IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.7.2014
COM(2014) 520 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija
{SWD(2014) 255 final}
{SWD(2014) 256 final}
1.Introduzzjoni
Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija fil-perjodu 2020 sa 2030
. Dan il-qafas jipproponi miri ambizzjużi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-enerġija rinnovabbli bħala parti mit-tranżizzjoni tal-Unjoni għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Dan jippromwovi wkoll tnaqqis fid-dipendenza enerġetika u enerġija aktar affordabbli għan-negozji u l-konsumaturi permezz ta' suq intern li jiffunzjona sew. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-qafas 2030 ġie kumplimentat b'analiżi aktar dettaljata tas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li tqiesu l-avvenimenti ġeopolitiċi riċenti fil-fruntiera tal-lvant tal-UE, flimkien ma' strateġija li tipproponi azzjonijiet konkreti sabiex titnaqqas id-dipendenza enerġetika fil-futur immedjat u fuq perjodu aktar fit-tul
.
Bi qbil mat-talba tal-Kunsill Ewropew, din il-Komunikazzjoni tispjega u tikkwantifika l-kontribut li l-effiċjenza enerġetika jista' jkollha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, li huma żewġ aspetti ta' qafas integrat għall-politika dwar il-klima u l-enerġija. Bi qbil mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, il-Komunikazzjoni tirrapporta wkoll dwar il-prospettiva li tintlaħaq il-mira ta' 20 % għall-effiċjenza enerġetika fl-2020.
L-effiċjenza enerġetika għandha rwol fundamentali fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli b'suq intern tal-enerġija fil-qalba tagħha. Filwaqt li l-enerġija tipprovdi l-elettriku lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tagħna, it-tkabbir tal-ġejjieni jrid ikun immexxi b'anqas enerġija u kostijiet aktar baxxi. L-UE tista' twassal dan il-mudell ġdid. Kif jidher mill-figura, minn ħafna qabel ma laqtet il-kriżi fl-2008, l-UE kienet bdiet tissepara t-tkabbir ekonomiku mill-konsum tal-enerġija permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika. Minn dak iż-żmien 'l hawn is-separazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-konsum tal-enerġija kompliet tikber, xprunata mis-sinjali tal-prezzijiet u minn sett komprensiv ta' politiki dwar l-effiċjenza enerġetika (ara l-figura).
Figura 1. Evoluzzjoni tal-konsum tal-enerġija u l-PDG fl-UE 1995-2013
Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni abbażi ta' dejta tal-EUROSTAT
2.Prospetti biex tintlaħaq il-mira 2020
Il-qafas preżenti tal-effiċjenza enerġetika
Ġiet stabbilita mira indikattiva ta' ffrankar tal-enerġija ta' 20 % sal-2020 bħala l-mira ewlenija għall-effiċjenza enerġetika. L-Istati Membri stipulaw miri nazzjonali mhux vinkolanti dwar l-effiċjenza enerġetika. Dawn il-miri huma appoġġati minn:
Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED);
Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD);
Ir-Regolamenti dwar il-prodotti li jistabbilixxu standards minimi dwar il-prestazzjoni enerġetika u jpoġġu informazzjoni dwar il-prestazzjoni enerġetika fuq it-tikketti;
L-istandards dwar il-prestazzjoni tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet;
Iż-żieda fil-finanzjament permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI), Orizzont 2020, u faċilitajiet iddedikati bħal ELENA u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika;
L-introduzzjoni tal-arloġġi smart wara d-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku;
L-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS).
Id-deskrizzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni preżenti hija mogħtija fil-Kaxxa 1.
Kaxxa 1: Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ewlenija dwar l-effiċjenza enerġetika – is-sitwazzjoni attwali
Id-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija fil-liġi nazzjonali għaddiet biss dan l-aħħar. Il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Istati Membri dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-2014 jindikaw it-tisħiħ tal-politiki nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika (ara l-ħarsa ġenerali fl-Anness I).
L-EED qiegħda tinċentiva tibdil fil-mudell kummerċjali tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi tal-enerġija. Hija teħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu faċilitajiet ta' finanzjament għall-effiċjenza enerġetika. Fil-Ġermanja, il-bank pubbliku KfW jipprovdi self preferenzjali għall-modifiki ta' bini eżistenti biex ikun aktar effiċjenti fl-enerġija u l-kostruzzjoni ta' oħrajn ġodda. Bejn l-2006 u l-2013, ġew modifikati 2.8 miljun dar u nbnew 540,000 dar ġdida effiċjenti ħafna.
Fi Franza, l-abbozz tal-liġi nazzjonali ġdida jipprovdi għal diversi azzjonijiet konkreti, b'mod partikolari għall-bini. Fost il-miżuri hemm tnaqqis fiskali sa 30 % tal-ispiża tar-rinnovamenti għall-effiċjenza enerġetika, minn Settembru 2014 'il quddiem.
Qed jiġu diversifikati l-mekkaniżmi ta' finanzjament skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b'użu akbar tal-istrumenti finanzjarji.
L-għadd ta' Stati Membri li japplikaw skemi ta' obbligu ta' effiċjenza enerġetika għall-utilitajiet mistenni jiżdied minn ħamsa għal sittax. Fil-Polonja, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EED se jiġu implimentati b'mod sħiħ permezz ta' sistema bħal din.
L-EED tippromwovi programmi biex jiżdied l-għarfien fost id-djar dwar il-benefiċċji tal-awditjar tal-enerġija permezz ta' servizzi xierqa ta' konsulenza. Fir-Renju Unit, dipartiment speċjalizzat jgħin fit-tfassil ta' politiki abbażi ta' riċerka dwar kif jistgħu jiġu stimulati d-deċiżjonijiet tal-konsumaturi dwar l-effiċjenza enerġetika ("ekonomija komportamentali ").
Minkejja dan il-progress tajjeb, sa issa ħames Stati Membri biss nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tal-EED. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' avviż formali lill-oħrajn.
