IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2015
COM(2015) 240 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
AĠENDA EWROPEA DWAR IL-MIGRAZZJONI
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0240
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A EUROPEAN AGENDA ON MIGRATION
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI AĠENDA EWROPEA DWAR IL-MIGRAZZJONI
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI AĠENDA EWROPEA DWAR IL-MIGRAZZJONI
/* COM/2015/0240 final */
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2015
COM(2015) 240 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
AĠENDA EWROPEA DWAR IL-MIGRAZZJONI
I. Introduzzjoni
Matul l-istorja, in-nies emigraw minn post għall-ieħor. Persuni li jippruvaw jilħqu x-xtut Ewropej jagħmlu dan għal raġunijiet differenti u permezz ta’ mezzi differenti. Huma jfittxu modi legali, iżda huma jirriskjaw ħajjithom ukoll, biex jaħarbu minn oppressjoni politika, gwerer u faqar, kif ukoll biex isibu r-riunifikazzjoni tal-familja, l-intraprenditorija, l-għarfien u l-edukazzjoni. Il-migrazzjoni ta' kull persuna tirrakkonta l-istorja tagħha. In-narrattivi żbaljati u sterjotipati spiss għandhom it-tendenza li jiffokaw biss fuq ċerti tipi ta’ flussi, u jinjoraw il-kumplessità inerenti ta’ dan il-fenomenu, li jħalli impatt fuq is-soċjetà b’ħafna modi differenti u jitlob għal varjetà ta’ reazzjonijiet. Din l-Aġenda tlaqqa' l-passi differenti li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu issa, u fis-snin li ġejjin, sabiex tibni approċċ koerenti u komprensiv biex taħsad il-benefiċċji u tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-migrazzjoni.
Dak li huwa importanti f'dan il-mument huwa d-dmir li jiġu protetti dawk fil-bżonn. Is-sitwazzjoni ta’ eluf ta’ migranti li jpoġġu ħajjithom fil-periklu biex jaqsmu l-Mediterran kienet ta’ xokk għalina lkoll. Bħala rispons tal-ewwel u immedjat, il-Kummissjoni ressqet pjan b'għaxar punti għal azzjoni immedjata. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew taw l-appoġġ tagħhom lil dan il-pjan u l-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll għal passi konkreti, notevolment biex jiġi evitat aktar telf ta’ ħajjiet.
Ir-rispons kien immedjat, iżda mhux biżżejjed. Dan ma jistax ikun biss rispons ta’ darba. Kienu meħtieġa miżuri ta’ emerġenza għax il-politika Ewropea kollettiva dwar il-kwistjoni naqset milli tagħti r-riżultati mixtieqa. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Ewropej wieġbu għas-sitwazzjoni tal-migranti, ir-realtà hija li madwar l-Ewropa, hemm dubji serji dwar jekk il-politika dwar il-migrazzjoni tagħna hijiex ugwali għall-pressjoni ta’ eluf ta’ migranti, għall-bżonn li jiġu integrati l-migranti fis-soċjetajiet tagħna, jew għall-ħtiġijiet ekonomiċi ta’ Ewropa fi tnaqqis demografiku.
Biex nippruvaw inwaqqfu l-miżerja umana maħluqa minn dawk li jisfruttaw il-migranti, jeħtiġilna nużaw ir-rwol globali tal-UE u l-firxa wiesgħa ta’ għodod biex nindirizzaw il-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni. Xi wħud minn dawn huma profondi iżda jridu jiġu indirizzati. Il-globalizzazzjoni u r-revoluzzjoni tal-komunikazzjoni ħolqu opportunitajiet u għollew l-aspettattivi. Oħrajn huma l-konsegwenza ta’ gwerer u kriżijiet mill-Ukraina sal-Lvant Nofsani, l-Asja u l-Afrika ta’ Fuq. L-impatt tal-faqar u l-kunflitt globali ma jintemmx mal-fruntieri nazzjonali.
L-Ewropa għandha tkompli tkun rifuġju sikur għal dawk li qed jaħarbu l-persekuzzjoni kif ukoll destinazzjoni attraenti għat-talent u l-intraprenditorija ta’ studenti, riċerkaturi u ħaddiema. Iż-żamma tal-impenji u l-valuri internazzjonali tagħna filwaqt li nipproteġu l-fruntieri tagħna u fl-istess ħin noħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba għall-prosperità ekonomika u l-koeżjoni tas-soċjetà tal-Ewropa huwa bilanċ diffiċli li jeħtieġ azzjoni koordinata fuq livell Ewropew.
Dan jitlob li jkun hemm sensiela ta’ miżuri ċentrali u politika komuni ċara u konsistenti. Jeħtieġ li nirkupraw il-fiduċja fil-kapaċità tagħna li nlaqqgħu l-isforzi Ewropej u dawk nazzjonali biex nindirizzaw il-migrazzjoni, nissodisfaw l-obbligi internazzjonali u etiċi tagħna u naħdmu flimkien b’mod effettiv, skont il-prinċipji tas-solidarjetà u r-responsabbiltà kondiviża. L-ebda Stat Membru waħdu ma jista’ jindirizza b’mod effettiv il-migrazzjoni. Huwa ċar li għandna bżonn approċċ ġdid u iktar Ewropew. Dan jeħtieġ l-użu tal-politiki u l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħna — filwaqt li ngħaqqdu politiki interni u esterni sabiex jinkiseb l-aħjar effett. L-atturi kollha: L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u l-pajjiżi terzi jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jagħmlu l-politika Ewropea komuni dwar il-migrazzjoni realtà.
II. Azzjoni Immedjata
L-ewwel parti ta’ din l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni twieġeb għall-ħtieġa ta’ azzjoni ta' malajr u determinata b’rispons għat-traġedja umana fil-Mediterran sħiħ. Id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ April 2015 1 u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ftit jiem wara 2 , urew il-kunsens għal azzjoni rapida biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex tingħata spinta lill-azzjoni tal-UE 3 .
Dan ir-rispons rapidu jrid iservi wkoll bħala l-pjan ta’ azzjoni għar-reazzjoni tal-UE għal kriżijiet futuri, tkun liem tkun il-parti tal-fruntiera esterna komuni li tiġi taħt pressjoni mil-Lvant sal-Punent u mit-Tramuntana san-Nofsinhar.
Salvataġġ tal-persuni mill-baħar
L-Ewropa ma tistax ma tagħmel xejn meta qed jintilfu l-ħajjiet. It-tiftix u s-salvataġġ ser jiġu intensifikati biex jiġi mreġġa' lura l-livell ta’ intervent ipprovdut taħt l-operazzjoni Taljana “Mare Nostrum”. Sabiex jiġi triplat il-baġit għall-operazzjonijiet konġunti ta' Frontex Triton u Poseidon, il-Kummissjoni diġà ppreżentat baġit emendatorju għall-2015 u se tippreżenta l-proposta tagħha għall-2016 sal-aħħar ta’ Mejju. Meta tkun implimentata, din se tespandi kemm il-kapaċità kif ukoll l-ambitu ġeografiku ta’ dawn l-operazzjonijiet, biex b'hekk il-Frontex tkun tista’ tissodisfa r-rwol doppju tagħha ta’ koordinazzjoni tal-appoġġ operattiv fil-fruntieri lill-Istati Membri taħt pressjoni, u tgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet tal-migranti fuq il-baħar 4 . B’mod parallel ma’ din iż-żieda fil-fondi tal-UE, qed jintużaw assi (vapuri u inġenji tal-ajru) minn diversi Stati Membri. Din is-solidarjetà mixtieqa teħtieġ li tinżamm sakemm il-pressjoni migratorja tippersisti. Il-Pjan Operazzjonali Triton il-ġdid ser jiġi ppreżentat sal-aħħar ta’ Mejju 5 .
L-immirar tan-netwerks tal-kuntrabandu kriminali
Iridu jiġu mmirati n-netwerks kriminali li jisfruttaw lill-migranti vulnerabbli. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President (RGħ/VP) diġà ppreżentat għażliet għal operazzjonijiet ta' Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) possibbli biex jiġu identifikati, maqbuda u meqruda sistematikament bastimenti użati minn kuntrabandisti. Tali azzjoni skont il-liġi internazzjonali se tkun dimostrazzjoni qawwija tad-determinazzjoni tal-UE li tieħu azzjoni.
Se jsir aktar sforz biex tinġabar u tintuża aħjar informazzjoni biex jiġu identifikati u mmirati l-kuntrabandisti. Il-Europol minnufih se jsaħħaħ l-operazzjoni ta’ informazzjoni marittima konġunta li ġiet stabbilita dan l-aħħar (JOT MARE) — u l-punt fokali tagħha dwar il-kuntrabandu tal-migranti. Ir-riżultat se jkun punt ta’ waqfa waħda għal kooperazzjoni bejn l-aġenziji dwar il-kuntrabandu 6 . Il-Frontex u l-Europol se jiżviluppaw ukoll profili ta’ bastimenti li jistgħu jintużaw minn kuntrabandisti, wara li jiġu segwiti tendenzi biex jiġu identifikati bastimenti potenzjali u jiġu ssorveljati l-movimenti tagħhom. Fl-aħħar nett, il-Europol se jidentifika kontenut illegali fuq l-internet użat minn kuntrabandisti biex jattiraw migranti u rifuġjati, u jitlob għat-tneħħija tiegħu.
Ir-reazzjoni għal volumi għoljin ta’ wasliet ġewwa l-UE: Rilokazzjoni
Is-sistemi ta’ ażil tal-Istati Membri llum qed jiffaċċjaw pressjoni bla preċedent u, bis-sajf kważi magħna, il-fluss ta’ nies lejn l-Istati Membri li huma l-iktar milquta se jkompli fix-xhur li ġejjin. L-UE m’għandhiex tistenna sakemm il-pressjoni tkun intollerabbli biex taġixxi: il-volumi ta’ wasliet ifissru li l-kapaċità tal-akkoljenza lokali u tal-faċilitajiet ta’ pproċessar diġà tinsab taħt pressjoni. Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Mediterran, il-Kummissjoni, sal-aħħar ta’ Mejju, se tipproponi li tinbeda s-sistema ta’ rispons ta’ emerġenza prevista taħt l-Artikolu 78(3) tat-TFUE 7 . Il-proposta se tinkludi skema ta’ distribuzzjoni temporanja għal persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali biex tiġi żgurata parteċipazzjoni bilanċjata u ġusta tal-Istati Membri kollha f'dan l-isforz komuni. L-Istat Membru li jkun qed jirċievi jkun responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni skont ir-regoli u garanziji stabbiliti. Parametru ta' ridistribuzzjoni bbażat fuq kriterji bħall-PDG, id-daqs tal-popolazzjoni, ir-rata tal-qgħad u numri passati ta’ dawk li jfittxu l-ażil jista' jinstab fl-Anness.
Dan il-pass ser ikun il-prekursur ta’ soluzzjoni dejjiema. L-UE teħtieġ sistema permanenti għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għal numri kbar ta’ rifuġjati u dawk li jfittxu l-ażil fost l-Istati Membri. Sa tmiem l-2015 il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tipprovdi għal sistema ta’ rilokazzjoni obbligatorja u awtomatika biex tqassam lil dawk li b’mod ċar jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-UE meta jinqala' influss bil-massa 8 . L-iskema se tqis l-isforzi li diġà saru fuq bażi volontarja mill-Istati Membri.
