tlieta minn kull għaxar sottoreġjuni marini, il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar kienet ogħla minn 10 %, filwaqt li l-proporzjon ta’ Żoni Protetti tal-Baħar baqgħet taħt it- 2 % f’żewġ ibħra reġjonali fl-2012 (Tabella 1). Minbarra d-differenzi reġjonali, ġew osservati differenzi kbar bejn il-kopertura ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fl-ilmijiet kostali u fl-ilmijiet barra mill-kosta (Tabella 2). Ta’ min jinnota li l-kopertura ta’ Żoni Protetti tal-Baħar żdiedet mill-2012 ’l hawn, għaliex xi Stati Membri għażlu għadd kbir ta’ Żoni Protetti tal-Baħar.
Ir-rapport tal-EEA jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ żoni marini protetti fl-Ewropa: is-siti marini tan-Natura 2000, iż-Żoni Protetti tal-Baħar magħżula skont il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, u ż-Żoni Protetti tal-Baħar nazzjonali individwali. Għandu jiġi nnotat li t-tliet tipi ta’ Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jikkoinċidu (jiġifieri, sit partikolari jew parti minnu jista’ jintgħażel taħt aktar minn skema waħda), isegwu proċessi differenti ta’ għażla u huma suġġetti għal obbligi legali differenti.
2.1 Siti marini tan-Natura 2000
In-netwerk marin tan-Natura 2000 huwa suċċess kbir billi huwa l-akbar kontributur uniku liż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej f’termini ta’ kopertura. Fi tmiem l-2012 kien ikopri aktar minn 228 000 km² li jammontaw għal aktar minn 4 % tal-ibħra Ewropej. Il-kopertura tan-Natura 2000, madankollu, tvarja fir-reġjuni marini. Fil-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir u fil-Baħar Baltiku, is-siti marini tan-Natura 2000 koprew kważi 18 % u 12 % tal-ilmijiet rispettivament. F’reġjuni oħra, bħal pereżempju, il-Baħar Jonju, il-Baħar Adrijatiku u l-Makaroneżja, il-kopertura tan-Natura 2000 tibqa’ taħt it-2 % (Tabella 3).
Bl-istess mod, il-kopertura ta’ Natura 2000 kienet ogħla ħafna fiż-żoni kostali. Is-siti tan-Natura 2000 koprew 33.3 % tal-ilmijiet qrib ix-xtut, 11.3 % tal-ilmijiet kostali u 1.7 % biss tal-ilmijiet barra mill-kosta. Il-karatteristiċi sinifikanti tal-ambjent marin lil hinn mill-kosta għalhekk kienu għadhom mhux koperti mis-siti tan-Natura 2000. Fl-istess ħin, is-siti tan-Natura 2000, sostnuti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, jipprovdu qafas legali b’saħħtu għall-protezzjoni tas-siti u l-ġestjoni sostenibbli tal-attivitajiet tal-bniedem fihom, u l-Istati Membri ta’ madwar il-kosta żiedu l-isforzi tagħhom biex jimlew il-lakuni eżistenti.
2.2 In-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar stabbiliti skont il-Konvenzjonjiet dwar l-Ibħra Reġjonali
In-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar magħżulin skont il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali jikkoinċidu b’mod sinifikanti man-Natura 2000 u ma’ siti taż-Żoni Protetti tal-Baħar nazzjonali. Il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, madankollu, jirrappreżentaw pjattaforma importanti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ għall-għażla u l-ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar ibbażati fuq l-ekosistema. Għalhekk, il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali jservu ta’ xprun għall-espansjoni tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej.
Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku kien l-ewwel baħar reġjonali fl-Ewropa fejn il-kopertura qabżet l-10 %. Meta l-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku (HELCOM) ivvalutat in-netwerk tagħha taż-Żoni Protetti tal-Baħar fl-2010, il-kopertura kienet laħqet l-10.3 %. Fl-2012 in-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Baħar Baltiku kopra 12.4 % taż-żona ta’ valutazzjoni.
Nistgħu ninnutaw ukoll progress sinifikanti f’ċerti żoni tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal. Eżempju wieħed ta’ dan huwa ż-żona l-Kbira tal-Baħar tat-Tramuntana fejn il-kopertura taż-Żona Protetta tal-Baħar tagħha hija l-ogħla fl-Ewropa (kważi 18 %). Fl-2012 iż-Żoni Protetti tal-Baħar koprew fil-medja 3.2 % taż-żona ta’ valutazzjoni fil-Grigal tal-Atlantiku.
Fl-2012 il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar kienet fil-medja ta’ 9.7 % fiż-żona ta’ valutazzjoni tal-EEA fil-Baħar Mediterran. L-EEA ma setgħetx tevalwa l-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Baħar l-Iswed minħabba n-nuqqas ta’ dejta disponibbli (Tabella 4).