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija wkoll għadha lura minkejja li d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni hija Lulju 2012. Fil-preżent, hemm disa' Stati Membri li għadhom ma lestewx il-proċess tat-traspożizzjoni. F'erba' każijiet il-Kummissjoni bdiet proċeduri fil-Qorti.
|
Il-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika qed jagħtu riżultati tanġibbli
B'riżultat tal-miżuri għall-effiċjenza enerġetika, il-binjiet qegħdin jikkunsmaw anqas enerġija, it-tagħmir ineffiċjenti qiegħed jiġi eliminat b'mod gradwali mis-suq u permezz tat-tikketti applikati għal apparat domestiku bħat-televixins u l-bojlers il-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati dwar ix-xiri. L-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija, l-SMEs u d-djar qegħdin isiru aktar konxji tal-possibbiltajiet ta' ffrankar tal-enerġija. Fit-trasport, ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tas-CO2 se jnaqqsu l-emissjonijiet medji tal-flotta tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri b'40 % sal-2021 meta mqabbel mal-2007.
It-tqegħid ta' dawn l-elementi fi ħdan qafas komuni tal-UE bbenefika mill-iskala tas-suq intern u ppermetta lill-formulaturi tal-politika nazzjonali li jitgħallmu minn xulxin. Dan il-qafas nazzjonali jikkumplimenta miżuri nazzjonali bħall-ftehimiet volontarji, l-obbligi ta' effiċjenza enerġetika, l-iskemi ta' finanzjament u l-kampanji ta' informazzjoni. Il-progress tal-Istati Membri fl-effiċjenza enerġetika jiġi eżaminat kull sena bħala parti mis-semestru Ewropew.
Għalhekk, l-istampa fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, turi momentum li qiegħed jiżdied wara l-politiki u l-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika.
Jinħtieġu aktar sforzi biex tintlaħaq il-mira tal-UE dwar l-iffrankar tal-enerġija sal-2020
Abbażi ta' analiżi tal-azzjonijiet tal-Istati Membri u previżjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni issa tistma li l-UE se tikseb iffrankar enerġetiku ta' madwar 18-19 % fl-2020. Għandu jiġi nnotat li madwar terz tal-progress lejn il-mira tal-2020 se jkun minħabba t-tkabbir aktar baxx milli mistenni matul il-kriżi finanzjarja. Għalhekk huwa importanti li tiġi evitata l-kompjaċenza dwar il-kisba tal-mira ta' 20 % u li tiġi evitata s-sottovalutazzjoni tal-isforzi li se jkunu meħtieġa fir-rigward ta' kwalunkwe mira ġdida għall-perjodu ta' wara l-2020.
Minħabba l-benefiċċji wiesgħa tal-effiċjenza enerġetika, u l-evidenza dejjem tiżdied li l-politika ta' effiċjenza enerġetika taħdem, huwa essenzjali li jsir l-isforz żejjed meħtieġ sabiex ikun assigurat li l-mira tintlaħaq b'mod sħiħ. L-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE għadha lura (ara l-Annessi II u III). Jekk l-Istati Membri kollha issa jaħdmu ndaqs sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni li dwarha ntlaħaq ftehim, il-mira ta' 20 % tkun tista' tintlaħaq mingħajr il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali.
L-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq l-elementi li ġejjin:
-Is-serħan il-moħħ tal-konsumaturi dwar il-kwalità tal-bini tagħhom billi tissaħħaħ il-verifika lokali u reġjonali tal-kodiċijiet tal-bini nazzjonali u billi l-konsumaturi jiġu infurmati b'mod preċiż dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini għall-bejgħ jew għall-kiri;
-L-involviment sħiħ tal-utilitajiet fil-ħidma mal-konsumaturi tagħhom sabiex jinkiseb iffrankar tal-enerġija;
-It-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq tal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti li trid tiġi pprovduta fl-Istati Membri kollha u li se tassigura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u tipprovdi lill-konsumturi l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet infurmati.
3.Effiċjenza enerġetika: Valutazzjoni tal-potenzjal għall-2030
Għan prinċipali tal-politika futura dwar il-klima u l-enerġija huwa ż-żamma ta' enerġija affordabbli għan-negozju, l-industrija u l-konsumaturi. Minn dan isegwi li l-qafas 2030 u l-miri li jinkludi, huma sostnuti mill-ħtieġa li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u tal-enerġija bl-aktar mod kosteffiċjenti. Approċċ bħal dan jitlob li l-Istati Membri jkollhom flessibbiltà fil-mod kif jilħqu l-impenji tagħhom, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni pproponiet miri vinkolanti sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2030 jitnaqqsu b'40 % (meta mqabbel mal-emissjonijiet fl-1990) u biex l-enerġija kkunsmata tinkludi mill-anqas 27 % minn sorsi rinnovabbli fl-2030. Dawn jirrappreżentaw stadji importanti fit-triq kosteffiċjenti lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-2050.
Rigward l-effiċjenza enerġetika, il-qafas 2030 indika wkoll li t-twassil kosteffiċjenti tal-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 ikun jeħtieġ żieda ta' madwar 25 % fl-iffrankar tal-enerġija
. Dan id-dokument jibbaża fuq din il-premessa u janalizza aktar il-potenzjal kosteffiċjenti għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u benefiċċji oħra li toħloq l-effiċjenza enerġetika.
3.1.
Kompetittività fl-UE: it-tkabbir, l-impjiegi u l-industrija
L-effiċjenza enerġetika għandha rwol importanti sabiex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi, speċjalment billi tistimola l-kostruzzjoni, is-settur li huwa l-aktar kapaċi biex jirreaġixxi malajr sabiex isostni t-tqabbid mill-ġdid tal-ekonomija u li mhuwiex espost għad-delokalizzazzjoni.