Fl-istennija tal-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ miżuri, l-Istati Membri ser ikollhom juru solidarjetà u jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jgħinu dawk il-pajjiżi li huma l-iktar milquta.
Approċċ komuni biex tingħata protezzjoni lil persuni spustati li jeħtieġu l-protezzjoni: Installazzjoni mill-ġdid
Barra mir-rilokazzjoni ta’ dawk li diġà qegħdin fuq territorju tal-UE, l-UE għandha d-dmir li tikkontribwixxi s-sehem tagħha biex tgħin persuni spostati li b’mod ċar jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali. Din hija responsabbiltà konġunta tal-komunità internazzjonali, bil-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) mogħti l-kompitu li jidentifika meta n-nies ma jistgħux jibqgħu f’pajjiżhom stess b'mod sikur. Tali persuni vulnerabbli ma jistgħux jitħallew jużaw in-netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti u traffikanti. Irid ikun hemm mezzi sikuri u legali biex jilħqu l-UE. L-UNHCR approva mira ta’ 20,000 post ta’ risistemazzjoni għall-UE għal kull sena sas-sena 2020. 9 Xi wħud mill-Istati Membri diġà għamlu kontribut kbir għall-isforzi ta’ risistemazzjoni globali. Iżda l-oħrajn ma joffru xejn — u f’ħafna każijiet mhumiex qed jagħmlu kontribuzzjonijiet alternattivi fir-rigward ta’ riċeviment u aċċettazzjoni ta' talbiet għall-ażil jew biex jgħinu fil-finanzjament tal-isforzi tal-oħrajn.
Sal-aħħar ta’ Mejju, il-Kummissjoni se tagħmel Rakkomandazzjoni li tipproponi skema ta’ risistemazzjoni madwar l-UE biex toffri 20,000 post. Din l-iskema se tkopri l-Istati Membri kollha, bi kriterji ta' distribuzzjoni li jinsabu fl-Anness, bħall-PDG, id-daqs tal-popolazzjoni, ir-rata tal-qgħad u numri passati ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil u ta' rifuġjati risistemati, u se tqis l-isforzi diġà magħmula fuq bażi volontarja mill-Istati Membri. Il-baġit tal-UE se jipprovdi finanzjament dedikat ta' EUR 50 miljun żejda fl-2015/2016 bħala sostenn għal din l-iskema. Jekk ikun meħtieġ, dan se jkun segwit bi proposta għal approċċ leġiżlattiv b’mod vinkolanti u obbligatorju lil hinn mill-2016 10 . B’żieda ma’ dan l-isforz komuni, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-possibbiltajiet eżistenti offruti taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u joffru aktar postijiet ta’ risistemazzjoni taħt il-programmazzjoni nazzjonali tagħhom, bil-finanzjament aġġustat malajr.
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jużaw b'mod sħiħ il-mezzi legali oħra disponibbli għal persuni fi bżonn ta’ protezzjoni, inklużi sponsorizzazzjonijiet privati/mhux governattivi u permessi umanitarji, u klawsoli tar-riunifikazzjoni tal-familja.
Il-ħidma bi sħubija ma’ pajjiżi terzi biex tiġi trattata l-migrazzjoni minn qabel
L-UE tista’ wkoll tieħu azzjoni immedjata biex tintervjeni minn qabel f’reġjuni ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) se jaħdmu flimkien mal-pajjiżi sħab biex jistabbilixxu miżuri konkreti biex jiġu evitati vjaġġi perikolużi.
L-ewwel nett, l-UE għandha żżid l-appoġġ tagħha lill-pajjiżi li jġorru l-piż tar-refuġjati li ġew spostati. Se jkunu stabbiliti jew approfonditi l-Programmi ta' Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali, li jibdew fl-Afrika ta’ Fuq u l-Qarn tal-Afrika, kif ukoll billi nibnu fuq dak eżistenti fil-Lvant Nofsani. Fl-2015/2016 se jsiru disponibbli EUR 30 miljun u għandhom ikunu kkumplimentati minn kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri.
It-tieni nett, se jiġi stabbilit ċentru pilota bi skopijiet multipli fin-Niġer sal-aħħar tas-sena. Billi jaħdem mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-UNHCR u l-awtoritajiet tan-Niġer, iċ-Ċentru se jgħaqqad il-forniment ta’ informazzjoni, protezzjoni lokali u opportunitajiet ta’ risistemazzjoni għal dawk fil-bżonn. Ċentri bħal dawn f’pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu se jgħinu biex tingħata stampa realistika tas-suċċess probabbli tal-vjaġġi tal-migranti, u joffru l-possibiltà ta’ modi għal ritorn volontarju assistit għall-migranti irregolari.
It-tielet nett, il-migrazzjoni se ssir komponent speċifiku tal-missjonijiet attwali tal-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) li diġà nbdew f’pajjiżi bħan-Niġer u l-Mali, li ser ikunu msaħħa fuq il-ġestjoni tal-fruntieri. Fil-Ħarifa se jiġi organizzat summit iddedikat ma’ sħab ewlenin f’Malta, inkluża l-Unjoni Afrikana, biex jiġi żviluppat approċċ komuni mar-reġjun li jindirizza l-kawżi tal-migrazzjoni irregolari u l-protezzjoni ta’ persuni fil-bżonn, kif ukoll il-kuntrabandu u t-traffikar ta’ persuni.
Din il-ħidma ser tkun marbuta mill-qrib ma’ inizjattivi politiċi usa’ sabiex jippromwovu l-istabbiltà. Hija ta’ importanza partikolari l-azzjoni mmexxija mir-RGħ/VP biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Libja, b’appoġġ sħiħ għall-isforzi mmexxija min-NU biex jiġi mħeġġeġ il-proċess ta’ twaqqif ta’ Gvern ta’ Unità Nazzjonali. L-isforzi persistenti biex tiġi indirizzata l-kriżi fis-Sirja ġew akkumpanjati minn EUR 3.6 biljun f’għajnuna umanitarja, għall-istabbilizzazzjoni u għall-iżvilupp ġewwa s-Sirja u biex jgħinu lir-refuġjati Sirjani f’pajjiżi bħal-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u l-Iraq. Dawn huma biss xi wħud mill-aktar kriżijiet politiċi ovvji li se jkollhom impatt profond fuq il-migrazzjoni lejn l-UE fix-xhur li ġejjin. Ser tingħata wkoll attenzjoni mill-qrib lis-sħab tagħna mil-Lvant, il-Balkani tal-Punent u l-Asja billi nrawmu oqfsa ta’ kooperazzjoni eżistenti.
L-użu ta’ għodod tal-UE biex jiġu megħjuna l-Istati Membri li huma l-iktar milquta
Se jsiru aktar sforzi biex tiġi trattata l-isfida immedjata li jħabbtu wiċċhom magħha l-Istati Membri li huma l-aktar milquta minn wasliet ta’ migranti.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni se twaqqaf approċċ ġdid ta’ "Hotspot", fejn l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, il-Frontex u l-Europol ser jaħdmu fuq il-post ma’ Stati Membri li huma l-iktar milquta biex malajr jidentifikaw, jirreġistraw u jieħdu l-marki tas-swaba’ tal-migranti li jkunu deħlin. Il-ħidma ta' aġenzija se tkun komplementari għal tal-oħra. Dawk li jitolbu l-ażil ser ikunu immedjatament mgħoddija fi proċedura tal-ażil, fejn timijiet ta' appoġġ tal-EASO se jgħinu biex il-każijiet ta' ażil jiġu pproċessati malajr kemm jista’ jkun. Għal dawk li m’għandhomx bżonn ta’ protezzjoni, il-Frontex se tgħin lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni tar-ritorn ta’ migranti irregolari. Il-Europol u l-Eurojust se jgħinu lill-Istat Membru ospitanti b’investigazzjonijiet biex jiġu żarmati n-netwerks ta’ kuntrabandu u traffikar.
It-tieni nett, il-Kummissjoni se timmobilizza EUR 60 miljun addizzjonali f’finanzjament ta’ emerġenza, inkluż biex iservu ta' sostenn għas-sistemi ta' akkoljenza u tal-kura tas-saħħa lill-migranti fi Stati Membri taħt pressjoni partikolari 11 . Bħalissa għaddejja evalwazzjoni tal-ħtiġijiet.
|
Azzjonijiet Ewlenija |
Pakkett ta’ finanzjament li jittrippla l-allokazzjoni għal Triton u Poseidon fl-2015-16 u biex jiffinanzja skema ta’ risistemazzjoni madwar l-UE. Appoġġ immedjat għal missjoni possibbli tal-PSDK dwar il-kuntrabandu tal-migranti. Proposta leġiżlattiva biex tiġi attivata skema ta' emerġenza taħt l-Artikolu 78(3) TFUE sal-aħħar ta' Mejju, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' distribuzzjoni inkluż fl-Anness. Proposta għal sistema komuni permanenti tal-UE għar-rilokazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sal-aħħar tal-2015. Rakkomandazzjoni għal skema ta’ risistemazzjoni tal-UE sal-aħħar ta’ Mejju segwita, jekk meħtieġ, minn proposta għal approċċ aktar permanenti lil hinn mill-2016. EUR 30 miljun għal Programmi ta’ Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali. Ċentru pilota bi skopijiet multipli stabbilit fin-Niġer sal-aħħar tal-2015. |
II. Erba' pilastri biex il-migrazzjoni tiġi ġestita aħjar
Il-kriżi tal-migrazzjoni fil-Mediterran tefgħet l-enfasi fuq ħtiġiet immedjati. Iżda żvelat ukoll ħafna dwar il-limitazzjonijiet strutturali tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE u l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha. Din hija opportunità għall-UE biex taffaċċja l-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb fil-politika tagħha dwar il-migrazzjoni u tibgħat messaġġ ċar liċ-ċittadini li l-migrazzjoni tista’ tkun ġestita aħjar b’mod kollettiv mill-atturi kollha tal-UE.
Kif spjegat mill-President Juncker fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu, ġlieda b’saħħitha kontra l-migrazzjoni irregolari, it-traffikanti u l-kuntrabandisti, u s-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-Ewropa jridu jiġu mqabbla ma’ politika komuni b’saħħitha dwar l-ażil kif ukoll ma' politika Ewropea ġdida dwar il-migrazzjoni legali. B’mod ċar, din teħtieġ aktar koerenza bejn setturi ta’ politika differenti, bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ, l-impjieg, u l-affarijiet barranin u interni.
Qafas ċar u implimentat sew għal mezzi legali għad-dħul fl-UE (permezz ta’ sistema effiċjenti tal-ażil kif ukoll tal-viża) se jnaqqas fatturi ewlenin lejn il-permanenza u d-dħul irregolari, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri Ewropej kif ukoll għas-sigurtà tal-flussi migratorji.