2.3 Iż-Żoni Protetti tal-Baħar nazzjonali
L-Istati Membri għażlu ż-żoni protetti tal-baħar biex jipproteġu wkoll il-karatteristiċi ta’ interess nazzjonali. Dawn is-siti jistgħu jintużaw fin-netwerk tan-Natura 2000, fin-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar skont il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, jew jistgħu jkunu awtonomi. Il-grad ta’ konverġenza bejn in-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar magħżulin skont reġimi differenti jvarja minn Stat Membru għal ieħor, u medja ta’ 68.2 % madwar l-Ewropa f’każ ta’ siti nazzjonali u siti tal-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (jiġifieri aktar minn żewġ terzi tal-erja totali koperta minn żoni protetti tal-baħar nazzjonali u reġjonali hija indikata taħt iż-żewġ reġimi), u ta’ 54.5 % fil-każ ta’ siti nazzjonali u ta’ Żoni Protetti tal-Baħar tan-Natura 2000. Ma kienx possibbli li jintwera li n-nominazzjonijiet multipli jżidu l-livelli ta’ protezzjoni għas-siti taż-Żoni Protetti tal-Baħar.
3.Netwerks koerenti u rappreżentattivi taż-żoni marini protetti
Bħalissa ma jeżisti l-ebda metodu li jivvaluta l-koerenza u r-rappreżentattività tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej. Il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, madankollu, kellhom rwol importanti fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni għall-koerenza tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar. OSPAR, HELCOM u ċ-Ċentru ta’ Attività Reġjonali għal Żoni Protetti b’mod Speċjali (Regional Activity Centre for Specially Protected Areas - RAC/SPA) stabbiliti skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona flimkien ma’ MedPAN fil-Mediterran, kollha vvalutaw il-koerenza tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar.
L-OSPAR jiddefinixxi l-koerenza ekoloġika ta’ netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar skont sitt kriterji: il-karatteristiċi, ir-rappreżentattività, ir-replikazzjoni, il-konnettività, ir-reżiljenza u l-adegwatezza/il-viabbiltà. L-ewwel valutazzjoni tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar tal-OSPAR twettqet fl-2010 u wriet li ma setax jitqies bħala ekoloġikament koerenti fuq il-bażi tad-distribuzzjoni spazjali taż-żoni marini protetti. Fl-2012 għal darb’ oħra OSPAR ipprova jivvaluta l-koerenza ekoloġika tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar tiegħu, iżda ma setax jasal għal konklużjonijiet komprensivi minħabba l-iskarsezza ta’ dejta rilevanti ta’ distribuzzjoni dwar l-ispeċijiet u l-ħabitats. Fl-2012, setgħu jitwettqu valutazzjonijiet superfiċjali biss tal-arranġament spazjali taż-Żoni Protetti tal-Baħar, u dawn kienu taw ħjiel li n-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar tal-OSPAR x’aktarx li ma kienx ekoloġikament koerenti. Madankollu, in-netwerk wera l-ewwel sinjali ta’ koerenza f’ċerti sottoreġjuni (eż. fir-Reġjun Ġenerali tal-Baħar tat-Tramuntana, u sa ċertu punt ukoll fl-Ibħra Keltiċi.
Minn HELCOM ġew identifikati erba’ kriterji ta’ koerenza ekoloġika: l-adegwatezza, ir-rappreżentattività, ir-replikazzjoni tal-karatteristiċi u l-konnettività. Minkejja l-għadd dejjem jikber ta’ Żoni Protetti tal-Baħar innominati fit-territorju tagħha, HELCOM ikkonkludiet fl-2010 li n-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Baħar Baltiku kienu għadhom ma laħqux koerenza ekoloġika.
MedPAN-RAC/SPA vvalutat il-koerenza tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Mediterran abbażi ta’ żewġ kriterji: ir-rappreżentattività u l-konnettività fl-2012. Din il-valutazzjoni kkonkludiet li n-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Mediterran la seta’ jitqies koerenti u lanqas rappreżentattiv. Il-Mediterran tal-Punent tqies bħala l-aktar reġjun konness fil-Mediterran.
Fl-ewwel tentattiv biex jiġu żviluppati sett komuni ta’ kriterji u metodoloġija għall-valutazzjoni tal-koerenza u r-rappreżentattività tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej, fl-2014 konsulenti esterni ħejjew studju għall-Kummissjoni Ewropea. L-istudju sab li n-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar f’żona tal-ittestjar fil-Baħar Baltiku ma kienx koerenti. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tirfina aktar il-metodoloġija għall-valutazzjonijiet tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar fl-UE kollha.
4.Konklużjonijiet u aspettattivi
Iż-Żoni Protetti tal-Baħar huma għodod ta’ ġestjoni tal-ispazju essenzjali għall-konservazzjoni tan-natura. Dawn jistgħu jservu ta’ santwarji għall-bijodiversità mhedda tal-ibħra u tal-oċeani tagħna. Billi jappoġġaw ir-reżiljenza tal-ekosistemi, in-netwerks effettivi ta’ Żoni Protetti tal-Baħar joħolqu benefiċċji ta’ valur għas-soċjetà. Dawn il-benefiċċji soċjoekonomiċi jinkludu l-ħolqien tal-impjiegi, il-provvista tal-ikel, u r-regolazzjoni tal-klima. Iż-Żoni Protetti tal-Baħar għalhekk juru konverġenza qawwija bejn l-ekonomija blu u dik ekoloġika.
Mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-1993, in-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropew ġie estiż biex ikopri kważi 6 % tal-ibħra Ewropej fl-2012. Dan ir-rapport juri l-progress enormi li sar fit-twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fl-Ewropa. Mill-2012 saħansitra ġew innominati aktar siti taż-Żoni Protetti tal-Baħar. Il-ħidma mhix se tieqaf hawn – se jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat li mill-inqas 10 % tal-ibħra tal-Ewropa jkunu protetti permezz tan-netwerks koerenti taż-Żoni Protetti tal-Baħar.
L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, qegħdin jiġu implimentati dejjem aktar permezz ta’ qafas ta’ politika tal-UE, li jipprovdi opportunità eċċellenti għall-għażla u l-ġestjoni integrata taż-Żoni Protetti tal-Baħar. Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u d-Direttiva ta’ qafas għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u l-Politika Komuni tas-Sajd riformata kollha fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jrawmu l-espansjoni tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej fis-snin li ġejjin.
Sabiex jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom, iż-Żoni Protetti tal-Baħar għandhom jinkludu miżuri ta’ ġestjoni, u għandhom ikunu żgurati l-monitoraġġ u l-infurzar effettiv tagħhom. Il-miżuri ta’ ġestjoni jistgħu jinkludu pjanijiet ta’ ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar stess, u miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji f’żoni ġirien bħala għodda komplementari sabiex jiżdied l-effett taż-Żoni Protetti tal-Baħar. Iż-Żoni Protetti tal-Baħar għandhom ikunu parti integrali tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu li jappoġġaw l-approċċ għall-Infrastruttura Ekoloġika u Blu biex jiżguraw u jtejbu l-għoti ta’ servizzi ekosistemiċi multipli mill-istess żona. Dan l-approċċ integrat huwa wkoll essenzjali biex jiżgura li l-pressjonijiet madwar l-ibħra jitnaqqsu u li b’hekk ir-reżistenza tal-ekosistemi tissaħħaħ.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-isforzi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tan-nominazzjoni u l-ġestjoni effettiva taż-Żoni Protetti tal-Baħar, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji oħra għall-bijodiversità marina. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se:
tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva u integrata tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ permezz ta’ aktar komunikazzjoni jew gwida, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 11 tal-PKS;
tinkoraġġixxi l-interpretazzjoni komuni tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina;
tkompli tiżviluppa metodoloġija tal-UE għall-valutazzjoni tal-koerenza u r-rappreżentattività tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar;
tappoġġa lill-Istati Membri, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, partikolarment il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u l-Programm LIFE jew permezz ta’ proċessi li għaddejjin, bħall-proċess bijoġeografiku tan-Natura 2000, biex iżidu n-nominazzjonijiet taż-Żoni Protetti tal-Baħar, speċjalment lil hinn mill-kosta, u għall-ġestjoni effettiva taż-Żoni Protetti tal-Baħar;
tippromwovi strutturi ta’ governanza inklużiva għaż-Żoni Protetti tal-Baħar li jippermettu parteċipazzjoni wiesgħa mill-partijiet ikkonċernatii (eż. l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet lokali, l-atturi ekonomiċi eċċ.) fil-ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar;
fejn meħtieġ, tkompli taħdem fuq mekkaniżmi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE għall-infurzar u l-kontroll effettivi tal-miżuri tal-ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar;
tippromwovi r-riċerka fil-livell Ewropew u tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex tingħalaq id-disrepanza eżistenti fid-dejta li tfixkel il-ġestjoni u l-valutazzjoni effettivi taż-Żoni Protetti tal-Baħar;
tikkontribwixxi biex jiġu ddeterminati l-benefiċċji ekonomiċi minn Żoni Protetti tal-Baħar billi tħejji studji u tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD;
tiżgura rappreżentanza tal-UE f’negozjati dwar Ftehim ta’ Implimentazzjoni tal-UNCLOS għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali sabiex l-Artikoli 192 u 194(5) tal-UNCLOS ikunu jistgħu jitħaddmu aktar faċilment f’dawn l-oqsma.
Il-Kummissjoni se tħejji r-rapport ta’ progress li jmiss dwar l-istabbiliment ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, jiġifieri r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Programmi ta’ Miżuri mressqa mill-Istati Membri. Dan ir-rapport se jipprovdi xenarju ta’ referenza għal din il-valutazzjoni. Il-progress li sar fit-twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fl-Ewropa se jkun evalwat ukoll fl-2019 meta l-Kummissjoni tevalwa l-ewwel ċiklu tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Bi sforz dedikat fil-livelli kollha, għandu jkun possibbli li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-liġi u l-politiki tal-UE u dawk internazzjonali, u li tiżdied il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar ’il fuq minn 10 % sal-2020 fl-Ewropa.