Fl-industrija, il-politika dwar l-effiċjenza enerġetika għandha l-għan li tnaqqas l-ammont ta' enerġija meħtieġa għall-istess proċess jew prodott – dan ifisser li tagħmel l-istess ħaġa jew aktar b'inqas mingħajr ma xxekkel il-prospetti tat-tkabbir. In-negozji Ewropej, b'mod partikolari l-industrija tal-manifattura, diġà taw kontribut kbir biex l-Ewropa ssir wieħed mill-iżjed reġjuni li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti fid-dinja. B'mod partikolari f'dan is-settur, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika kien reazzjoni awtonoma għax-xejriet fil-prezzijiet. Pereżempju, l-industrija tal-UE storikament użat l-enerġija b'mod aktar effiċjenti mill-kontroparti tagħha tal-Istati Uniti – u xorta tejbet l-intensità enerġetika tagħha bi kważi 19 % bejn l-2001 u l-2011, meta mqabbel ma' 9 % biss fl-Istati Uniti
. Bejn l-1990 u l-2009 l-intensità enerġetika fl-industrija fl-UE27 tjiebet bi 30 %.
Il-qafas regolatorju għall-appoġġ ta' dawn ix-xejriet qiegħed fis-seħħ, bl-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tkun l-istrument prinċipali biex jixpruna l-effiċjenza enerġetika (u t-tnaqqis fil-GHG) fl-industrija, u jipprovdi l-previdibbiltà regolatorja neċessarja. Din se tiżdied bir-riserva għall-istabilità tas-suq tal-ETS li se tagħmel is-sistema aktar b'saħħitha kontra x-xokkijiet.
Il-qafas tal-effiċjenza enerġetika tal-UE kien xprun tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku għan-negozji Ewropej. L-effiċjenza enerġetika saret opportunità għan-negozju – speċjalment fil-kostruzzjoni (settur iddominat mill-SMEs). L-effiċjenza enerġetika tixpruna l-kompetittività billi toħloq swieq għal apparat effiċjenti, b'valur miżjud għoli u teknoloġiji deċentralizzati għall-ġestjoni tal-enerġija. Iż-żieda fid-dipendenza mill-ICT fost ħafna mill-oqsma kkonċernati hija opportunità għal aktar titjib fl-effiċjenza, dejjem jekk is-sistemi u l-pjattaformi huma mgħammra b'interfaċċi standard miftuħa li jippermettu aġġornamenti faċli u aktar innovazzjoni. Billi d-domanda għall-prodotti li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti tiżdied madwar id-dinja, il-politika dwar l-effiċjenza enerġetika toħloq ukoll vantaġġi fis-swieq tat-tkabbir globali għall-prodotti Ewropej u tikkontribwixxi għal żvilupp ekonomiku sostenibbli.
Teknoloġiji ġodda fil-kostruzzjoni, fil-manifattura u fit-trasport għandhom il-potenzjal li jkomplu jtejbu l-effiċjenza enerġetika jekk jiġu mnedija fuq skala kbira b'suċċess.
3.2. Bini - kontijiet tal-enerġija aktar baxxi għall-konsumaturi
It-titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-bini jista' jiffranka l-flus lill-konsumaturi. L-unitajiet domestiċi fl-UE jonfqu bħala medja 6.4 % tal-introjtu disponibbli tagħhom fuq użu tal-enerġija relatat mad-dar, madwar żewġ terzi għat-tisħin u terz għal skopijiet oħra
. Fl-2012 kważi 11 % tal-popolazzjoni tal-UE ma kinux kapaċi jżommu d-djar tagħhom sħan b'mod adegwat
. Dan huwa kkawżat mill-prezzijiet li dejjem jogħlew tal-enerġija – li madankollu l-effett tagħhom kien mitigat bil-kompetizzjoni akbar fis-suq intern tal-enerġija u biż-żieda fl-effiċjenza enerġetika.
Wara l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tal-effiċjenza fil-kodiċijiet tal-bini, il-binjiet ġodda llum jikkunsmaw biss nofs dak li jikkunsmaw binjiet tipiċi mill-1980. Madankollu, 64 % tal-ħiters tal-ispazju, pereżempju, għadhom mudelli ineffiċjenti ta' temperatura baxxa
, u 44 % tat-twieqi għadhom bi ħġieġa waħda
. L-istandards ġodda dwar l-effiċjenza u t-tikkettar għall-ħiters tal-ispazju u tal-ilma dalwaqt jibdew iħallu impatt fuq is-suq. Għall-elettriku, apparat aktar effiċjenti huwa mistenni li jiffranka lill-konsumaturi EUR 100 biljun fis-sena sal-2020 fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom, li huwa ekwivalenti għal EUR 465 għal kull unità domestika.
Id-drittijiet għal kontijiet aktar informattivi, trasparenti u frekwenti, u ta' parteċipazzjoni fi swieq għar-rispons tad-domanda, jagħtu lill-konsumaturi s-setgħa li jimmaniġġjaw attivament il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-ħolqien ta' suq għal servizzi innovattivi tal-enerġija fejn l-investimenti f'apparat effiċjenti u konsum u produzzjoni intelliġenti jagħtu r-riżultati, għandu jkun il-fokus tal-Istati Membri meta jippreparaw għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' metraġġ intelliġenti jew jiffaċilitawha.
L-effiċjenza enerġetika tal-bini żdiedet b'1.4 % fis-sena
. Din ir-rata relattivament limitata hija fil-biċċa l-kbira minħabba rati baxxi ta' rinnovazzjoni. L-Istati Membri li kellhom l-aktar suċċess fit-tnaqqis tal-konsum żejjed tal-enerġija ġabru flimkien ir-rekwiżiti stretti ta' effiċjenza għal bini ġdid u rinnovat ma' programmi mmirati lejn ir-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti.
Sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika fil-bini, l-akbar sfida hija li jiġu aċċellerati u ffinanzjati l-investimenti bil-quddiem u titħaffef ir-rata ta' rinnovazzjoni tal-istokk eżistenti minn 1.4 % - il-medja tal-lum - għal iżjed minn 2 % kull sena.
PArti mill-isfida hija l-implimentazzjoni ta' dan it-tħaffif b'mod li jkun aċċettabbli fis-soċjetà. Jinħtieġ li jitnaqqsu l-effetti sekondarji li huma ta' ħsara għall-partijiet iktar dgħajfa tas-soċjetà u jinħtieġ li jiġu esplorati modi biex kull parti tas-soċjetà tkun tista' tibbenefika mill-investiment fil-miżuri ta' effiċjenza enerġetika. Dan jirrikjedi l-istabbiliment ta' strumenti finanzjarji xierqa li huma aċċessibbli għal kull grupp ta' konsumaturi irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.