L-UE trid tkompli toffri protezzjoni lil dawk fil-bżonn. Hija trid tirrikonoxxi wkoll li l-ħiliet meħtieġa għal ekonomija vibranti ma jistgħux dejjem jinstabu fi ħdan is-suq tax-xogħol tal-UE mill-ewwel u jafu jieħdu ż-żmien biex jiżviluppaw. Il-migranti li jkunu ġew ammessi legalment mill-Istati Membri m’għandhomx jaffaċċjaw nuqqas ta' rieda u tfixkil — għandhom jingħataw kull assistenza biex jintegraw fil-komunitajiet il-ġodda tagħhom. Dan għandu jitqies bħala ċentrali għall-valuri li l-Ewropej għandhom ikunu kburija bihom u li għandhom jipproġettaw lis-sħab madwar id-dinja.
Iżda bl-istess mod, l-UE għandha bżonn tislet il-konsegwenzi meta l-migranti ma jissodisfawx il-kriterji għal residenza. Dawk li jitolbu l-ażil mingħajr suċċess li jippruvaw jevitaw li jerġgħu lura, dawk li jaqbżu t-tul tal-perjodu intitolati għalih bil-viża, u migranti li jgħixu fi stat permanenti ta’ irregolarità jikkostitwixxu problema serja. Dan ikisser il-fiduċja fis-sistema. Dan joffri argumenti b’saħħithom għal dawk li qed jippruvaw jikkritikaw jew jistigmatizzaw il-migrazzjoni. Dan jagħmilha iktar diffiċli biex dawk il-migranti li jgħixu fl-UE bħala dritt jintegraw.
L-UE trid tkompli tinvolvi ruħha lil hinn mill-fruntieri tagħha u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab globali tagħha, tindirizza l-kawżi prinċipali, u tippromwovi l-modalitajiet tal-migrazzjoni legali li jrawmu tkabbir u żvilupp ċirkulari fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni. Din ir-riflessjoni ser tkun indirizzata b’mod aktar wiesa’ mir-Rieżami Strateġiku mibdi mir-RGħ/VP biex jevalwa l-impatt tal-bidliet fl-ambjent globali, kif ukoll bir-Rieżami li jmiss tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li se jimmira wkoll li jiġu stabbiliti proposti fi sħubijiet mill-qrib mal-ġirien tagħna għal kooperazzjoni aktar iffokata fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni, inkluża l-migrazzjoni.
Din l-Aġenda tistabbilixxi erba’ livelli ta’ azzjoni għal politika tal-UE dwar il-migrazzjoni li hija ġusta, b’saħħitha u realistika. Meta jiġu implimentati, dawn ser jipprovdu lill-UE b’politika ta’ migrazzjoni li tirrispetta d-dritt għall-ażil, tirrispondi għall-isfida umanitarja, tipprovdi qafas Ewropew ċar għal politika komuni dwar il-migrazzjoni, u li hija dewwiema 12 .
III.1 It-tnaqqis tal-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari
Hemm ħafna motivazzjonijiet differenti wara l-migrazzjoni irregolari. Iżda ta' spiss, tispiċċa f’diżappunt kbir. Il-vjaġġ hu spiss ħafna aktar perikoluż milli mistenni, ħafna drabi jkun f’idejn in-netwerks kriminali li jpoġġu l-profitt qabel l-ħajja umana. Dawk li ma jgħaddux mit-test tal-ażil jaffaċċjaw il-prospett ta’ ritorn. Dawk li jgħixu ħajja klandestina fl-Ewropa għandhom eżistenza prekarja u jistgħu faċilment jisfaw vittmi ta’ sfruttament. Huwa fl-interess ta’ kulħadd li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin li jwasslu biex in-nies ifittxu ħajja xi mkien ieħor, li jiġu mrażżna l-kuntrabandisti u t-traffikanti, u li jiġu pprovduti ċarezza u prevedibbiltà fil-politiki ta’ ritorn.
L-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta’ spustament irregolari u sfurzat f’pajjiżi terzi
Ħafna mill-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni għandhom għeruq profondi fi kwistjonijiet globali li l-UE ilha tipprova tindirizza għal ħafna snin. Il-migrazzjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala wieħed mill-ħafna fatturi li juru li politika esterna tal-UE attiva u impenjata hija ta’ importanza diretta għaċ-ċittadini tal-UE. Il-gwerer ċivili, il-persekuzzjonijiet u t-tibdil fil-klima kollha jikkontribwixxu direttament u immedjatament lejn il-migrazzjoni, b'hekk il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ dawn it-theddidiet huma ta’ importanza primarja għad-dibattitu dwar il-migrazzjoni.
Is-sħubija ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu hija kruċjali u hemm serje ta’ oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali u reġjonali stabbiliti dwar il-migrazzjoni fis-seħħ 13 . Dawn ser jiġu msaħħa permezz tat-tisħiħ tar-rwol dwar il-migrazzjoni ta’ Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi ewlenin. B’mod partikolari d-delegazzjonijiet se jagħtu rapport dwar l-iżviluppi kbar relatati mal-migrazzjoni fil-pajjiżi ospitanti, jikkontribwixxu fl-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u jestendu l-ħidma tagħhom ma' pajjiżi ospitanti biex tiġi żgurata azzjoni kkoordinata. L-uffiċjali ta' kollegament dwar il-migrazzjoni Ewropej se jiġu sekondati f'Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi ewlenin, f’kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk bejn l-Uffiċjali ta’ Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni 14 u mal-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġbru, jaqsmu u janalizzaw l-informazzjoni.
Eżempju tajjeb ta’ fejn hemm x'jiġi ggwadanjat minn żieda fil-kooperazzjoni hija t-Turkija. Mill-bidu tal-2014, it-Turkija rċeviet EUR 79 miljun biex jikkontribwixxu għall-isforzi tagħha biex tindirizza l-pressjoni fuq is-sistema ta’ ġestjoni tagħha tar-rifuġjati u biex jgħinu l-prevenzjoni ta’ vjaġġi perikolużi fil-Mediterran tal-Lvant. L-issekondar ta’ uffiċjal ta’ kollegament tal-Frontex dedikat fit-Turkija se jieħu l-kooperazzjoni pass 'il quddiem.
B’allokazzjoni tal-baġit ta’ EUR 96.8 biljun għall-perjodu 2014-2020, l-assistenza ta' kooperazzjoni esterna tal-UE, u b’mod partikolari l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, għandha rwol importanti fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet globali bħalma huma l-faqar, in-nuqqas ta’ sigurtà, l-inugwaljanza u l-qgħad li huma fost il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u furzata. Dan jinkludi appoġġ fir-reġjuni tal-Afrika, l-Asja u l-Ewropa tal-Lvant minn fejn joriġinaw il-biċċa l-kbira tal-migranti li jaslu fl-Ewropa.
Apparti li tindirizza kawżi ewlenin fuq terminu twil, l-UE tgħin biex jittaffa l-impatt tal-kriżijiet f’livell lokali. Dan jeħtieġ impenn sostnut: iktar minn 70% tar-rifuġjati u l-Persuni Spostati Internament (IDPs) tad-dinja huma maqbuda f’sitwazzjonijiet ta’ spostament għal ħames snin jew aktar. L-UE hija donatriċi internazzjonali ewlenija għar-rifuġjati b’EUR 200 miljun fi proġetti attwali minn assistenza għall-iżvilupp u aktar minn EUR 1 biljun ta’ assistenza umanitarja ddedikati għal rifuġjati u IDPs mill-bidu tal-2014. Bħalissa għaddejja riflessjoni strateġika biex jiġi massimizzat l-impatt ta’ dan l-appoġġ, bir-riżultati mistennija li jidhru fl-2016.
Il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti
L-azzjoni biex jiġu miġġielda n-netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti u traffikanti hija l-ewwel u qabel kollox mod biex jiġi impedit l-isfruttament tal-migranti minn netwerks kriminali 15 . Dan jaġixxi wkoll bħala diżinċentiv għall-migrazzjoni irregolari. L-għan irid ikun li jiġu trasformati n-netwerks ta’ kuntrabandu minn operazzjonijiet ta' "riskju baxx, qligħ għoli" għall-kriminali għal dawk b'"riskju għoli, qligħ baxx". Se jitressaq pjan ta’ azzjoni mill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Mejju.
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi hija ta’ importanza kruċjali. Il-biċċa l-kbira tal-kuntrabandisti mhumiex ibbażati fl-Ewropa, u dawk li huma arrestati fuq dgħajjes fil-Mediterran huma normalment l-aħħar ħolqa fil-katina. Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-gruppi kriminali lokali u internazzjonali li jikkontrollaw ir-rotot tal-kuntrabandu se tkun punt fokali tal-kooperazzjoni intensifikata stabbilita hawn fuq.
L-aġenziji tal-UE jistgħu wkoll jgħinu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jintensifikaw l-azzjoni tagħhom kontra netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti. L-aġenziji jgħinu jidentifikaw il-kuntrabandisti, jinvestigawhom, jieħdu passi legali kontrihom, jiffriżaw u jikkonfiskaw l-assi tagħhom. Dan se jinkludi sforzi immedjati biex jiġu identifikati, maqbuda u meqruda l-bastimenti qabel ma dawn jintużaw minn netwerks kriminali (ara hawn fuq). Se jkunu appoġġati investigazzjonijiet finanzjarji proattivi, li jimmiraw għal qbid u rkupru ta’ assi kriminali, u azzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus marbut mal-kuntrabandu ta’ migranti permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa ma’ Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja fuq il-flussi finanzjarji u kooperazzjoni ġdida ma’ istituzzjonijiet finanzjarji, bħal banek, servizzi ta’ trasferiment ta’ flus internazzjonali, u dawk li joħorġu l-karti ta’ kreditu. Dan se juża wkoll il-kondiviżjoni ta' tagħrif imtejba stipulata fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.
Sabiex jissaħħu l-istrumenti disponibbli għall-prosekuturi biex jindirizzaw in-netwerks tal-kuntrabandu, il-Kummissjoni se ttejjeb il-qafas legali eżistenti tal-UE biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-migranti u dawk li jibbenefikaw minnu 16 . Sabiex tittieħed azzjoni speċifika kontra n-netwerks tat-traffikanti u tingħata assistenza lill-vittmi tat-traffikar, il-Kummissjoni se ttemm ukoll l-inizjattivi previsti fl-istrateġija attwali kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u tħares lejn kif jista’ jittejjeb iktar ix-xogħol fl-2016 17 . Sors potenzjali ieħor ta’ sfruttament ġej minn min iħaddem fl-UE. Filwaqt li tippromwovi integrazzjoni aħjar fis-suq tax-xogħol ta’ migranti legali, il-Kummissjoni se tintensifika l-azzjoni kontra l-impjieg illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inter alia permezz ta’ infurzar u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra min Iħaddem 18 , li tipprojbixxi l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx id-dritt li jibqgħu fl-UE. Hija se tagħti prijorità wkoll lil proċeduri ta’ ksur relatati ma’ din id-Direttiva.
Ritorn
Wieħed mill-inċentivi għal migranti irregolari huwa l-għarfien li s-sistema tar-ritorn tal-UE — biex jirritornaw migranti irregolari jew dawk li l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom tkun ġiet miċħuda — taħdem b’mod imperfett. In-netwerks ta’ kuntrabandu spiss jirrispondu għall-fatt li relattivament ftit deċiżjonijiet ta’ ritorn huma infurzati — fl-2013 ġew infurzati b’mod effettiv 39,2% biss tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa.
Biex tiżdied ir-rata ta’ infurzar, jeħtieġ li l-ewwel niżguraw li pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligu internazzjonali tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom stess li jirrisjedu b’mod irregolari fl-Ewropa 19 . L-UE għandha tkun lesta li tuża kull ingranaġġ u inċentiv għad-dispożizzjoni tagħha. Il-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar dwar Proġett Pilota dwar ir-Ritorn lejn il-Pakistan u l-Bangladesh se joffri dimostrazzjoni prattika importanti għal dak li jmissu jsir 20 . L-UE ser tgħin pajjiżi terzi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom billi toffri appoġġ bħall-bini ta’ kapaċità għall-ġestjoni tar-ritorn, kampanji ta’ informazzjoni u għarfien, u appoġġ għal miżuri ta’ integrazzjoni mill-ġdid. Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll l-approċċ tagħha għal ftehimiet ta’ riammissjoni, 21 billi tgħati prijorità lill-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini ta’ migranti irregolari.
Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva tar-Ritorn 22 . Il-Kummissjoni se tagħti prijorità lill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, b’sistema ta' ritorn aktar rapidu li taħdem id f’id mar-rispett tal-proċeduri u l-istandards li jippermettu lill-Ewropa tiżgura trattament uman u dinjituż tal-persuni rimpatrijati u użu proporzjonat ta’ miżuri koersivi, f’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta' "non-refoulement 23 . L-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar ir-ritorn ta’ migranti irregolari bħalissa qed tiġi vvalutata bir-reqqa fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen, u "Manwal dwar ir-Ritorn" se jappoġġa lill-Istati Membri b’linji gwida komuni, l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet.
Filwaqt li l-UE għandha regoli komuni dwar ir-ritorn, tbati minn nuqqas ta’ kooperazzjoni operazzjonali effettiva. Il-Frontex bħalissa qiegħda toffri appoġġ konsiderevoli lill-Istati Membri, iżda l-mandat tagħha jrid jiġi msaħħaħ biex tiżdied il-kapaċità tagħha biex tipprovdi assistenza operattiva komprensiva. Fil-preżent, il-FRONTEX tista’ biss tikkoordina missjonijiet ta’ ritorn iżda mhux tibda tagħha stess. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni attwali li għandha tiġi konkluża din is-sena, il-Kummissjoni se tipproponi li temenda l-bażi legali tal-Frontex biex issaħħaħ ir-rwol tagħha dwar ir-ritorn. 24
|
Azzjonijiet Ewlenija |
L-indirizzar tal-kawżi ewlenin permezz ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Il-migrazzjoni ssir kwistjoni ċentrali għad-delegazzjonijiet tal-UE. Pjan ta’ Azzjoni dwar il-kuntrabandu f’Mejju 2015. Azzjoni aktar b’saħħitha sabiex pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom. Adozzjoni ta’ Manwal dwar ir-Ritorn u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn. It-tisħiħ u l-emendar tal-bażi legali tal-Frontex biex jissaħħaħ ir-rwol tagħha dwar ir-ritorn. |
III.2 Il-ġestjoni tal-fruntieri - il-preservazzjoni tal-ħajjiet u s-sigurtà fil-fruntieri esterni
Il-miżuri deskritti hawn fuq biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Mediterran illum ġew żviluppati bħala miżuri ta’ emerġenza bħala reazzjoni għal kriżi speċifika. Tkun illużjoni jekk nemmnu li din hija ħtieġa tal-preżent li qatt mhi se tirrepeti ruħha. It-tisħiħ tal-Frontex u l-istabbiliment ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala livell ta’ appoġġ u solidarjetà li se jibqgħu fis-seħħ.
Ir-regoli ta’ impenn miftiehma għall-operazzjonijiet ta' Triton għandhom jitqiesu bħala mudell għal azzjoni futura fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar esterni kollha. Kull kriżi ser tkun differenti, iżda l-UE trid titgħallem il-lezzjoni u tkun lesta li taġixxi b’antiċipazzjoni ta’ kriżi, mhux biss b’reazzjoni.
Il-gwardakosta għandhom rwol kruċjali kemm biex isalvaw il-ħajjiet kif ukoll biex iżommu sigurtà fil-fruntieri marittimi. L-effettività tagħhom tittejjeb permezz ta’ kooperazzjoni akbar. Il-Kummissjoni, flimkien ma’ aġenziji rilevanti, ser tappoġġa kooperazzjoni bħal din u, fejn ikun xieraq, l-akkomunament ulterjuri ta’ ċerti funzjonijiet tal-gwardakosta fil-livell tal-UE.
Dejjem qed isir iktar neċessarju li jiġu identifikati x-xejriet ta’ riskju għat-tħejjija operattiva effettiva. L-implimentazzjoni ta’ Eurosur 25 ipprovdiet mudell tajjeb li fuqu għandna nibnu u dan għandu jintuża b’mod sħiħ mill-awtoritajiet ċivili u militari kollha b’responsabbiltà għas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi. L-aġenziji rilevanti għandhom jiżviluppaw stampa tas-sitwazzjoni effettiva li tkun tista’ tikkontribwixxi fit-tfassil tal-politika u fit-tħejjija tar-rispons fil-livelli nazzjonali u Ewropej 26 .
L-UE għandha politika stabbilita biex tgħin lill-Istati Membri jibnu fruntieri esterni sodi u konsistenti. Il-Fond għas-Sigurtà Interna diġà jipprovdi aktar minn EUR 2,7 biljun lill-Istati Membri għall-perjodu mill-2014-2020. Iżda filwaqt li r-regoli dwar il-kontroll tal-fruntieri huma fis-seħħ, il-ġestjoni tal-fruntieri llum tvarja, ibbażata fuq taħlita ta’ dokumenti u strumenti settorjali. Fl-2016, il-Kummissjoni se tikkonsolidaha fi standard tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri li jkopri l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.
Il-ġestjoni aktar effiċjenti tal-fruntieri tagħna timplika wkoll użu aħjar tal-opportunitajiet offruti minn sistemi u teknoloġiji tal-IT. L-UE llum għandha tliet sistemi tal-IT fuq skala kbira, li jittrattaw l-amministrazzjoni tal-ażil (Eurodac), l-applikazzjonijiet għal viża (is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża), u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar persuni jew oġġetti li għalihom ikun ġie magħmul allert mill-awtoritajiet kompetenti (Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen). L-użu sħiħ ta’ dawn is-sistemi jista’ jagħti benefiċċji lill-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll itejjeb il-kapaċità tal-Ewropa li tnaqqas il-migrazzjoni irregolari u tirritorna l-migranti irregolari. Mal-inizjattiva “Fruntieri Intelliġenti” tibda fażi ġdida biex tiżdied l-effiċjenza tal-qsim tal-fruntieri, l-iffaċilitar tal-qsim għall-maġġoranza kbira ta’ vjaġġaturi "bona fide" ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari billi jinħoloq reġistru tal-movimenti transfruntieri kollha minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’segwitu għad-diskussjonijiet inizjali dwar l-ewwel proposta u biex jittieħed kont tat-tħassib imqajjem mill-koleġiżlaturi, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta proposta rieżaminata dwar il-Fruntieri Intelliġenti sal-bidu tal-2016 27 .
L-iżvilupp ta’ standards għoljin fl-UE wkoll se jagħmilha aktar faċli għall-Ewropa biex tappoġġa lil pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw is-soluzzjonijiet proprji tagħhom biex jimmaniġġaw aħjar il-fruntieri tagħhom. Inizjattivi f'pajjiżi Afrikani u tal-viċinat ewlenin jistgħu jiġu appoġġati minn Frontex kif ukoll minn inizjattivi ta' finanzjament tal-UE u dawk relatati fil-kuntest ta’ politiki tal-viċinat u l-iżvilupp tal-UE. L-għan għandu jkun li jiġu mħeġġa fruntieri aktar sikuri, iżda wkoll biex tissaħħaħ il-ħila ta’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq biex jintervjenu u jsalvaw il-ħajjiet tal-immigranti f’diffikultà.
|
Azzjonijiet Ewlenija |
It-tisħiħ tar-rwol u l-kapaċità tal-Frontex. Standard tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-UE tal-funzjonijiet tal-gwardakosta. Proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti. It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ pajjiżi terzi biex jimmaniġġjaw il-fruntieri tagħhom. |
III.3. Id-dmir tal-Ewropa li tħares: politika tal-ażil komuni b'saħħitha
L-UE teħtieġ sistema ta' akkoljenza ċara għal dawk li qed ifittxu l-ażil fl-UE. Fl-2014, rekord ta’ 600,000 persuna applikaw ghall-ażil fl-UE. Kull applikazzjoni għall-ażil trid tiġi pproċessata u tingħata l-protezzjoni lil dawk li jikkwalifikaw għaliha. Waħda mid-dgħufijiet esposti fil-politika attwali kienet in-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari bħala riżultat tal-frammentazzjoni kontinwa tas-sistema tal-ażil. Dan għandu impatt dirett fuq dawk li jfittxu l-ażil li qed ifittxu li jagħżlu bejn pajjiż u ieħor, iżda wkoll fuq l-opinjoni pubblika tal-UE: dan iħeġġeġ sens li s-sistema attwali hija fundamentalment inġusta. Iżda l-UE għandha regoli komuni li għandhom diġà jipprovdu bażi għal fiduċja reċiproka, u żvilupp ulterjuri ta’ dawn ir-regoli se jippermetti bidu ġdid.
Implimentazzjoni koerenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil
Il-prijorità hija li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u koerenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Dan se jkun appoġġat minn proċess ta' monitoraġġ sistematiku ġdid, biex jgħarbel l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-ażil u jrawwem fiduċja reċiproka. Barra minn hekk, billi taħdem mal-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), il-Kummissjoni se tagħti aktar gwida biex jittejbu l-istandards dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-proċeduri tal-ażil li jipprovdu lill-Istati Membri b’indikaturi tal-kwalità definiti tajjeb u sempliċi, u li jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal 28 . Il-Kummissjoni se tagħti prijorità wkoll lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni fil-prattika tal-leġislazzjoni adottata reċentement dwar ir-regoli tal-ażil meta tikkunsidra l-proċeduri ta’ ksur 29 .
L-EASO fl-istess ħin se jżid il-kooperazzjoni prattika, billi jiżviluppa rwol bħala l-kamra tal-ikklerjar tal-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini nazzjonali — l-informazzjoni fattwali li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet dwar l-ażil. Dan għandu jħeġġeġ deċiżjonijiet aktar uniformi. Miżuri ewlenin oħra huma t-taħriġ 30 u netwerk iddedikat ġdid ta’ awtoritajiet ta’ akkoljenza, li jista’ jqiegħed il-pedament għall-akkomunament ta’ postijiet ta’ akkoljenza fi żminijiet ta’ emerġenza.