It-tnaqqis fid-domanda għall-fjuwils fossili, min-naħa tiegħu, se jwassal għal prezzijiet aktar baxxi tal-enerġija. Skont stima waħda, kull 1 % addizzjonali ta' ffrankar tal-enerġija se jwassal biex il-prezzijiet tal-gass ikunu madwar 0.4 % aktar baxxi u l-prezzijiet taż-żejt madwar 0.1 % aktar baxxi fl-2030
.
3.3.
Trasport effiċjenti enerġetikament
Il-konsum tal-enerġija fit-trasport żdied b'35 % matul il-perjodu 1990-2007, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn ra xejra ta' tnaqqis. Sal-lum l-aktar għodda b'saħħitha sabiex dan jiġi indirizzat kienu standards għas-CO2 li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li bihom il-karozzi u l-vannijiet ħfief ikunu aktar effiċjenti enerġetikament
, għalkemm fatturi oħra bħall-prezzijiet għolja taż-żejt u t-tkabbir aktar bil-mod fil-mobilità taw sehemhom ukoll għat-tnaqqis ta' 8 % fil-konsum tal-enerġija bejn l-2007 u l-2012.
Hemm sinjali li l-imġiba tal-utenti tat-trasport qiegħda tinbidel. F'xi Stati Membri, is-sjieda tal-karozzi qiegħda tilħaq il-punt ta' saturazzjoni; fuq skala urbana, hemm għadd ta' stejjer ta' suċċess lijħeġġu l-bidla għal forom aktar effiċjenti ta' trasport – vetturi elettriċi, trasport pubbliku, ċikliżmu u mixi. Id-Direttiva li dan l-aħħar intlaħaq qbil dwarha rigward l-implimentazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi
u l-"pakkett ta' mobilità urbana"
l-ġdid se jappoġġaw aktar din it-tendenza.
Inizjattivi oħra adottati mill-Kummissjoni, wara l-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport
, għandhom l-għan li jħeġġu l-użu ta' modi tat-trasport aktar enerġetikament effiċjenti, permezz ta' kwalità aħjar u għażla akbar fis-servizzi ferrovjarji
, aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fit-trasport bil-ferrovija
u sfruttament akbar tal-passaġġi tal-ilma interni
.
Sabiex ikunu effettivi għalkollox, tinħtieġ trasformazzjoni gradwali tas-sistema sħiħa tat-trasport lejn integrazzjoni akbar bejn il-modalitajiet, l-innovazzjoni u l-użu ta' fjuwils alternattivi, u ġestjoni aħjar tal-flussi tat-traffiku permezz ta' sistemi tat-trasport intelliġenti. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki urbani u dwar l-użu tal-art aktar effiċjenti fuq livell tal-UE u tal-Istati Membri.
3.4.
Is-sejba tal-bilanċ bejn il-kostijiet u l-benefiċċji
Il-Kunsill Ewropew jaħdem biex jintlaħaq qbil dwar miri għall-2030 f'Ottubru sabiex l-Unjoni jkun jista' jkollha parti attiva fin-negozjati internazzjonali li għaddejjin dwar il-klima. Il-kontribut xieraq tal-effiċjenza enerġetika għall-qafas 2030 irid ikun ibbażat fuq konsiderazzjoni bir-reqqa tal-kostijiet u l-benefiċċji addizzjonali biex wieħed imur lil hinn mill-iffrankar tal-enerġija ta' 25 % indikat qabel mill-Kummissjoni. Xi aspetti prinċipali ta' opzjonijiet differenti huma murija fit-tabella 1.
Tabella 1. Kostijiet u benefiċċji ta' firxa ta' miri differenti relatati mal-effiċjenza enerġetika
|
REF2013
Linja bażi
|
GHG40
(40 % GHG, 27 % RES, 25 % EE)
|
Objettiv aktar ambizzjuż għall-effiċjenza enerġetika (%)
|
|
|
|
EE27
|
EE28
|
EE29
|
EE30
|
EE35
|
EE40
|
Iffrankar ta' enerġija fl-2030
(evalwat kontra l-projezzjonijiet fil-linja bażi tal-2007 għall-Konsum tal-Enerġija Primarja)
|
21.0 %
|
25.1 %
|
27.4 %
|
28.3 %
|
29.3 %
|
30.7 %
|
35.0 %
|
39.8 %
|
Konsum ta' enerġija primarja fl-2030 (Mtoe) [Konsum Gross Domestiku tal-Enerġija eskluż l-użu mhux għall-enerġija]
|
1490
|
1413
|
1369
|
1352
|
1333
|
1307
|
1227
|
1135
|
Kostijiet tas-sistemi tal-enerġija mingħajr effett tal-effiċjenza enerġetika fuq il-kostijiet mhux finanzjarji
(medja annwali 2011-2030 f'bn €'10)
|
2067
|
2069
|
2069
|
2074
|
2082
|
2089
|
2124
|
2181
|
Nefqiet ta' Investiment (medja annwali 2011-2030 f'bn €'10)
|
816
|
854
|
851
|
868
|
886
|
905
|
992
|
1147
|
Importazzjonijiet netti ta' gass fl-2030 (f'bcm)
|
320
|
276
|
267
|
256
|
248
|
237
|
204
|
184
|
Kostijiet tal-importazzjoni ta' fjuwils fossili (medja annwali 2011-2030 f'bn € '10)
|
461
|
452
|
447
|
446
|
444
|
441
|
436
|
434
|
Impjiegi fl-2030 (miljun Persuna)
|
231.74
|
n.a.
|
n.a.
|
232.39
|
n.a.
|
232.53
|
233.16
|
235.21
|
Prezz Medju tal-Elettriku għall-2030 (€/MWh)
|
176
|
179
|
180
|
179
|
178
|
178
|
177
|
182
|
Mira ta' ffrankar ta' 25 % fl-enerġija hija stmata li żżid il-kost medju annwali tas-sistema tal-enerġija minn EUR 2067 biljun għal EUR 2069 biljun fis-sena (2011-2030), jiġifieri b'madwar EUR 2 biljuni fis-sena, jew 0.09 %. Il-kostijiet sostanzjali tas-sistema tal-enerġija mġarrba mill-Istati Membri huma parti mit-tiġdid li għaddej ta' sistema tal-enerġija antika. Bi ffrankar ta' 25 % fl-enerġija, il-qafas 2030 diġà jwassal titjib sostanzjali fid-dipendenza tal-Unjoni mill-enerġija, li jirrappreżenta ffrankar ta' EUR 9 biljuni fis-sena fl-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili (2 % anqas) u tnaqqis ta' 13 % fl-importazzjonijiet tal-gass (madwar 44 biljun metru kubu) meta mqabbel max-xejriet u l-politiki preżenti.