It-tisħiħ tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil ifisser ukoll approċċ aktar effettiv għal abbużi. Isiru wisq talbiet mingħajr bażi: fl-2014, 55% tat-talbiet għall-ażil wasslu għal deċiżjoni negattiva u għal xi nazzjonalitajiet kważi t-talbiet għall-ażil kollha kienu miċħuda, u dan ostakola l-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni fil-pront lil dawk fil-bżonn. Il-leġiżlazzjoni tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġu miġġielda l-abbużi, pereżempju billi jkun permess l-ipproċessar rapidu ta’ applikazzjonijiet għall-ażil infondati. Biex issaħħaħ dan, il-Kummissjoni se taħdem mal-EASO u l-Istati Membri biex jiżviluppaw linji gwida biex jiġu massimizzati possibbiltajiet bħal dawn.
Problema oħra tinħoloq b’applikazzjonijiet għall-ażil minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża biex jidħlu fl-UE. Dawn il-każijiet jistgħu jiġu ttrattati parzjalment permezz tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża 31 . Biex issaħħaħ dan, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Pajjiż ta’ Oriġini Sikur tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil biex jappoġġaw l-ipproċessar ta' malajr tal-applikanti għall-ażil minn pajjiżi indikati bħala siguri 32 .
Is-Sistema ta’ Dublin — aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri
Minkejja li t-titjib legali riċenti seħħ biss fl-2014, il-mekkaniżmu għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet biex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-ażil (is-"sistema ta’ Dublin" 33 ) mhux qed jaħdem kif suppost. Fl-2014, ħames Stati Membri ttrattaw 72 % tal-applikazzjonijiet għall-ażil madwar l-UE kollha. L-UE tista’ tipprovdi assistenza ulterjuri, iżda jeħtieġ li r-regoli jiġu applikati b’mod sħiħ.
L-Istati Membri huma responsabbli biex japplikaw is-sistema ta’ Dublin. B’mod partikolari, huma għandhom jallokaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex jiżdied l-għadd ta’ trasferimenti u jitnaqqas id-dewmien, b’mod proattiv u konsistenti japplikaw il-klawsoli relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, u jagħmlu użu usa' u regolari tal-klawsoli diskrezzjonali, li jippermettulhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil u jnaqqsu l-pressjoni minn fuq l-Istati Membri li huma l-iktar milquta. Fil-livell tal-Unjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) ser jappoġġa lill-Istati Membri billi jistabbilixxi netwerk ta’ unitajiet ta' Dublin nazzjonali dedikat.
L-Istati Membri jridu wkoll jimplimentaw b’mod sħiħ ir-regoli dwar it-teħid ta’ marki tas-swaba’ 34 tal-migranti fil-fruntieri. L-Istati Membri taħt pressjoni partikolari se jibbenefikaw minn sistema ta' Hotspot għall-forniment ta’ appoġġ operattiv fuq il-post (ara hawn fuq). Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll, sal-aħħar ta’ Mejju, gwida biex jiġi ffaċilitat it-teħid tal-marki tas-swaba' sistematiku, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, appoġġata minn kooperazzjoni prattika u skambju tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll kif aktar identifikaturi bijometriċi jistgħu jintużaw permezz tas-sistema Eurodac (bħal ma hu l-użu ta’ tekniki ta’ rikonoxximent tal-wiċċ permezz ta’ ritratti diġitali).
Meta ġiet imfassla s-sistema ta’ Dublin, l-Ewropa kienet fi stadju differenti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-ażil. L-influssi li kienet qed taffaċċja kienu ta’ natura u skala differenti. Meta l-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin tagħha fl-2016, se tkun tista’ tuża wkoll l-esperjenza miksuba mill-mekkaniżmi ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni. Dan se jgħin biex jiġi ddeterminat jekk hux se jkun meħtieġ rieżami tal-parametri legali ta’ Dublin biex tintlaħaq distribuzzjoni aktar ġusta ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil fl-Ewropa 35 .
|
Azzjonijiet Ewlenija |
L-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ġdida għas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u gwida biex ittejjeb l-istandards dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-proċeduri tal-ażil. Linji gwida għall-ġlieda kontra l-abbużi tas-sistema dwar l-ażil. It-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Pajjiż ta’ Oriġini Sikur tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil biex jappoġġaw l-ipproċessar ta' malajr tal-applikanti għall-ażil minn pajjiżi indikati bħala siguri. Miżuri li jippromwovu l-identifikazzjoni sistematika u t-teħid tal-marki tas-swaba’. Aktar identifikaturi bijometriċi jiġu mgħoddija minn Eurodac. Evalwazzjoni u rieżami possibbli tar-Regolament ta’ Dublin fl-2016. |
III.4 Politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali
L-Ewropa qed tikkompeti ma’ ekonomiji oħrajn biex tattira ħaddiema bil-ħiliet li teħtieġ. Bidliet fil-ħiliet meħtieġa fl-UE bejn l-2012 u l-2025 huma mistennija li juru żieda qawwija fis-sehem ta’ impjiegi li jirrikjedu xogħol b'livell ta’ edukazzjoni ogħla (bi 23 %) 36 . Diġà dehru nuqqasijiet f’setturi ewlenin bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-kura tas-saħħa. Jeħtieġ li l-Ewropa tibni l-bażi tal-ħiliet tagħha stess u tħarreġ lin-nies għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol tal-lum. Il-Kummissjoni se tippreżenta Pakkett dwar il-Mobbiltà tax-Xogħol ġdid u Inizjattiva dwar il-Ħiliet ġdida 37 fl-2015, iżda anki bi sforz determinat fit-terminu medju u dak twil x’aktarx li ma nkunux kapaċi nissodisfaw il-ħtiġijiet b'mod sħiħ.
L-UE qed tiffaċċja wkoll sensiela ta’ sfidi ekonomiċi u demografiċi fuq terminu twil. Il-popolazzjoni tagħha qed tixjieħ, iżda l-ekonomija tagħha dejjem qed issir aktar dipendenti fuq impjiegi b’livell għoli ta’ ħiliet. Barra minn hekk, mingħajr il-migrazzjoni l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-UE se tonqos bi 17,5-il miljun fid-deċennju li jmiss. Il-migrazzjoni se tkun dejjem iktar mezz importanti biex titjieb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-protezzjoni soċjali tagħna u biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-UE.
Din hija r-raġuni għaliex, anki jekk il-każ għall-migrazzjoni legali dejjem se jkun diffiċli fi żmien ta’ qgħad għoli u bidla soċjali, huwa importanti li jkun hemm fis-seħħ sistema komuni ċara u rigoruża, li tirrifletti l-interess tal-UE, inkluż billi żżomm lill-Ewropa bħala destinazzjoni attraenti għall-migranti 38 .
Migrazzjoni regolari ġestita tajjeb u politika dwar il-viża
Deċiżjonijiet dwar il-volum ta’ ammissjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin biex ifittxu x-xogħol ser jibqgħu l-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri. Iżda hemm rwol speċifiku għall-UE. Matul is-seba’ snin li ġejjin, programmi Ewropej bħal Orizzont 2020 u Erasmus+ se jattiraw individwi b'talent lejn l-UE. Id-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi, li bħalissa qed tiġi nnegozjata mill-koleġiżlaturi, għandha l-għan li tagħti lil dawn il-gruppi opportunitajiet ta' mobilità u ta’ tfittxija tax-xogħol. L-adozzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni tippermetti lil dawn il-gruppi strateġikament importanti biex jaraw lill-UE bħala ambjent sikur għal xogħolhom 39 .
Il-pass li jmiss għandu jkun skema attraenti mifruxa mal-UE kollha għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għoljin. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu 40 diġà tipprovdi skema bħal din, iżda fl-ewwel sentejn tagħha, inħarġu biss 16,000 Karta Blu u 13,000 kienu maħruġa minn Stat Membru wieħed. Sal-aħħar ta’ Mejju, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tad-Direttiva dwar il-Karta Blu. Reviżjoni tad-Direttiva se tħares lejn kif hija tista’ ssir iktar effettiva biex tattira t-talent lejn l-Ewropa. Ir-rieżami jista’ jinkludi studju dwar kwistjonijiet ta’ ambitu bħal pereżempju intraprendituri li huma lesti li jinvestu fl-Ewropa, jew it-titjib tal-possibbiltajiet għal mobbiltà intra UE għad-detenturi tal-Karta Blu.
Settur ieħor b’impatt ekonomiku importanti huwa s-servizzi. Is-settur tas-servizzi jinkludi professjonisti barranin imħarrġa sew, b’livell għoli ta’ għarfien li għandhom bżonn jivvjaġġaw lejn l-UE għal perjodi qosra sabiex jipprovdu servizzi lil negozji jew gvernijiet. Il-Kummissjoni se tivvaluta modi possibbli biex tipprovdi ċertezza legali għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, ukoll sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE sabiex titlob reċiproċitajiet meta tinnegozja Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs).
Ir-rwol tal-Istati Membri f’dawn id-deċiżjonijiet jappella għal djalogu aktar dirett u miftuħ biex tinbena fehma u approċċi ta’ politika komuni u jsir skambju tal-aħjar prattika fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ djalogu permanenti u ta’ evalwazzjoni bejn il-pari fil-livell Ewropew dwar kwistjonijiet bħan-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, ir-regolarizzazzjoni u l-integrazzjoni — kwistjonijiet fejn deċiżjonijiet minn Stat Membru wieħed ikollhom impatt fuq l-oħrajn.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll pjattaforma ta’ djalogu biex tinkludi kontribut min-negozji, it-trejdjunjins u sħab soċjali oħra, biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-migrazzjoni għall-ekonomija Ewropea u l-migranti nfushom.
L-UE għandha bżonn l-għodod biex tidentifika dawk is-setturi ekonomiċi u x-xogħlijiet li qed jaffaċċjaw, jew se jaffaċċjaw, diffikultajiet fir-reklutaġġ jew diskrepanzi fil-ħiliet. L-għodod eżistenti diġà jipprovdu xi informazzjoni, iżda hemm bżonn ta’ stampa aktar kompluta 41 . Portali web eżistenti, bħal pereżempju l-portal dwar il-Migrazzjoni tal-UE u l-Portal għall-Mobilità tal-Impjiegi tal-Ewropa (EURES) jista’ jkollhom ukoll rwol importanti fl-iffaċilitar tat-tqabbil tal-impjiegi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jinsabu fl-UE. Fit-tqabbil tal-ħiliet tal-migranti, problema partikolari hija n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba minn migranti f’pajjiżhom. L-UE tista’ tgħin biex jitjieb il-fehim tal-kwalifiki miksuba barra l-UE 42 .
L-isforzi li qed isiru biex tiġi żviluppata l-politika ta’ migrazzjoni legali ġdida tagħna jirriflettu l-immodernizzar tal-politika tal-viża tagħna 43 . Fl-2014, il-Kummissjoni ressqet reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi u pproponiet l-istabbiliment ta’ tip ġdid ta’ viża: il-Viża Itineranti 44 . L-adozzjoni ta’ dawn il-proposti se tipprovdi lill-UE b'għodod ta’ politika tal-viża aktar flessibbli, bil-għan li jiġi massimizzat l-impatt ekonomiku pożittiv li jiġu attirati aktar turisti, u viżitaturi fuq raġunijiet personali jew professjonali filwaqt li jiġu minimizzati r-riskji tal-migrazzjoni irregolari u s-sigurtà. Il-Kummissjoni se tikkonkludi wkoll sal-aħħar tal-2015 ir-rieżami attwali tagħha ta’ liema nazzjonalitajiet jeħtieġu viżi u tista’ tipproponi li tneħħi r-rekwiżiti tal-viża għal xi nazzjonalitajiet, fuq bażi reċiproka, jew li timponi mill-ġdid ir-rekwiżiti tal-viża għal oħrajn. Dan se jqis id-djalogi politiċi li għaddejjin ma’ pajjiżi ewlenin dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u mobilità.