Mira ta' ffrankar ta' 40 % fl-enerġija kif mitlub mill-Parlament Ewropew ikollha impatt prezzjuż fuq id-dipendenza mill-enerġija, li tnaqqas, b'mod partikolari, l-importazzjonijiet tal-gass. Madankollu, dawn il-benefiċċji f'termini ta' sigurtà tal-enerġija jiġu b'żieda qawwija fil-kostijiet globali tas-sistema tal-enerġija li jiżdiedu minn EUR 2069 biljun għal EUR 2181 biljun fis-sena, jiġifieri b'madwar EUR 112 biljun kull sena fil-perjodu bejn l-2011 u l-2030.
Il-Kummissjoni vvalutat firxa ta' livelli ta' ambizzjoni ta' ffrankar ta' bejn 25 % u 40 % ta' enerġija. Din l-analiżi wriet li l-benefiċċji jiżdiedu ma' żieda fl-ambizzjoni tal-effiċjenza enerġetika u li l-importazzjonijiet tal-gass jitnaqqsu bi 2.6 % għal kull 1 % addizzjonali fi ffrankar ta' enerġija. Dan għandu impatt dirett fuq iż-żieda tas-sigurtà tal-provvista tal-UE - għalkemm bi ffrankar ta' enerġija ta' aktar minn 35 %, ir-rata tat-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-gass minn iffrankar addizzjonali tal-enerġija tonqos b'mod qawwi.
B'mod aktar ġenerali, huwa ċar mit-Tabella 1 u l-Figura 2 hawn isfel li l-mira l-aktar ambizzjuża għall-effiċjenza enerġetika tagħti benefiċċji akbar b'mod partikolari f'termini tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Il-benefiċċji addizzjonali jinkludu dawk minn tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GHG, tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, tnaqqis fl-użu tar-riżorsi għall-estrazzjoni, it-trasformazzjoni, it-trasport u l-użu tal-enerġija, flimkien ma' kobenefiċċji fuq is-saħħa tal-bniedem u l-istat tal-ekosistemi. Dan jiġi kumplimentat bil-benefiċċji f'termini ta' livelli ta' impjieg potenzjalment ogħla. Madankollu, hemm ukoll kostijiet addizzjonali lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tintlaħaq il-mira ta' 40 % għall-gassijiet serra. Pereżempju, mira ta' 28 % għall-effiċjenza enerġetika żżid l-ispejjeż totali tas-sistema tal-enerġija minn EUR 2069 biljun fis-sena bi ffrankar ta' 25 % għal madwar EUR 2074 biljun, jiġifieri żieda ta' madwar EUR 5 biljuni fis-sena, jew 0.24 % fis-sena, fil-perjodu bejn l-2011 u l-2030. Il-Figura 2 turi wkoll li l-kostijiet tal-effiċjenza enerġetika jiżdiedu b'mod aktar mgħaġġel mill-iffrankar fl-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. .
Figura 2. Kostijiet medji annwali addizzjonali tas-sistemi tal-enerġija u l-iffrankar ta' fjuwils fossili meta mqabbla max-xenarju ċentrali tal-mira ta' 40 % għall-gassijiet serra, il-mira ta' 27 % għall-enerġija rinnovabbli u l-mira ta' 25 % għall-iffrankar tal-enerġija.
|
|
Nota. It-tabella 1 ta' hawn fuq tiġbor fil-qosor il-kostijiet u l-benefiċċji prinċipali ta' livelli differenti ta' ffrankar tal-enerġija fl-2030
Id-distribuzzjoni tal-impatti hija wkoll konsiderazzjoni importanti. Jinħtieġ li miżuri addizzjonali sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika jindirizzaw prinċipalment l-effiċjenza enerġetika tal-bini u tal-prodotti u b'hekk sa ċertu punt sinifikanti jaqgħu fuq is-setturi mhux tal-ETS. Rigward is-settur tal-kostruzzjoni, li jirrappreżenta madwar 10 % tal-PDG tal-UE, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-bini huwa l-aktar xprun importanti għall-kisba mill-ġdid tat-tkabbir wara r-riċessjoni.
4.Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika u t-tranżizzjoni sal-2030
L-opportunitajiet għall-effiċjenza enerġetika identifikati f'din l-analiżi jistgħu jiġu ffinanzjati bil-kundizzjoni li jkun hemm fis-seħħ qafas effettiv ta' finanzjament sabiex jintlaħqu l-kostijiet bil-quddiem sinifikanti.
Il-fondi tal-Unjoni għandhom jingranaw il-finanzjament privat
Fondi sostanzjali tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu implimentati l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fil-perjodu ta' qabel l-2020 fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali. L-użu tagħhom diġà huwa punt prinċipali ta' diskussjoni mal-Istati Membri b'rabta mal-ftehim globali dwar il-Qafas 2030 u l-kisba ta' distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-isforzi.
Jekk jintefqu b'għaqal, l-investimenti magħmula fil-perjodu ta' qabel l-2020 ikomplu jwasslu l-iffrankar meħtieġ fl-enerġija anki wara l-2020. Il-biċċa l-kbira tal-potenzjal ta' ffrankar fl-enerġija qiegħed fis-settur tal-bini, b'40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE jiġi mill-bini, u kważi 90 % tal-ispazju tal-art tal-bini tal-UE huwa proprjetà privata u aktar minn 40 % tal-bini residenzjali jmur lura għal qabel l-1960. Dan jindika l-ħtieġa ta' finanzjament privat sinifikanti. Għalhekk huwa importanti li jitfaċċa suq għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-fondi pubbliċi jaġixxu sabiex jingranaw il-kapital privat.