Integrazzjoni effettiva
Il-politika ta’ migrazzjoni tagħna tirnexxi jekk tkun sostnuta minn politiki effettivi ta’ integrazzjoni. Għalkemm il-kompetenza taqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa azzjonijiet minn gvernijiet nazzjonali, awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili involuti fil-proċess kumpless u għal perjodu twil tat-trawwim tal-integrazzjoni u l-fiduċja reċiproka.
Il-finanzjament huwa pprovdut permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). Iżda l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jistgħu wkoll ikunu ta’ importanza partikolari 45 . Għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid (2014-20), mill-inqas 20% tar-riżorsi tal-FSE ser jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali, li jinkludu miżuri favur l-integrazzjoni tal-migranti, b’enfasi partikolari fuq dawk li qed ifittxu l-ażil u r-refuġjati kif ukoll fuq it-tfal. Il-Fondi jistgħu jappoġġaw inizjattivi mmirati biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi u professjonali, itejbu l-aċċess għas-servizzi, jippromwovu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni inklużiva, irawmu skambji interkulturali u jippromwovu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati kemm lejn il-komunitajiet ospitanti kif ukoll il-migranti.
Il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tal-iżvilupp għal pajjiżi ta’ oriġini
Il-politika dwar il-migrazzjoni legali tal-UE għandha tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ pajjiżi ta’ oriġini 46 . In-Nazzjonijiet Uniti dalwaqt se jadottaw Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u għandhom jiġu inklużi miri relatati mal-migrazzjoni, flimkien ma’ miri f’oqsma bħall-promozzjoni tax-xogħol deċenti, l-impjiegi għaż-żgħażagħ, politiki ta’ protezzjoni tal-pagi u soċjali li jistgħu jgħinu lill-pajjiżi ta’ oriġini biex joħolqu opportunitajiet ekonomiċi aħjar f’pajjiżhom. L-UE ser tkompli tappoġġa b’mod attiv miri relatati mal-migrazzjoni bħala parti mill-qafas ġenerali finali, u tenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni bħala mezzi orizzontali tal-implimentazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015. Dan jikkomplementa l-ħidma tas-Sħubijiet ta’ Mobilità tal-UE 47 u l-isforzi tagħna biex nintegraw kwistjonijiet ta’ migrazzjoni f’setturi għall-iżvilupp fundamentali.
Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll mill-inqas EUR 30 miljun biex tappoġġa s-sħab bil-bini tal-kapaċità fuq il-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li tiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lil ħaddiema migranti u l-indirizzar tal-isfruttament. Biex tirrifletti s-suċċess tal-Ewropa fl-istabbiliment ta' suq uniku bbażat fuq il-mobilità tax-xogħol, l-UE nediet ukoll inizjattiva ta' EUR 24 miljun biex tappoġġa l-moviment ħieles fi ħdan il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent. Skemi ta’ mobilità tax-xogħol reġjonali li jinkoraġġixxu mobilità min-Nofsinhar għan-Nofsinhar jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp lokali. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll reklutaġġ etiku f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal kwalifikat fil-pajjiżi tal-oriġini billi tappoġġa l-inizjattivi internazzjonali f’dan il-qasam.
Mod ta’ kif l-UE tista’ tgħin biex tiżgura li l-pajjiżi ta’ oriġini jibbenefikaw mill-migrazzjoni huwa permezz tal-iffaċilitar ta' trasferimenti ta’ rimessi orħos, aktar rapidi u aktar sikuri. L-adozzjoni tal-proposta għal "Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament II tal-UE" 48 tkun tista’ tgħin sabiex issaħħaħ l-ambjent regolatorju għal rimessi, u mill-inqas EUR 15-il miljun se jsiru disponibbli permezz tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp biex jappoġġjaw inizjattivi ewlenin f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.
|
Azzjonijiet Ewlenija |
Modernizzazzjoni u rieżami tal-iskema tal-Karta Blu. Pjattaforma għad-djalogu mas-sħab soċjali dwar il-migrazzjoni ekonomika. Azzjoni iktar b’saħħitha biex torbot il-politika tal-migrazzjoni u l-iżvilupp. Finanzjament ta' prijoritizzazzjoni mill-ġdid għall-politiki ta’ integrazzjoni Trasferimenti ta' rimessi orħos, aktar mgħaġġlin u aktar siguri. |
IV. Nimxu 'l quddiem
Din l-Aġenda primarjament tiffoka fuq l-offerta ta' soluzzjonijiet li se jippermettu lill-Ewropa timxi ‘l quddiem f’dawn l-oqsma fit-terminu qasir u twil. Iżda jekk irridu nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod effettiv u sostenibbli fuq it-terminu twil, il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-migrazzjoni teħtieġ li tagħmel iktar.
L-inizjattivi li jinsabu fl-Aġenda se jkunu kruċjali fit-tfassil ta’ politika tal-migrazzjoni Ewropea effettiva u bilanċjata. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u l-Protokolli rilevanti tagħha, il-Kummissjoni se tniedi riflessjonijiet paralleli fuq għadd ta’ oqsma:
1.It-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil: It-Trattati tal-UE jawspikaw status ta’ ażil uniformi validu fl-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni se tniedi dibattitu wiesa’ dwar il-passi li jmiss fl-iżvilupp ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, inklużi kwistjonijiet bħall-Kodiċi tal-Ażil komuni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil 49 . Parti mid-dibattitu se jinkludi wkoll riflessjoni fuq perjodu itwal ta’ żmien lejn l-istabbiliment ta’ proċess ta’ deċiżjoni unika tal-ażil, bl-għan li jiġi garantit trattament ugwali ta’ dawk li jfittxu l-ażil madwar l-Ewropa.
2.Ġestjoni kondiviża tal-fruntieri Ewropej: Iż-żieda fl-azzjoni fil-Mediterran tesponi r-realtà li l-ġestjoni tal-fruntieri esterni qed issir dejjem aktar responsabbiltà kondiviża. Minbarra Sistema Ewropea ta’ Gwardji tal-Fruntiera, 50 dan ikopri approċċ ġdid għal funzjonijiet tal-gwardjakosta fl-UE, li jħares lejn inizjattivi bħall-kondiviżjoni tal-assi, l-eżerċizzji konġunti u l-użu doppju tar-riżorsi kif ukoll il-possibbiltà li wieħed jimxi lejn Gwardjakosta Ewropea.
3.Mudell ġdid dwar il-migrazzjoni legali: It-Trattati tal-UE jirriżervaw id-deċiżjoni finali dwar l-ammissjoni ta’ migranti ekonomiċi għall-Istati Membri. Madankollu, l-UE trid tagħti ħarsa lejn kif tista' tgħaqqad flimkien din il-limitazzjoni mal-bżonnijiet kollettivi tal-ekonomija tal-UE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tħares lejn il-possibbiltà li tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, “sistema ta' espressjoni ta’ interess”. Din tuża kriterji verifikabbli biex awtomatikament tagħmel għażla inizjali ta’ migranti potenzjali, b'min iħaddem mistieden biex jidentifika l-applikanti ta' prijorità mil-lista ta’ kandidati, u l-migrazzjoni sseħħ wara li l-migrant jiġi offrut impjieg. Dan jippermetti l-ħolqien ta’ akkomunament mal-UE kollha ta’ migranti kkwalifikati, aċċessibbli kemm għal min iħaddem u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri — iżda l-għażla u l-proċedura ta’ ammissjoni jibqgħu nazzjonali, abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol attwali tal-Istati Membri.
ANNESS
Skemi Ewropej għar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni
Rilokazzjoni
"Rilokazzjoni" tfisser distribuzzjoni fost l-Istati Membri ta’ persuni li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.
Abbażi ta’ parametru ta’ distribuzzjoni, il-Kummissjoni, sal-aħħar ta’ Mejju, se tipproponi li tinbeda s-sistema ta’ rispons ta’ emerġenza prevista taħt l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tintroduċi skema ta’ rilokazzjoni Ewropea temporanja għal dawk li qed ifittxu l-ażil li b’mod ċar jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali.
Il-parametru ta’ distribuzzjoni ser ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, kwantifikabbli u verifikabbli li jirriflettu l-kapaċità tal-Istati Membri li jassorbu u jintegraw ir-refuġjati, b'fatturi ta’ ponderazzjoni xierqa li jirriflettu l-importanza relattiva ta’ dawn il-kriterji (ara t-Tabella 1 hawn taħt). Dan il-parametru se jkun ibbażat fuq l-elementi li ġejjin 51 :
a)id-daqs tal-popolazzjoni (40%) peress li jirrifletti l-kapaċità ta’ assorbiment ta' ċertu numru ta’ rifuġjati;
b)il-PDG totali 52 (40%) peress li jirrifletti l-ġid assoluti ta’ pajjiż u b’hekk huwa indikattiv għall-kapaċità ta’ ekonomija li tassorbi u tintegra r-rifuġjati;
c)l-għadd medju ta’ applikazzjonijiet għall-ażil spontanji u l-għadd ta’ rifuġjati risistemati għal kull 1 miljun abitant tul il-perjodu 2010-2014 (10%) peress li jirrifletti l-isforzi li saru mill-Istati Membri fil-passat reċenti;
d)ir-rata tal-qgħad (10%) bħala indikatur li jirrifletti l-kapaċità li jiġu integrati r-rifuġjati.
In-numri reali li għandhom jiġu rilokati għal kull Stat Membru se jiddependu fuq in-numru totali ta’ persuni li jridu jiġu rilokati u ser jiġu inklużi fil-proposta leġiżlattiva.
L-Istat Membru riċevitur se jkun responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil skont ir-regoli u l-garanziji stabbiliti.
Fl-applikazzjoni tal-parametru ta' distribuzzjoni ta’ referenza titqies is-sitwazzjoni tal-kriżi speċifika. L-Istati Membri minn fejn tkun se sseħħ ir-rilokazzjoni m’għandhomx jikkontribwixxu bħala Stat Membru. rilokanti. Il-proposta se tirrifletti l-pożizzjoni tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka kif stabbilit fil-Protokolli rispettivi tat-Trattati.
Risistemazzjoni
"Risistemazzjoni" tfisser it-trasferiment ta’ persuni individwali spostati li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, wara l-offerta tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u bi ftehim mal-pajjiż ta’ risistemazzjoni, minn pajjiż terz lejn Stat Membru, fejn huma jkunu ser jiddaħħlu u jingħataw id-dritt li jibqgħu u xi drittijiet oħra paragunabbli għal dawk mogħtija lil benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.
Il-Kummissjoni, sal-aħħar ta’ Mejju, se tadotta Rakkomandazzjoni għal skema ta’ risistemazzjoni Ewropea.