Bħala eżempju, l-investituri istituzzjonali fl-UE (aderenti mal-inizjattiva tal-Prinċipji tal-Investimenti Responsabbli) attwalment jimmaniġġjaw 'il fuq minn EUR 12-il triljun ta' fondi, u l-ammont li investew fi proprjetà immobbli privata huwa stmat għal aktar minn EUR 1.5 triljun fl-2012. Dawn huma riżorsi disponibbli li jridu jiġu liberati bl-użu intelliġenti tal-fondi pubbliċi akkumpanjat minn qafas regolatorju trasparenti u stabbli, fuq perjodu fit-tul. Il-Valutazzjoni tal-Impatt identifikat li jkunu meħtieġa EUR 38 biljun/sena oħra ta' investiment sabiex jitwassal il-qafas 2030. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom jallokaw proporzjonijiet sinifikanti mill-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni u/jew il-fondi nazzjonali sabiex jappoġġaw il-qalba għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju bil-għan li dawn ir-riżorsi jintużaw biex jingranaw il-kapital privat. Fil-baġit tal-UE għall-2014-2020, l-impenn għall-effiċjenza enerġetika żdied b'mod sinifikanti. Tal-inqas EUR 38 biljun se jkunu disponibbli għal investimenti b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2014-2020 – u din is-somma se tiġi multiplikata b'kofinanzjament nazzjonali u reġjonali u billi jiġi attirat kapital privat.
Barra minn hekk, appoġġ ulterjuri tal-inizjattiva Orizzont 2020 u l-Fondi ESI se jiġi investit fl-innovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika. Fil-perjodu 2014-2020 huma previsti madwar EUR 20 miljun, b'mod partikolari permezz tal-fokus fuq l-Effiċjenza Enerġetika tal-Isfida Soċjali dwar Enerġija Sigura, Nadifa u Effiċjenti fi ħdan l-H2020 kif ukoll is-sħubijiet pubbliċi-privati dwar "Bini Effiċjenti fl-Enerġija", dwar "Fabbriki tal-ġejjieni" u għal "Industrija bi Proċess Sostenibbli permezz ta' Effiċjenza fir-Riżorsi u l-Enerġija (SPIRE)".
F'dawn l-aħħar snin, l-UE żviluppat skemi pilota ta' strumenti ta' finanzjament innovattiv, bħall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika ("EEE F"), il-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (“GEEREF”), u l-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika ("PF4EE") taħt il-Programm Life, li jistgħu jintużaw direttament jew bħala eżempji għar-replikazzjoni fuq livell tal-Istati Membri. Barra minn hekk, wara l-ewwel esperjenzi ta' suċċess fil-perjodu 2007-13 bħall-istrument JESSICA, jitħeġġeġ b'saħħa l-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-Fondi ESI għall-perjodu 2014-2020, pereżempju permezz tas-"Self għar-rinnovazzjoni". Dawn se jipprovdu opportunitajiet aħjar lill-Istati Membri sabiex jassiguraw ingranaġġ għoli tal-Fondi ESI. Hemm evidenza dejjem akbar tal-benefiċċji importanti tal-fondi pubbliċi użati bħala xprunaturi għall-involviment tal-kapital privat: l-użu aktar kosteffiċjenti tar-riżorsi pubbliċi skarsi, l-effetti importanti ta' ingranaġġ f'termini ta' investimenti mis-settur privat, l-allinjament aħjar tal-appoġġ pubbliku maċ-ċiklu tal-investiment tan-negozju, l-involviment tas-settur finanzjarju, aktar trasparenza u piż amministrattiv aktar baxx.
Jinħtieġ li jiġu indirizzati l-fatturi li jaffettwaw il-provvista u d-domanda għall-finanzjament ta' investiment
Min-naħa tad-domanda, il-konsumaturi tal-enerġija jridu jkunu infurmati aħjar dwar il-benefiċċji sħaħ tal-effiċjenza enerġetika li jmorru lil hinn mis-sempliċi ħlas lura tal-investiment jew il-kilowatt-sigħat iffrankati, bħalma huma t-titjib fil-kwalità tal-ħajja jew iż-żieda fil-kompetittività tan-negozji tagħhom. Id-domanda addizzjonali tista' tiġi promossa b'implimentazzjoni aktar effettiva tal-qafas regolatorju eżistenti, għajnuna fl-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' pjan robust u skalabbli ta' proġetti ta' investiment, u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza.
Id-disponibbiltà tal-finanzjament tista' tiżdied bl-użu ta' fondi pubbliċi sabiex jiġu strutturati u replikati skemi ta' finanzjament imfasslin apposta eżistenti, li joffru prodotti ta' finanzjament attraenti, faċli biex taċċessahom (qrib is-suq) u sempliċi bħal self b'imgħax baxx għal diversi tipi ta' konsumaturi.
Barra minn hekk, sabiex il-konsumaturi tal-enerġija jiġu motivati jfittxu finanzjament għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, tinħtieġ riċerka soċjoekonomika aktar orjentata lejn il-finanzi biex tinftiehem aħjar l-imġiba tal-konsumaturi – inklużi u l-kerrejja u l-familji b'introjtu baxx – meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri ta' effiċjenza enerġetika. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-suq emerġenti għas-servizzi tal-enerġija (inklużi l-Ftehimiet għall-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija u s-Servizzi tal-Enerġija). Il-provvista ta' servizzi ġodda (eż. l-iffrankar tal-enerġija) li joħorġu minn mudelli kummerċjali relatati mar-rispons għad-domanda ċertament li se tinfluwenza d-domanda għall-investiment u l-finanzjament.
Sabiex tiġi stimulata l-provvista ta' investimenti fl-effiċjenza enerġetika, irid isir xogħol sabiex jintwera l-każ kummerċjali għall-investituri u l-finanzjaturi. Jinħtieġu t-trasparenza, l-iskalabbiltà u l-istandardizzazzjoni sabiex jinħoloq suq sekondarju għal prodotti finanzjarji għall-effiċjenza enerġetika u jiġi liberat il-potenzjal għar-rifinanzjament tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika permezz ta' prodotti u strutturi tas-suq kapitali.
Il-mobilizzazzjoni tal-provvista u d-domanda għall-finanzjament tal-investiment għalhekk tinvolvi:
•L-identifikazzjoni, il-kejl, il-ġustifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-benefiċċji sħaħ tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika permezz ta' dejta u evidenza robusta li tista' tintuża minn partijiet privati u kummerċjali li jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment kif ukoll is-settur finanzjarju b'mod partikolari bl-użu taċ-Ċertifikati tal-Prestazzjoni Enerġetika fis-settur tal-bini;
•L-iżvilupp ta' standards għal kull element fil-proċess tal-investiment fl-effiċjenza enerġetika, inklużi l-kuntratti legali, il-proċessi tas-sottoskrizzjoni, il-proċeduri tal-akkwist, l-aġġudikazzjoni, il-kejl, il-verifika, ir-rappurtar, il-prestazzjoni enerġetika (kuntratti u ċertifikati) u l-assigurazzjoni;
•Il-provvista tal-għodod u s-servizzi lill-konsumaturi sabiex jikkontrollaw il-konsum tal-enerġija li jippermettulhom li jqabblu l-kostijiet (kapitali) tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika mal-kostijiet (operattivi) għall-konsum tal-enerġija;
•L-użu tal-Fondi tal-UE (b'mod partikolari l-ESIF) orjentat lejn il-miri permezz ta' strumenti pubbliċi-privati sabiex iżidu l-volumi tal-investiment u jgħinu sabiex jaċċelleraw l-involviment ta' finanzjament mis-settur privat permezz ta' kondiviżjoni tar-riskju skalat, anki d-dħul tal-ETS jista' jiġi mmirat lejn investimenti fl-effiċjenza enerġetika;
•L-Istati Membri għandhom jimxu minn finanzjamenti tradizzjonali b'għotjiet u jfittxu li jidentifikaw il-mudelli ta' ħidma li jindirizzaw l-aħjar il-ħtiġijiet ta' investiment fir-rinnovament tal-effiċjenza enerġetika fl-istokkijiet tal-bini tagħhom (kif artikolat fl-Istrateġiji Nazzjonali tagħhom għar-Rinnovament tal-Bini).
•Id-djalogu aktar b'saħħtu bejn l-industrija tal-iffinanzjar, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u professjonisti relatati oħra, li jippermettilhom li jistrutturaw u juru l-aktar mekkaniżmi finanzjarji u skemi ta' investiment effettivi - aġġustati kemm għal-livell lokali jew għal segmenti speċifiċi tas-suq u replikabbli madwar l-UE kollha.
Ir-rwol tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku, l-investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-"BEI"), sabiex iżżid il-livell tal-għarfien dwar il-mekkaniżmi eżistenti ta' finanzjament għall-effiċjenza enerġetika lil hinn mill-iffinanzjar purament b'għotjiet, il-prestazzjoni u l-impatt tagħhom, inklużi kwistjonijiet relatati mal-valutazzjoni tar-riskju, il-valwazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-kooperazzjoni tagħha mal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-Istati Membri dwar aktar żvilupp jew introduzzjoni ta' Strumenti u Inizjattivi Finanzjarji xierqa, li jirrinforzaw id-disponibbiltà ta' likwidità għall-miżuri ta' effiċjenza enerġetika.
Se tingħata attenzjoni speċifika lill-kooperazzjoni mal-Istati Membri fir-rigward tal-Użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, sabiex tirrifletti l-ħtiġijiet, l-ostakoli u l-opportunitajiet differenti madwar l-UE. Il-Kummissjoni diġà ppubblikat gwida komprensiva dwar kif għandu jiġi ffinanzjat ir-rinnovament tal-bini b'finanzjament mill-Politika ta' Koeżjoni li għandu l-għan li jgħin lill-Awtoritajiet Maniġerjali jippjanaw u jużaw l-investimenti fil-bini fi ħdan il-Programmi Operazzjonali. Hija tipprovdi lista ta' approċċi ta' prattika tajba u studji ta' każijiet. Hija tesplora wkoll il-mekkaniżmi differenti ta' finanzjament li l-awtoritajiet jistgħu jużaw bil-għan li jniedu investimenti fuq skala kbira fir-rinnovament enerġetiku tal-bini u jattiraw livelli akbar ta' investiment mis-settur privat.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, billi tipprovdi aktar gwida jekk tkun meħtieġa sabiex tikkumplimenta l-gwida eżistenti sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-EED) u tappoġġa l-iskambju ta' prattiki tajba. Barra dan, il-Kummissjoni se tkompli tassigura li l-liġi tal-UE tiġi trasposta u applikata sewwa, sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u jiġi massimizzat l-iffrankar tal-enerġija.
5.Il-passi li jmiss
Wara bidu inċert, il-politika tal-Ewropa dwar l-effiċjenza enerġetika issa qiegħda tagħti r-riżultati. Fil-qafas tal-mira ta' tnaqqis ta' 20 % għall-2020, hemm momentum b'saħħtu fuq livell Ewropew u nazzjonali. B'implimentazzjoni sħiħa u monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni diġà adottata, l-UE tista' tpoġġi lilha nnifisha fit-triq it-tajba biex tilħaq din il-mira, u b'hekk tiffranka 170 Mtoe f'konsum ta' enerġija bejn l-2010 u l-2020.
L-iżviluppi riċenti, b'mod partikolari l-kriżi fl-Ukraina, huma tfakkira ċara tas-sitwazzjoni vulnerabbli tal-UE fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u b'mod partikolari l-importazzjonijiet tal-gass. L-Istrateġija Ewropea riċenti dwar is-Sigurtà tal-Enerġija tindika r-rwol tal-effiċjenza enerġetika bħala mezz sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni - kull 1 % addizzjonali fi ffrankar tal-enerġija jnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass bi 2.6 %.