Din l-iskema se tkopri l-Istati Membri kollha. L-Istati assoċjati se jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-iskema. Is-sehem tal-postijiet ta’ risistemazzjoni offruti b'kollox se jkun allokat lil kull Stat Membru fuq il-bażi tal-istess parametru ta’ distribuzzjoni kif spjegat hawn fuq għall-iskema ta’ rilokazzjoni (ara t-Tabella 2 hawn taħt).
L-iskema se tikkonsisti minn offerta Ewropea unika ta’ 20,000 post ta’ risistemazzjoni.
Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għall-iskema billi tagħmel addizzjonalment disponibbli total ta’ EUR 50 miljun għall-2015 u l-2016.
Ir-reġjuni ta’ prijorità għar-risistemazzjoni se jinkludu l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani, u l-Qarn tal-Afrika, filwaqt li ssir enfasi fuq pajjiżi fejn l-Iżvilupp Reġjonali u l-Programmi ta’ Protezzjoni qed jiġu implimentati. L-iskema għandha tistabbilixxi rabtiet qawwija ma’ dawn il-programmi.
Il-kooperazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u organizzazzjonijiet rilevanti oħra se tkun imsejħa biex tassisti fl-implimentazzjoni, f’konformità mal-prattika attwali (identifikazzjoni, sottomissjoni, trasferiment, eċċ.). Jista' jkun previst ukoll involviment prattiku tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil fl-iskema. Kull Stat Membru jibqa’ responsabbli għad-deċiżjonijiet ta’ ammissjoni individwali.
Il-Kummissjoni hija konxja mir-riskju ta’ ċaqliq sekondarju spontanju ta’ individwi risistemati. Dan se jiġi indirizzat billi r-risistemazzjoni ssir kundizzjonali fuq qbil mill-persuna risistemata li tibqa' fl-Istat fejn tkun ġiet risistemata għal perjodu ta’ mill-inqas ħames (5) snin, billi tiġi infurmata dwar il-konsegwenza ta’ moviment ulterjuri fi ħdan l-UE u l-fatt li mhux se jkun possibbli li takkwista l-istatus legali fi Stat Membru ieħor jew li tikseb aċċess għal drittijiet soċjali. Identifikazzjoni u ritorn rapidi tal-persuni li ma jimxux ma' ftehim bħal dan huwa diġà possibbli skont il-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Aġenziji rilevanti, se tiżviluppa aktar l-għodod għall-applikazzjoni prattika ta’ dawn il-miżuri.
Tabella 1 Skema ta’ rilokazzjoni Ewropea
|
Parametru |
|
|
L-Awstrija |
2,62% |
|
Il-Belġju |
2,91% |
|
Il-Bulgarija |
1,25% |
|
Il-Kroazja |
1,73% |
|
Ċipru |
0,39% |
|
Ir-Repubblika Ċeka |
2,98% |
|
L-Estonja |
1,76% |
|
Il-Finlandja |
1,72% |
|
Franza |
14,17% |
|
Il-Ġermanja |
18,42% |
|
Il-Greċja |
1,90% |
|
L-Ungerija |
1,79% |
|
L-Italja |
11,84% |
|
Il-Latvja |
1,21% |
|
Il-Litwanja |
1,16% |
|
Il-Lussemburgu |
0,85% |
|
Malta |
0,69% |
|
In-Netherlands |
4,35% |
|
Il-Polonja |
5,64% |
|
Il-Portugall |
3,89% |
|
Ir-Rumanija |
3,75% |
|
Is-Slovakkja |
1,78% |
|
Is-Slovenja |
1,15% |
|
Spanja |
9,10% |
|
L-Iżvezja |
2,92% |
Il-kalkoli huma bbażati fuq informazzjoni statistika fornuta minn Eurostat (ikkonsultat fit-8 ta’ April 2015).
Tabella 2 Skema ta’ risistemazzjoni Ewropea
|
L-Istati Membri 55 |
Parametru |
Allokazzjoni totali bbażata fuq 20.000 persuna |
|
L-Awstrija |
2,22% |
444 |
|
Il-Belġju |
2,45 % |
490 |
|
Il-Bulgarija |
1,08 % |
216 |
|
Il-Kroazja |
1,58 % |
315 |
|
Ċipru |
0,34 % |
69 |
|
Ir-Repubblika Ċeka |
2,63 % |
525 |
|
Id-Danimarka 56 |
1,73% |
345 |
|
L-Estonja |
1,63% |
326 |
|
Il-Finlandja |
1,46 % |
293 |
|
Franza |
11,87 % |
2375 |
|
Il-Ġermanja |
15,43 % |
3086 |
|
Il-Greċja |
1,61 % |
323 |
|
L-Ungerija |
1,53 % |
307 |
|
L-Irlanda56 |
1,36% |
272 |
|
L-Italja |
9,94% |
1989 |
|
Il-Latvja |
1,10% |
220 |
|
Il-Litwanja |
1,03% |
207 |
|
Il-Lussemburgu |
0,74% |
147 |
|
Malta |
0,60% |
121 |
|
In-Netherlands |
3,66 % |
732 |
|
Il-Polonja |
4,81 % |
962 |
|
Il-Portugall |
3,52% |
704 |
|
Ir-Rumanija |
3,29% |
657 |
|
Is-Slovakkja |
1,60% |
319 |
|
Is-Slovenja |
1,03% |
207 |
|
Spanja |
7,75% |
1549 |
|
L-Iżvezja |
2,46% |
491 |
|
Ir-Renju Unit56 |
11,54% |
2309 |
Il-kalkoli huma bbażati fuq informazzjoni statistika fornuta minn Eurostat (ikkonsultat fit-8 ta’ April 2015).
Il-kalkoli perċentwali saru sa ħames punti deċimali u mqarrba 'l fuq jew 'l isfel sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali għall-preżentazzjoni fit-tabella; l-allokazzjonijiet ta’ persuni kienet magħmula fuq il-bażi taċ-ċifri sħaħ sa ħames ċifri wara l-punt deċimali.
Laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew, it-23 ta’ April 2015 — dikjarazzjoni: http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/04/23-special-euco-statement/. Din il-parti tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tinkorpora u tkompli tiżviluppa l-inizjattivi inklużi fil-Pjan Direzzjonali li l-Kummissjoni ppreżentat bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ April.
http://www.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=en&reference=2015/2660 (RSP).
Il-politika komuni tal-Unjoni dwar l-ażil, l-immigrazzjoni, il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri esterni hija bbażata fuq it-Titolu V (L-Ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont il-Protokolli 21 u 22 tat-Trattati, ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka ma jiħdux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-TFUE. Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata, jew fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni tagħha, li jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe tali miżura proposta. Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista’, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li tixtieq tapplika b’mod sħiħ il-miżuri rilevanti kollha adottati fuq il-bażi tat-Titolu V tat-TFUE.
Dan l-appoġġ huwa b'żieda għall-assistenza sostanzjali disponibbli għal dawn l-Istati Membri minn fondi tal-Affarijiet Interni li tagħhom l-Italja hija l-ikbar benefiċjarju f’termini assoluti u Malta f’termini per capita.
Peress li Triton u Poseidon huma operazzjonijiet ikkoordinati mill-Frontex li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-fruntieri esterni, huma jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen, li fih l-Irlanda u r-Renju Unit ma jipparteċipawx (ara n-nota f'qiegħ il-paġna 25 hawn taħt). Dan il-fatt ma jeskludix bastimenti tar-Renju Unit milli jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ Tiftix u Salvataġġ, fil-Mediterran, f’koordinazzjoni minn Triton u Poseidon.
L-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Eurojust għandhom ukoll jikkontribwixxu għal dan ix-xogħol.
Din il-proposta ma tapplikax għad-Danimarka u tapplika għar-Renju Unit u l-Irlanda biss jekk dawn jagħmlu użu mid-dritt rispettiv tagħhom għal inklużjoni fakultattiva (ara n-nota f'qiegħ il-paġna 3).
Dwar l-ambitu ta’ tali proposta, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
Dikjarazzjoni tal-Viċi Direttur tal-UNHCR, Rapport ta’ Progress dwar ir-Risistemazzjoni, Laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli, Ġinevra, 26-28-2012.
Dwar l-ambitu ta’ tali proposta, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
Għal dan l-għan l-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi disponibbli taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Pajjiżi affettwati b’mod partikolari minn influss ta’ migranti u persuni li qed ifittxu l-ażil jistgħu jitolbu l-assistenza wkoll kif xieraq mill-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili.
Fir-rigward tal-ambitu tal-miżuri li diġà japplikaw u/jew ser jiġu proposti, taħt it-Titolu V tat-TFUE, biex tiġi implimentata l-Aġenda, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 dwar id-drittijiet għal inklużjoni fakultattiva li jikkonċernaw ir-Renju Unit u l-Irlanda u l-istatus ta' inklużjoni fakultattiva li jikkonċerna d-Danimarka.
Il-proċess ta’ Rabat, il-Proċess ta’ Khartoum, il-Proċess ta’ Budapest, il-Proċess ta’ Praga, id-Djalogu dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità bejn l-UE u l-Afrika.
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004. L-uffiċjali ta’ Kollegament tal-Immigrazzjoni huma rappreżentanti tal-Istati Membri li huma ssekondati f'pajjiż li mhuwiex Stat Membru, sabiex jiffaċilitaw il-miżuri meħuda mill-UE biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni irregolari (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1). Ir-Renju Unit u l-Irlanda għażlu li jintrabtu b'dan ir-Regolament (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).
Dawn l-isforzi ser jiġu segwiti wkoll taħt l-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà u l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima. Il-kuntrabandu u t-traffikar ta' migranti huma żewġ attivitajiet differenti iżda interkonnessi mwettqa permezz ta’ netwerks kriminali. Id-differenza bejn it-tnejn hija li f’tal-ewwel, il-migranti minn jeddhom jipparteċipaw fi proċess ta’ migrazzjoni irregolari billi jħallsu għas-servizzi ta’ kuntrabandist sabiex jaqsmu fruntiera internazzjonali, filwaqt li f’tal-aħħar huma jkunu l-vittmi, imġiegħla fi sfruttament estrem li jista' jew le jkun marbut mal-qsim ta' fruntiera. Fir-realtà, iż-żewġ fenomeni mhumiex faċli jiġu mifrudin peress li persuni li jibdew il-vjaġġi tagħhom f’manjiera volontarja huma wkoll vulnerabbli għal netwerks ta’ sfruttament tax-xogħol jew sesswali.
Xi wħud mill-miżuri adottati mill-Unjoni qabel l-1 ta’ Diċembru 2009 fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ma għadhomx japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014, fuq il-bażi tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll 36 tat-Trattati, li jistabbilixxu proċedura speċifika "non-parteċipazzjoni totali" u "opt-back-in" (ara d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar il-miżuri notifikati mir-Renju Unit, ĠU L 345, 1.12.2014, p. 1 u ĠU C 430, 1.12.2014, p. 1). Fl-2002, l-UE adottat regoli biex tirbaħ fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti: Id-Direttiva 2002/90/KE li tistabbilixxi definizzjoni komuni tar-reat tal-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17) u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/JHA dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1). Ir-Renju Unit u l-Irlanda għażlu li jintrabtu kemm bid-Direttiva kif ukoll bid-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, għar-Renju Unit, id-Deċiżjoni Qafas ma tibqax tapplika bis-saħħa tan-non-parteċipazzjoni totali prevista fil-Protokoll 36 imsemmi hawn fuq. Ir-Renju Unit jista’ madankollu xorta jiddeċiedi li josserva l-obbligi ta' din id-Deċiżjoni Qafas.