Għalhekk il-Kummissjoni tħoss li huwa xieraq li jinżamm il-momentum eżistenti tal-iffrankar fl-enerġija u tipproponi mira ambizzjuża għall-effiċjenza enerġetika ta' 30 %. Din se twassal benefiċċji addizzjonali sostanzjali u l-kost addizzjonali jirrappreżenta bilanċ raġonevoli minħabba l-prominenza akbar tar-riskji fis-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tippreserva l-affordabilità tal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija għall-2030.
Il-qafas preżenti bbażat fuq mira indikattiva fuq livell tal-UE u taħlita ta' miżuri vinkolanti tal-UE u azzjoni nazzjonali kien effettiv sabiex jinkiseb progress b'saħħtu mill-Istati Membri. Dan l-approċċ, għalhekk, għandu jkompli japplika sal-2030 u l-effiċjenza enerġetika għandha ssir parti integrali mill-qafas ta' governanza propost fil-komunikazzjoni “2030” li għandu jirrazzjonalizza r-rekwiżiti preżenti tal-monitoraġġ u r-rappurtar. L-effiċjenza enerġetika għalhekk tkun komponent prinċipali tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għal enerġija kompetittiva, sigura u sostenibbli li jġib koerenza akbar għall-politiki u l-miżuri nazzjonali u reġjonali dwar il-klima u l-enerġija.
Abbażi tal-pjanijiet nazzjonali li tirċievi u billi tuża l-analiżi pan-Ewropea tagħha dwar l-enerġija u l-klima, il-Kummissjoni se timmonitorja l-pjanijiet nazzjonali u tivvaluta l-prospetti li jintlaħqu l-miri nazzjonali/tal-UE dwar il-klima u l-enerġija (inklużi dawk għall-effiċjenza enerġetika), il-prospettiva għad-dipendenza tal-UE mill-enerġija u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-enerġija, fuq il-bażi ta' indikaturi prinċipali xierqa tal-enerġija. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora l-użu ta' indikaturi addizzjonali, biex tesprimi u timmonitorja l-progress lejn il-mira tal-effiċjenza enerġetika, bħall-intensità enerġetika, li jqisu aħjar it-tibdil bażiku fil-PDG u t-tbassir tiegħu u t-tkabbir fil-popolazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress fl-effiċjenza enerġetika fl-2017 filwaqt li tqis dawn l-elementi. Fl-aħħar, il-proċess ta' governanza se jipprovdi qafas li fih tiġi evalwata l-effettività tal-politiki nazzjonali u tal-UE li għandhom x'jaqsmu mal-objettivi tal-klima u l-enerġija għall-2030.
Il-Kummissjoni se tkompli l-isforzi tagħha biex tiżdied iktar is-sofistikazzjoni tal-immudellar tal-enerġija u tal-ekonomija użat fil-valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi nazzjonali tagħhom permezz ta' miżuri ta' politika fuq livell Ewropew bħala kontribut sabiex jinkiseb l-iffrankar propost. F'dan il-kuntest se jintużaw l-elementi li ġejjin:
-L-evalwazzjoni u l-eżami li jmiss tat-Tikkettar tal-Enerġija u ċerti aspetti tad-Direttivi dwar l-Ekodisinn, li huma mistennija għall-aħħar tal-2014, se jipprovdu opportunità biex jiġi aġġornat il-qafas ta' politika relatat mal-prodotti;
-Aktar żvilupp ta' strumenti finanzjarji u għajnuna għall-iżvilupp ta' proġetti biex jiġi ingranat l-investiment mis-settur privat f'tagħmir u teknoloġija li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti.
-L-evalwazzjoni u r-reviżjonijiet tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, l-Artikolu 7 tal-EED, u l-NEEAPs li jmiss fl-2017, se jipprovdu l-opportunità sabiex jiġi kkunsidrat liema elementi ta' politika se jkunu neċessarji biex jiġu xprunati investimenti sostnuti fl-effiċjenza enerġetika, speċjalment fid-dawl tal-eliminazzjoni gradwali ppjanata ta' xi elementi prinċipali tal-EED fl-2020.
-Il-Komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-konsumaturi se tiffoka fuq il-ħolqien ta' suq fejn is-servizzi innovattivi bbażati fuq ipprezzar dinamiku jassiguraw li s-suq joffri prodotti li jippromwovu użu effiċjenti fl-enerġija, ibbażat fuq djalogu mal-Istati Membri u r-regolaturi u fi ħdan il-qafas tal-EED u l-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern tal-Enerġija.
-L-implimentazzjoni tar-riserva ta' stabilità tas-suq tal-iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet li se tixpruna t-titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur industrijali u se tassigura li jinkisbu sinerġiji bejn il-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika u l-klima.
-L-implimentazzjoni progressiva tal-programm ippreżentat fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport;
-L-użu tal-programm tal-H2020 dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex jingranaw il-konsenja ta' prodotti affordabbli, innovattivi u effiċjenti fl-enerġija kif ukoll mudelli kummerċjali ġodda għal tali konsenja.
6.Konklużjonijiet
Il-previżjonijiet kurrenti jimplikaw li l-mira attwali tal-2020 għall-effiċjenza enerġetika qiegħda fi triqtha biex tintlaħaq. Il-Kummissjoni mhux beħsiebha tipproponi miżuri ġodda iżda tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi preżenti tagħhom sabiex jassiguraw konsenja kollettiva tal-mira tal-2020. Il-Kummissjoni se tikkumplimenta dawn l-isforzi bi gwida xierqa u disseminazzjoni tal-aħjar prattika sabiex tassigura sfruttament sħiħ tal-fondi disponibbli tal-Unjoni.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ta' politika 2030 għall-klima u l-enerġija identifikat livell ta' ffrankar ta' enerġija ta' 25 % bħala parti minn strateġija sabiex il-mira tat-tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra titwassal bl-aktar mod kost-effettiv. Madankollu, minħabba ż-żieda fir-rilevanza tat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u t-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li jixraq li tipproponi mira ogħla ta' 30 %. Dan iżid il-kostijiet tal-Qafas 2030 b'EUR 20 biljun fis-sena iżda xorta jwassal għal benefiċċji tanġibbli fl-ekonomija u fis-sigurtà tal-enerġija.