Rigward l-ambitu ta’ dawk l-inizjattivi u l-miżuri diġà fis-seħħ, ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 3 u 17.
Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24-32. Ir-Renju Unit u l-Irlanda ma għażlux li jintrabtu b'din id-Direttiva u għalhekk mhumiex marbuta minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.
Jeżisti obbligu speċifiku fil-Ftehim ta’ Cotonou mal-pajjiżi tal-AKP. Skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Cotonou, kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jaċċetta lura d-dħul u riammissjoni ta' kwalunkwe ċittadin tiegħu li jkun illegalment preżenti fuq art ta' xi stat tal-AKP, fuq talba ta' dak l-Istat, mingħajr aktar formalitajiet; u kull Stat tal-AKP jaċċetta r-ritorn u r-riammissjoni ta' kwalunkwe ċittadin tiegħu li jkun preżenti illegalment fuq territorju ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fuq talba ta' dak l-Istat Membru u mingħajr aktar formalitajiet.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Ritorn tal-UE adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-5 u s-6 ta’ Ġunju 2014.
Ftehim ta’ riammissjoni jiffaċilita r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-Partijiet Kontraenti jdaħħlu mill-ġdid fit-territorju tagħhom mingħajr ebda formalità, persuni bin-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż li jkunu residenti mingħajr awtorizzazzjoni fil-pajjiż l-ieħor jew li jkunu qasmu l-fruntiera tiegħu b’mod illegali.
Id-Direttiva 2008/115/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 348 98, 24.12.2008, p. 98-107. Ir-Renju Unit u l-Irlanda ma għażlux li jintrabtu b'din id-Direttiva u għalhekk mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.
Non-refoulement huwa prinċipju tad-dritt internazzjonali, approvat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, skont liema persuna ma tistax tiġi rritornata f’post fejn ikun hemm riskju serju tal-piena tal-mewt, tortura jew trattament inuman jew degradanti.
Il-Frontex ġiet stabbilita bir-Regolament 2007/2004 (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1). Bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda u r-Renju Unit ma jiħdux sehem, dawn l-Istati Membri mhumiex parti mill-Frontex. Madankollu hemm kooperazzjoni mal-Irlanda u mar-Renju Unit skont l-Artikolu 12 tar-Regolament, b’mod partikolari rigward l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn.
Ir-Regolament 1052/2013 tat-22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR): sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni mfassla biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, ĠU L 295, 6.11.2013, p. 1 EUROSUR tippermetti l-kondiviżjoni kważi f’ħin reali ta’ dejta relatata mal-fruntieri bejn il-membri tan-netwerk, li jikkonsisti minn pajjiżi Schengen u l-Frontex. Peress li EUROSUR huwa żvilupp tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda u r-Renju Unit ma jipparteċipawx, dawn l-Istati Membri mhumiex parti minn EUROSUR. Il-kooperazzjoni limitata fuq livell reġjonali prevista fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament hija attwalment taħt skrutinju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża pendenti Nru C-88/14).
Ikkoordinata mill-Frontex b’kontribut mill-EASO, il-Europol, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.
Dwar l-ambitu ta’ tali proposta, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
Sabiex tħares lejn il-vulnerabbiltajiet speċifiċi tat-tfal, mhux biss dawk li għandhom sfond ta' migrant, il-Kummissjoni se tiżviluppa strateġija komprensiva biex issegwi l-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2011-2014) biex tkopri tfal nieqsa u mhux akkumpanjati.
Id-Direttiva 2013/32/UE tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60; Id-Direttiva 2013/33/UE tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96. Ir-Renju Unit u l-Irlanda ma għażlux li jintrabtu b'dawn id-Direttivi.
Il-Kurrikulu ta’ Taħriġ tal-EASO, sistema ta’ taħriġ vokazzjonali komuni maħsuba għall-uffiċjali tal-ażil u gruppi oħra destinatarji bħal ma huma l-maniġers u l-uffiċjali legali madwar l-UE.
Dan jippermetti lill-UE tieħu azzjoni preventiva fi sħubija mal-pajjiżi ta’ oriġini, filwaqt li tiżviluppa kampanji ta’ informazzjoni mmirati u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kuntrabandisti.
Id-Direttiva 2013/32/UE, imsemmija iktar 'il fuq.
Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31). Ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Id-Danimarka tipparteċipa fis-sistema ta’ Dublin permezz ta’ ftehim internazzjonali separat li hija kkonkludiet mal-UE fl-2006. Il-kriterji biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà, b’ordni ġerarkika, jinfirxu mill-konsiderazzjonijiet tal-familja, għal pussess reċenti ta’ viża jew ta' permess ta’ residenza fi Stat Membru, sal-punt jekk l-applikant ikunx daħal fl-UE b’mod irregolari, jew regolari.
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac (tfassil mill-ġdid). Ir-Renju Unit u l-Irlanda għażlu li jintrabtu b'dan ir-Regolament. Id-Danimarka tipparteċipa fis-sistema ta' Eurodac permezz ta’ ftehim internazzjonali separat li hija kkonkludiet mal-UE fl-2006.
Dwar l-ambitu ta’ tali proposta ġdida ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
Descy, Pascaline (2014), “Projected labour market imbalances in Europe: Policy challenges in meeting the Europe 2020 employment targets”, f'OECD/European Union, Matching Economic Migration with Labour Market Needs, Pubblikazzjoni OECD ( http://dx.doi.org/10.1787/9789264216501-12-en ).
Iż-żewġ inizjattivi huma diġà previsti fl-Anness 1 tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015.
Il-Kummissjoni ser twettaq ukoll evalwazzjoni u valutazzjoni (kontroll tal-idoneità) tal-acquis eżistenti dwar il-migrazzjoni legali bl-għan li jiġu identifikati nuqqasijiet u inkonsistenzi u tikkunsidra modi possibbli ta’ simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni fil-qafas attwali tal-UE sabiex tikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji legali. Dwar l-ambitu ta’ tali proposta ġdida ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
COM/2013/0151 finali. Dwar l-ambitu ta’ din il-proposta ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
Id-Direttiva 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17–29. Ir-Renju Unit u l-Irlanda ma għażlux li jintrabtu b'din id-Direttiva u għalhekk mhumiex marbuta minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.
Bħalma huma Skills Panorama u Skills Alliances.
Pereżempju permezz tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fil-kuntest tar-rieżami li jmiss tas-sistema tal-EUROPASS.
Il-politika komuni dwar il-viżi prinċipalment prevista fil-Kodiċi dwar il-Viżi (ir-Regolament 810/2009) tistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għall-fini ta’ eż. turiżmu, negozju, żjajjar privati familja/ħbieb, avvenimenti kulturali u sportivi. Hija parti mill-acquis ta’ Schengen li fiha l-Irlanda u r-Renju Unit ma jipparteċipawx. Fl-2014, l-Istati ta’ Schengen ħarġu madwar 15.8-il miljun viża li jirrappreżenta żieda ta’ madwar 60% meta mqabbel mal-2009. Attwalment tinsab taħt diskussjoni fil-Parlament u l-Kunsill proposta riformulata tal-Kodiċi dwar il-Viżi (COM(2014) 164).
Hija tip ġdid ta’ viża kemm għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma għandhomx bżonn viża kif ukoll għal dawk li jeħtiġuha b’interess leġittimu li jivvjaġġaw madwar iż-żona Schengen għal aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum (COM(2014)163). Din il-proposta tibni fuq il-parti tal-acquis ta’ Schengen li fiha l-Irlanda u r-Renju Unit ma jipparteċipawx.
L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri se tiġi vvalutata sal-aħħar tal-2015 biex ikun verifikat jekk l-Istati Membri laħqux l-għanijiet tagħhom u jekk hux meħtieġ xi programmar mill-ġdid ta’ riżorsi tal-FSE.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni" (COM(2013)292 finali); Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Migrazzjoni fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-UE tat-12 ta’ Diċembru 2014.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità" (COM/2011/743 finali). Dawn huma l-aktar oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali elaborati fil-qasam tal-migrazzjoni. Huma joffru qafas politiku għal djalogu u kooperazzjoni komprensivi, msaħħa u mfassla apposta ma’ pajjiżi sħab, inkluż sett ta’ miri u impenji kif ukoll pakkett ta’ miżuri speċifiċi ta’ appoġġ offruti mill-UE u l-Istati Membri interessati. Dawn jinkludu negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u ftehimiet dwar ir-riammissjoni.
COM/2013/0547 finali.
Rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil pożittivi jfisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ deċiżjonijiet dwar l-ażil pożittivi meħuda minn Stat Membru ieħor.
Studju dwar il-fattibilità tal-ħolqien ta’ sistema Ewropea ta’ gwardji tal-fruntiera ( http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/border-crossing/docs/20141016_home_esbg_frp_001_esbg_final_report_3_00_en.pdf ), l-istudju li għaddej bħalissa dwar il-futur ta’ Frontex.
B’kunsiderazzjoni tad-diskussjonijiet preċedenti fil-kuntest tal-Forum ta’ Risistemazzjoni u Rilokazzjoni.
Il-PDG per capita ma għandux jintuża peress li kunsiderazzjonijiet per capita huma diġà riflessi fil-kriterji dwar id-daqs tal-popolazzjoni.
Il-politika komuni tal-Unjoni dwar l-ażil, l-immigrazzjoni, il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri esterni hija bbażata fuq it-Titolu V (L-Ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont il-Protokolli 21 u 22 tat-Trattati, ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka ma jiħdux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-TFUE. Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill, fi żmien tliet xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata, jew fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni tagħha, li jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe tali miżura proposta. Id-Danimarka fi kwalunkwe żmien tista’, skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha, tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li tixtieq tapplika b’mod sħiħ il-miżuri rilevanti kollha adottati fuq il-bażi tat-Titolu V tat-TFUE. Jekk ir-Renju Unit u l-Irlanda jiddeċiedu li jieħdu sehem fl-iskema ta’ rilokazzjoni, il-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jiġi adattat skont dan. Jekk id-Danimarka u l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw b’mod volontarju fl-iskema ta’ rilokazzjoni, il-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati ser ukoll jiġu modifikati skont dan.
Il-perċentwali stabbiliti fil-parametru ta’ distribuzzjoni ser jiġu adattati biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni ta’ kriżi speċifika indirizzata mill-iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 78(3) TFUE. L-Istati Membri minn fejn se sseħħ ir-rilokazzjoni m’għandhomx jikkontribwixxu bħala Stat Membru rilokanti.
Jekk l-Istati Assoċjati jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-iskema ta’ risistemazzjoni, il-parametru u l-allokazzjoni totali jinbidlu kif meħtieġ.
Filwaqt li l-iskema ta’ risistemazzjoni proposta se tieħu l-forma ta’ Rakkomandazzjoni, il-politika komuni tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni hija bbażata fuq it-Titolu V tat-TFUE. Għalhekk se jiġu kkunsidrati l-aspetti speċifiċi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, rigward il-Protokolli 21 u 22 tat-Trattati, dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka.