This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0086
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A European Strategy for more Growth and Jobs in Coastal and Maritime Tourism
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali
/* COM/2014/086 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali /* COM/2014/086 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Ewropea għal aktar
tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali 1. INTRODUZZJONI Fl-2012, fl-Ewropa waslu 534 miljun
turist, jiġifieri 17-il miljun aktar mill-2011 u 52% tal-wasliet
internazzjonali kollha mad-dinja kollha. Mit-turiżmu fl-Ewropa
ddaħħlu sa EUR 356 biljun, jiġifieri 43% tat-total
dinji.[1]
Fl-2013, l-ammont ta' ljieli li t-turistu qattgħu fl-istabbilimenti
tal-akkomodazzjoni fl-UE28 l-aktar li laħqu kienu 2.6 biljun lejl,
jiġifieri żdiedu b'1.6% mill-2012[2].
Jidher ċar li t-turiżmu hu attività ekonomika importanti f'bosta
reġjuni marittimi u kostali. Madankollu, it-tibdil fl-ekonomija dinjija
qed jolqot lis-settur, u jġib miegħu bidliet sinifikanti fl-andament
tat-turiżmu u fis-swieq tal-oriġini. Fil-Komunikazzjoni tagħha
tal-2010[3],
il-Kummissjoni ħabbret strateġija għal turiżmu kostali u
marittimu sostenibbli[4].
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqgħu din il-proposta u enfasizzaw
il-ħtieġa ta' azzjoni konġunta. Konsultazzjoni pubblika li saret
fl-2012 tat bażi soda għal inizjattiva speċifika tal-UE[5]. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni
tal-2012 dwar it-Tkabbir Blu[6]
semmiet it-turiżmu kostali u marittimu fost il-ħames oqsma ta' enfasi
għal tkabbir sostenibbli u impjiegi fl-ekonomija l-blu. Ir-rapport tal-2013
tal-Parlament Ewropew dwar it-Tkabbir Blu[7]
laqa' dan il-qafas Ewropew u rrakkomanda għadd ta' azzjonijiet biex
isaħħu s-settur u jappoġġaw l-iżvilupp ta'
turiżmu sostenibbli f'destinazzjonijiet kostali. Is-settur turistiku qed jikber
u dan joħloq sfida biex jinħataf il-potenzjal tiegħu li b'mod
sostenibbli joħloq benefiċċji ekonomiċi. Din
il-Komunikazzjoni tipproponi rispons konġunt għall-isfidi multipli,
ħalli jikkapitalizza fuq il-vantaġġi tal-Ewropa u jkun jista'
jgħin sostanzjalment biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020
għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. 2. SETTUR BIL-POTENZJAL TA'
TKABBIR U IMPJIEGI L-Ewropa hi kontinent marittimu
b'kosta mill-Artiku sal-Mediterran u mill-Atlantiku sal-Baħar l-Iswed. Fl-Ewropa, il-baċini tal-baħar u
r-reġjuni kostali huma sors uniku ta' seħer naturali u kulturali.
It-turiżmu marittimu u kostali hu l-akbar attività marittima fl-Ewropa u
marbut mill-qrib ma' bosta oqsma oħra fl-ekonomija. Das-settur jimpjega
kważi 3.2 miljun ruħ, li b'kollox joħolqu EUR 183 biljun
f'valur miżjud gross[8]
u jirrappreżentaw aktar minn terz tal-ekonomija marittima. Fl-UE, aktar
minn erbgħa minn disat iljieli, it-turisti jqattgħuhom fi
stabbilimenti tal-akkomodazzjoni fiż-żoni kostali[9]. Fl-2012, biss biss,
it-turiżmu tal-kruċieri waħdu ġġenera EUR 15.5 biljun
f'fatturat u impjega 330,000 ruħ; il-portijiet Ewropej laqgħu 29.3 miljun
passiġġier, 75% aktar mill-2006[10].
Nofs l-impjiegi tat-turiżmu kostali Ewropew u l-valur miżjud jinsabu
fil-Mediterran, iżda r-reġjuni tal-Atlantiku, tal-Baltiku u
tal-Baħar l-Iswed għandhom sehem sinifikanti wkoll. Iż-żoni kostali
jiġbdu aktar minn terz tan-negozju tat-turiżmu kollu fl-Ewropa u
allura huma importanti għat-tkabbir u l-impjiegi, l-aktar
għaż-żgħażagħ, billi 45% tal-ħaddiema
fit-turiżmu għandhom bejn is-16 u l-35 sena[11]. Madankollu,
ħafna mill-intrapriżi żgħar u medji li jsawru s-settur
isibu għadd ta' sfidi u waħedhom ma jistgħux jisfruttaw dan
il-potenzjal. Għalhekk hemm bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi
transfruntiera fil-livell tal-UE u jiġu promossi l-koperazzjoni u
l-iskambju tal-aqwa prattiki, inkluż bi promozzjoni ta' sħubijiet
transnazzjonali u transreġjonali strateġiċi. Hemm bżonn
ukoll qafas Ewropew konġunt biex l-azzjonijiet jiżdidilhom il-valur
fil-livelli kollha u biex jgħin ħalli jingħelbu
d-diffikultajiet. 3. L-ISFIDI U L-QAFAS
IL-ĠDID GĦAT-TURIŻMU KOSTALI U MARITTIMU FL-EWROPA Dan il-kapitolu
jiffoka fuq sfidi li għandhom jiġu indirizzati u jipproponi
strateġija biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà u
l-kompetittività tas-settur, li għandhom iwettqu l-Kummissjoni, l-Istati
Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, operaturi privati u partijiet
interessati oħra. 3.1. Inħeġġu
l-prestazzjoni u l-kompetittività Intejbu
l-għarfien Kull valutazzjoni
ekonomika tas-settur tixxekkel minħabba nuqqas ta' komparabbiltà
tad-dejta, fil-livell lokali, fil-livell tal-baċin tal-baħar u
fil-livell Ewropew. Minkejja li fl-aħħar snin sar progress[12], hemm bżonn li
jiġu identifikati u indirizzati d-diskrepanzi fid-dejta biex jitjiebu
l-ippjanar u l-ġestjoni tad-destinazzjoni. Hemm bżonn indikaturi
speċifiċi biex jitjiebu l-koerenza u l-komparabbiltà tal-istatistika
dwar it-turiżmu kostali u marittimu madwar l-Ewropa u lil hinn. Nindirizzaw il-volatilità
tad-domanda Id-domanda
għat-turiżmu[13]
tvarja l-aktar għax jinbidlu s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji
u politiċi. In-nefqa medja kull lejl ilha tonqos minn nofs is-snin 2000,
filwaqt li bejn l-2011 u l-2020 in-nefqa annwali hi mistennija tibqa' tonqos b'9%
oħra. Din ix-xejra tolqot lill-ekonomiji kostali, b'mod partikolari
għax dawn fihom l-aktar SMEs u mikrointrapriżi[14]. Barra minn hekk,
it-tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport żied il-kompetizzjoni bejn
id-destinazzjonijiet kostali Ewropej u d-destinazzjonijiet irħas madwar
id-dinja,u dan iżid il-volatilità tad-domanda. Id-destinazzjonijiet lokali
qed jitilfu l-vantaġġ komparattiv tagħhom u ħafna drabi
jbatu biex jattiraw id-domanda tradizzjonali u d-domanda l-ġdida
emerġenti mid-dinja kollha. L-istaġjonalità hi sfida apparti:
il-biċċa l-kbira tal-gwadann soċjoekonomiku potenzjali hu
kkonċentrat fix-xhur sajfin, u ħafna negozji lokali jkollhom
jagħlqu matul il-bqija tas-sena. Għalhekk għandhom jitressqu
strateġiji speċifiċi imfasslin fuq politika u prodotti
innovattivi u attraenti ħalli jinħataf il-potenzjal ta' turisti
potenzjali li jistgħu jivvjaġġaw fl-istaġun kalm. Is-settur jista'
jadatta għat-tibdil demografiku u jtejjeb dak li joffri biex jattira
l-għadd dejjem jikber ta' anzjani[15].
Anke l-viżitaturi mhux Ewropej li jieħdu vaganza fl-istaġun kalm
joffru potenzjal konsiderevoli, u dan l-aħħar il-Kummissjoni rrevediet
il-Kodiċi tal-Viża u pproponiet simplifikazzjoni tal-proċeduri
għall-vjaġġaturi mhux Ewropej[16].
Barra minn hekk, it-tħassib tat-turiżmu kostali u marittimu
għandu jiġi indirizzat fl-inizjattivi "Senior" u
"Aċċessibbiltà"[17]
li għaddejjin bħalissa u fid-"Destinazzjonijiet Ewropej ta'
Eċċellenza"[18].
Jistgħu jinħolqu wkoll inizjattivi ta' komunikazzjoni u ta'
promozzjoni mmirati għal pajjiżi speċifiċi li mhumiex
Ewropej. Negħlbu
l-frammentazzjoni tas-settur Billi għadna fi
kriżi ekonomika, ħafna mill-SMEs turistiċi m'għandhomx jew
għandhom aċċess limitat għall-kreditu
għall-investiment u l-innovazzjoni[19].
Barra minn hekk, ħafna drabi r-reġjuni kostali jbatu biex
joħolqu u jaħfnu għalkollox il-benefiċċji li
jiġġenera t-turiżmu tal-kruċieri, għalkemm qed
jitħeġġu dejjem aktar l-investiment f'infrastrutturi tal-port u
l-preservazzjoni tal-ambjent. Parzjalment dan
jiġri għax in-negozji mal-baċin tal-baħar tal-UE ma
jużawx biżżejjed is-sinerġiji, u allura tinħoloq
il-frammentazzjoni u l-gwadann ekonomiku jkun limitat. Hu importanti li
l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati jaqsmu bejniethom
l-aqwa prattiki. Għandha ssir promozzjoni għal koperazzjoni bejn
l-istituti tar-riċerka, il-mużewijiet, il-kumpaniji tat-turiżmu
u partijiet interessati oħra ħalli jinħolqu prodotti innovattivi
u sostenibbli skont l-aspettattivi tal-viżitaturi. Il-Kummissjoni se: 1. Titħabat biex ixxejjen il-lakuni fid-disponibbiltà tad-dejta, b'mod partikolari dwar it-turiżmu kostali u marittimu. 2. Tagħti bixra kostali u marittima, meta jixraq, lill-inizjattivi tal-UE għat-turiżmu, inkluż lil kampanji promozzjonali u komunikattivi. 3. Tippromwovi djalogu pan-Ewropew bejn l-operaturi tal-kruċieri, il-portijiet u l-partijiet interessati fit-turiżmu kostali. 4. Tappoġġa l-iżvilupp ta' sħubijiet, netwerks[20], u raggruppamenti transnazzjonali u interreġjonali, u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-industrija tat-turiżmu inġenerali biex: · Jimpenjaw ruħhom u jipparteċipaw bis-sħiħ biex jinħolqu netwerks u raggruppamenti u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. · Joħolqu pakketti aktar immirati għal swieq speċifiċi, bħal pereżempju għall-anzjani jew għall-persuni b'diżabbiltà. 3.2. Nippromwovu l-ħiliet u
l-innovazzjoni L-investiment fin-nies hu
kundizzjoni biex isir tkabbir sostenibbli u kompetittiv, iżda s-settur
mhux jattira biżżejjed persunal imħarreġ. Dan qed
jiġri l-aktar minħabba l-istaġjonalità tal-impjiegi u n-nuqqas
ta' opportunitajiet għal progress fil-karrieri. L-edukazzjoni u
t-taħriġ għandhom jintużaw biex il-provvista
tal-ħiliet titqabbel mad-domanda tas-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni
ħadet bosta inizjattivi biex tappoġġa dan: Fil-Portal tal-EURES
se jkun hemm taqsima tal-"impjiegi blu" li tinforma lil min qed
ifittex impjieg u lill-impjegaturi[21]; għar-rebbiegħa tal-2014 qed titfassal
mappa tal-ħtiġijiet fil-ħiliet u fit-taħriġ li
għandhom is-servizzi tat-turiżmu u se toħloq oqfsa komuni
għas-settur u torbothom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u
mas-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ
Vokazzjonali (ECVET)[22]. Il-politiki ta'
taħriġ immirati aħjar billi jiddaħħlu
l-ħtiġijiet tas-settur fil-programmi tal-UE għandhom l-għan
li jipprovdu kapital uman multilingwi, kwalifikat u orjentat għas-servizz.
Il-programm il-ġdid Erasmus+ se jappoġġa sħubijiet
strateġiċi transnazzjonali fost l-istituzzjonijiet u
l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, it-taħriġ u
ż-żgħażagħ. Is-settur se jgawdi kurrikuli ġodda
speċifiċi għas-settur u forom innovattivi ta' tagħlim u
taħriġ vokazzjonali, u dan hu mistieden jimpenja ruħu u
jikkopera mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla permezz ta'
"Alleanzi tal-Għarfien". Fil-qasam tat-tbaħħir
rikreattiv privat, l-Istati Membri jeħtieġu kompetenzi differenti
għall-kaptani tal-jottijiet, u dan jillimita l-iżvilupp
transfruntiera u jolqot lis-suq tax-xogħol nawtiku. Barra minn hekk,
l-obbligi ta' kwalifiki u tagħmir tas-sikurezza jvarjaw b'mod
konsiderevoli fost l-Istati Membri, u dan jillimitaw il-mobbiltà u
l-aċċess għas-suq. Tista' titjieb il-kompetittività
tal-intrapriżi żgħar tat-turiżmu kostali u marittimu f'suq
dejjem aktar globali billi tintuża kemm jista' jkun it-teknoloġija
tal-informazzjoni. L-għodod eżistenti bħall-ICT u l-Portal
għan-negozji tat-turiżmu[23]
jistgħu jtejbu l-viżibbiltà, jippromwovu l-innovazzjoni u
jappoġġaw il-pożizzjonar mill-ġdid tan-negozji. Il-Kummissjoni se: 5. Tevalwa l-ħtieġa għal azzjoni tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-kwalifiki għall-kaptani professjonali tal-jottijiet u t-tbaħħir rikreattiv.[24] 6. Tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni tal-UE dwar dispożizzjonijiet għat-tagħmir tas-sikurezza tat-turiżmu nawtiku. 7. Tħeġġeġ skemi ta' ġestjoni innovattivi bl-ICT[25] u l-Portal għan-negozji tat-turiżmu Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex: · Iħeġġu l-konnettività tal-internet u jippromwovu għodod elettroniċi tal-kummerċjalizzazzjoni. · Jippromwovu servizzi ta' traduzzjoni għal mapep, fuljetti u tagħrif loġistiku. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija biex: · Tieħu sehem bis-sħiħ fl-attivitajiet li jippromwovu l-ħiliet u t-taħriġ. · Tinvesti f'inizjattivi ta' kontroll tal-kwalità għall-prodotti turistiċi u l-persunal. · Toħloq u tippromwovi korsijiet onlajn miftuħa li jaġġornaw jew jorjentaw mill-ġdid il-ħiliet fil-qasam kostali u marittimu. 3.3. Insaħħu
s-sostenibbiltà Nindirizzaw il-pressjonijiet ambjentali It-turiżmu jiddependi fuq ambjent b’saħħtu u l-użu
sostenibbli tal-kapital naturali, iżda ħafna drabi l-attivitajiet
isiru l-aktar f'żoni li diġà għandhom popolazzjoni densa, u
allura tiżdied ferm id-domanda tal-ilma, jiżdiedu l-iskart u
t-tniġġis tat-trasport bil-baħar, fit-triq u bl-ajru meta jkunu
fl-aqwa tagħhom, jiżdiedu r-riskji ta' ssiġillar
tal-ħamrija u degradazzjoni tal-bijodiversità (minn żviluppi
infrastrutturali), ewtrofikazzjoni u pressjonijiet oħra. Iż-żoni
verġni u b'popolazzjoni baxxa jistgħu jintlaqtu
wkoll. Barra minn hekk, l-impatti tat-tibdil fil-klima jaggravaw
il-pressjonijiet fuq dawn l-oqsma u jistgħu jagħtu sura ġdida lid-distribuzzjoni
ġeografika u staġjonali tat-turiżmu. In-netwerk tal-UE
Natura 2000 iħares ħabitati kostali u marittimi vulnerabbli li, jekk
jitmexxew sew, jistgħu joħolqu opportunitajiet rikreattivi
sinifikanti u jgħinu għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u
d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima jeżiġu li
l-Istati Membri jiżguraw stat tajjeb tal-ilmijiet kostali u marittimi, u
dan hu prerekwiżit biex it-turiżmu jimxi 'l quddiem. Ġestjoni Integrata
tal-Kosta u Ppjanar tal-Ispazju Marittimu jgħinu biex jiżguraw
l-iżvilupp sostenibbli u ta' Infrastruttura Ekoloġika[26] permezz ta' ppjanar
għaqli u koperazzjoni bejn il-gvern u s-sħab pubbliċi u privati[27]. Eżempju tajjeb
hu l-"Wales Coast Path" (Passaġġ mal-Kosta ta' Wales),
jiġifieri 1,400km kosta f'Wales li fl-2012 żaruha madwar 2.82 miljun
turist u tiġġenera £32 miljun f'sena waħda[28]. L-ekoturiżmu[29] hu opportunità tajba
biex jinħolqu prodotti li jattiraw vjaġġaturi ekosensittivi, u
dan ivarja minn prodotti lokali serviti sa mudelli u prattiki kummerċjali
li jirrispettaw l-ambjent. Is-settur jista'
jkejjel u jissorvelja r-rendiment tas-sostenibbiltà tiegħu stess
b'inizjattivi bħall-Ekotikketta tal-UE jew is-sistema
taċ-ċertifikazzjoni Travelife[30].
Is-sistemi tal-ġestjoni ambjentali huma magħrufin li jnaqqsu l-ammont
tal-iskart, itejbu l-effiċjenza operattiva u jiffrankaw il-flus[31]. Fl-Iskema Ewropea
tal-Immaniġġjar u l-Awditjar Ekoloġiċi diġà
jeżistu indikaturi speċifiċi għas-settur tat-turiżmu[32], u jistgħu
jinħolqu oħrajn bis-Sistema pilota tal-Indikaturi tat-Turiżmu
Ewropew[33]. Żewġ
proposti leġiżlattivi reċenti tal-Kummissjoni[34] jindirizzaw
l-emissjonijiet minn dgħajjes rikreattivi. Barra minn hekk, il-bastimenti
li jieħdu l-elettriku mix-xatt fil-port jistgħu jnaqqsu
sostanzjalment il-konsum tal-fjuwil, l-istorbju u l-emissjonijiet fl-arja.
Madankollu sal-lum għadd żgħir biss ta' portijiet Ewropej
investew f'din it-teknoloġija; għandhom jibqgħu jiġu
studjati u promossi l-provdiment tal-elettriku u l-integrazzjoni fi grilji
intelliġenti tal-enerġija. Il-Kummissjoni se: 8. Tippromwovi l-ekoturiżmu permezz tal-Iskema Ewropea tal-Immaniġġjar u l-Awditjar Ekoloġiċi u permezz tal-indikaturi tal-Ekotikketta tal-UE u tħeġġeġ rabtiet ma' azzjonijiet oħra tas-sostenibbiltà. 9. Tippromwovi l-implimentazzjoni tal-Protokoll għall-Konvenzjoni ta' Barċellona dwar Ġestjoni Integrata tal-Kosta u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill rilevanti, u tippromwovi l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u l-Infrastruttura Ekoloġika ħalli tiżgura l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali tal-UE. 10. Tippromwovi strateġiji dwar il-prevenzjoni tal-iskart, il-ġestjoni u l-iskart fil-baħar ħalli tappoġġa t-turiżmu kostali u marittimu sostenibbli. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni, lill-industrija u lil partijiet interessati oħra biex: · Jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni ta' Ġestjoni Integrata tal-Kosta u l-Protokoll. · Joħolqu linji gwida biex jonqsu kemm jista' jkun l-impatti fuq il-bijodiversità u jitjiebu l-benefiċċji tar-rikreazzjoni u t-turiżmu f'żoni protetti. · Joħolqu adattament għat-tibdil fil-klima f'żoni kostali. · Itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi, il-prevenzjoni tal-iskart u tat-tniġġis u l-ġestjoni fiż-żoni turistiċi u mill-operaturi. · Jippromwovu l-Iskema tal-Immaniġġjar u l-Awditjar Ekoloġiċi u jimplimentaw l-approċċi tal-Aqwa Prattiki ta' Ġestjoni Ambjentali u tal-Infrastruttura Ekoloġika. · Jippromwovu l-użu tal-elettriku mix-xatt u l-provvista ta' faċilitajiet tal-port. · Jippromwovu l-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma li hemm fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma[35]. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija u lil partijiet interessati oħra biex: · Jiżviluppaw u jippromwovu l-ekoturiżmu u prodotti turistiċi sostenibbli oħra. · Jimplimentaw il-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma li hemm fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma. · Jipparteċipaw bis-sħiħ fi proġetti li jnaqqsu l-iskart, l-emissjonijiet u l-iskart fil-baħar, l-użu tar-riżorsi naturali u fl-ilma u l-irkupru/riċiklaġġ tal-iskart. Nippromwovu offerti ta'
kwalità għolja, sostenibbli u innovattivi Billi d-domanda tinbidel,
jeħtieġ li jinħolqu prodotti sostenibbli u attraenti li
jipprovdu esperjenzi uniċi u personalizzati Madankollu, ħafna drabi
l-postijiet jew l-oġġetti li potenzjalment ikunu interessanti ma
jiġux preżentati u promossi b'mod attraenti jew ma jintrabtux ma'
offerti oħra tat-turiżmu kostali. Is-settur għandu joħloq
prodotti ġodda li jippromwovu l-ħajra u l-aċċessibbiltà
għall-arkeoloġija marittima u kostali, il-wirt marittimu,
it-turiżmu ta' taħt il-baħar, l-attivitajiet
enogastronomiċi u l-bqija. Eżempju tajjeb hu l-"proġett
Odyssea"[36]
li jistma l-potenzjal ekonomiku tat-turiżmu kostali, ir-rotot kulturali
marittimi u l-attivitajiet innovattivi bil-jottijiet, permezz ta' netwerk ta'
faċilitajiet kostali innovattivi u rotot marittimi ta' żmien l-antik. Jekk jiżdied l-interess
tal-pubbliku fl-isports tal-ilma, bħas-sajd rikreattiv,
it-tbaħħir sportiv, il-windsurfing u l-għadis, dan joħloq
il-potenzjal u jista' jgħin biex tiġi indirizzata
l-istaġjonalità billi dawn l-attivitajiet m'hemmx għalfejn isiru meta
l-istaġun ikun fl-aqwa tiegħu. Ix-xejra dejjem akbar
fit-tbaħħir rikreattiv privat teħtieġ li l-mollijiet ikunu
sikuri u aċċessibbli iżda għadhom jinħolqu l-problemi
minħabba nuqqas ta' irmiġġ u servizzi xierqa għal persuni
b'mobbiltà mnaqqsa. Xi inizjattivi
bħan-"netwerk tat-turiżmu nawtiku"[37] jew il-"proġett Sail West"[38]
bil-għan li jinħoloq ċentru tal-aqwa kwalità
għar-rikreazzjoni tal-baħar li jorbot il-pajjiżi marittimi bħall-Irlanda,
l-Irlanda ta' Fuq u l-Punent tal-Iskozja, imnejn inebbħu għal aktar
rabtiet fis-settur nawtiku. Il-kwalità tas-servizz hu sors
essenzjali ta' distinzjoni kompetittiva. Għalhekk hu importanti li jkun
żgurat li t-turisti jistgħu jiddependu fuq servizzi ta' kwalità
għolja fl-UE u li din il-kwalità tiġi vvalutata b'mod konsistenti.
Il-proposta riċenti dwar prinċipji ta' Kwalità tat-Turiżmu
Ewropew għandha l-għan li żżid s-sigurtà u l-kunfidenza
tal-konsumatur fis-servizzi turistiċi[39]. L-insularità u d-distanza –
infittxu l-opportunitajiet fil-limitazzjonijiet ġeografiċi Il-gżejjer u
destinazzjonijiet imbiegħda oħrajn ikollhom żvantaġġ
addizzjonali mil-lat ta' aċċessibbiltà u jiddependu ħafna fuq
is-servizzi bid-dgħajjes. Dan joħloq problemi ta' spejjeż
tat-trasport, staġjonalità u konnettività mal-art prinċipali u/jew
mal-postijiet tal-madwar, u dawn jaffettwaw kemm ikunu attraenti
għall-viżitaturi u għall-ħaddiema fit-turiżmu.
Ħafna drabi biex jitfasslu soluzzjonijiet xierqa ma jkunx
biżżejjed li jingħarfu x'inhuma l-problemi. Madankollu,
għandhom jiġu żviluppati dawn il-postijiet għax dawn joffru
possibilitajiet ta' impjiegi f'żoni li ħafna drabi jkunu neqsin
mill-attività ekonomika. Il-Kummissjoni se: 11. Tħeġġeġ id-diversifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-attrazzjonijiet kostali u interni, inkluż bi programmi tematiċi transnazzjonali bħal rotot kulturali, reliġjużi jew tal-kummerċ fi żmien l-antik.[40] 12. Isir studju dwar kif tista' tittejjeb il-konnettività tal-gżejjer u jfassal strateġiji tat-turiżmu innovattiv għal gżejjer (imbiegħda). 13. Isir studju biex jidentifika prattiki innovattivi għall-iżvilupp tal-mollijiet. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-industrija biex: · Jiżviluppaw il-wirt kulturali bbażat fuq it-turiżmu, il-parks arkeoloġiċi taħt l-ilma (ibbażat fuq ħidmet il-UNESCO), u t-turiżmu tan-natura u s-saħħa f'destinazzjonijiet kostali. · Jużaw strateġiji nazzjonali u reġjonali biex jiżguraw il-koerenza tal-offerti tat-turiżmu u aċċessibbiltà aħjar għall-gżejjer u l-postijiet imbiegħda. · Jiżviluppaw prattiki innovattivi biex iqajmu u jerġgħu jużaw l-infrastruttura marittima eżistenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija biex: · Tiżviluppa netwerk speċifiku ta' partijiet interessati tat-turiżmu marittimu li jkun jinkludi lill-operaturi tal-ġiti. 3.4. Inżidu kemm jista' jkun
il-finanzjament disponibbli tal-UE Il-qafas finanzjarju
tal-UE 2014-2020 u strumenti oħra tal-UE jiffinanzjaw l-ippjanar u
l-implimentazzjoni tal-proġetti u dan jagħti spinta
lill-iżvilupp sostenibbli tas-settur. L-Istati Membri u r-reġjuni
huma mistiedna jistabbilixxu strateġiji nazzjonali u/jew reġjonali
multiannwali biex jiżviluppaw turiżmu kostali u marittimu sostenibbli
u jiżguraw koerenza mal-Ftehimiet ta' Sħubija tagħhom u
l-Programmi Operattivi. Il-Fondi Ewropej Strutturali
u tal-Investiment (ESIF) Il-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista' jikkofinanzja
investimenti tat-turiżmu sostenibbli minn bosta għanijiet
tematiċi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċess u
l-użu tal-ICT, l-intraprenditorija, it-tkabbir ekonomiku tal-SMEs u
l-kompetittività tagħhom, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-adattament għat-tibdil fil-klima,
l-iżvilupp ta' wirt kulturali u naturali jew l-impjiegi u l-mobbiltà
tax-xogħol. L-investiment fl-infrastruttura hu limitat għal
turiżmu kulturali u sostenibbli fuq skala żgħira. Skont
l-għan tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, il-FEŻR jista'
jippromwovi l-iskambju tal-prattika tajba, netwerks u raggruppamenti
transnazzjonali, strateġiji konġunti għal turiżmu
sostenibbli, il-kultura u l-kummerċ transfruntiera. Minn bosta fondi ġodda
tal-UE jista' jgawdi wkoll it-turiżmu kostali u marittimu permezz ta'
proġetti multisettorjali li jisħqu fuq l-innovazzjoni,
pereżempju permezz tal-iżvilupp urban integrat (fil-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali), permezz tal-iżvilupp sostenibbli
ta' żoni dipendenti fuq is-sajd (fil-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) u
permezz tal-iżvilupp rurali (fil-Fond Agrikolu Ewropew
għall-Iżvilupp Rurali). Dawn il-proġetti jistgħu jinkludu
finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew li jappoġġja
l-ħolqien tal-impjiegi, l-adattament professjonali, it-taħriġ u
t-tiswir tal-kapaċità. Ir-riċerka,
l-innovazzjoni u l-kompetittività Orizzont 2020 hu
l-istrument finanzjarju li jimplimenta l-istrateġija tar-riċerka u
l-innovazzjoni tal-UE għall-2014-2020. Fost l-oqsma għall-attenzjoni
ġiet identifikat it-Tkabbir Blu; ġie ppjanat appoġġ
speċifiku għall-SMEs li jixtiequ jiżviluppaw u jużaw soluzzjonijiet
innovattivi, inkluż fit-turiżmu kostali u marittimu. Il-programm kwadru COSME 2014-2020
għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs.
L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li tiżdied id-domanda
għat-turiżmu (b'mod partikolari fl-istaġun kalm), jiġu
diversifikati l-offerti u l-prodotti, jissaħħu l-kwalità, is-sostenibbiltà,
l-aċċessibbiltà, il-ħiliet u l-innovazzjoni, jitjieb
l-għarfien soċjoekonomiku tas-settur, u l-Ewropa ssir magħrufa
għal ġabra unika ta' destinazzjonijiet sostenibbli u ta' kwalità
għolja. L-edukazzjoni, it-taħriġ
u l-kultura Il-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020)
joffri sinerġiji possibbli mat-turiżmu kulturali u tan-natura,
inkluż dwar il-wirt kostali u marittimu. Is-settur jista' jgawdi
mill-programm Erasmus+ (2014-2020) mil-lat ta' impjegabbiltà, kurrikuli
ġodda għas-settur u forom innovattivi ta' tagħlim u
taħriġ vokazzjonali. L-ambjent, it-tibdil fil-klima u finanzjamenti oħra Fl-2014 se jerġa' jitnieda
l-finanzjament LIFE+ u dan mistenni jappoġġa l-għanijiet
tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità. Dan għandu fini sostanzjali
li jiffinanzja proġetti innovattivi li jolqtu t-turiżmu kostali u
marittimu, inkluż appoġġ għal użu effiċjenti
tar-riżorsi. Il-Proposta għas-Seba' (7) Programm ta' Azzjoni
Ambjentali tal-UE sal-2020 u l-għanijiet tal-UE dwar l-adattament u
l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jiffokaw fuq setturi infrastrutturali
bħall-enerġija u t-trasport, iżda anki fuq aspetti
speċifiċi marbuta mat-turiżmu kostali u marittimu. Barra minn
hekk, il-Bank Ewropew tal-investiment jipprovdi finanzjamenti lill-SMEs biex
jinvestu fit-turiżmu u/jew f'reġjuni ta' konverġenza. Il-Kummissjoni se: 14. Tiżviluppa gwida onlajn li tagħti ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet ewlenin ta' finanzjament disponibbli għas-settur (l-aktar għall-SMEs). Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex: · Jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji nazzjonali/reġjonali dwar it-turiżmu kostali u marittimu u proġetti li jridu jiddaħħlu fil-Programmi Operattivi. · Ifittxu koperazzjoni transfruntiera għal dawn l-istrateġiji ta' hawn fuq u biex jaqsmu l-aqwa prattika. · Jużaw il-fondi disponibbli b'mod effiċjenti u effettiv. 4. NIRRAZZJONALIZZAW IL-POLITIKI TAL-UE LI JOLQTU LIT-TURIŻMU KOSTALI
U MARITTIMU Ħafna mill-politiki
Ewropej u l-attivitajiet ekonomiċi jinfluwenzaw direttament jew
indirettament lit-turiżmu kostali u marittimu, u dawn jistgħu
jixprunaw it-tkabbir ekonomiku. Għalhekk,
il-Kummissjoni se tiżgura li t-turiżmu kostali u marittimu
jiddaħħal fil-politiki l-oħra tal-UE bħal fejn jidħlu
l-konnettività bl-IT, it-trasport sostenibbli, kwistjonijiet ta' sikurezza u
l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema. Se jitqiesu wkoll aspetti
tal-politika transversali bħall-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp
reġjonali, it-taħriġ, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-politiki
ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. Barra
minn hekk, l-istrateġiji makroreġjonali għall-Baltiku,
l-Atlantiku u l-Adrijatiku-Jonju jippromwovu ekonomija qawwija tat-turiżmu
u jikkoordinaw ir-riżorsi reġjonali, tal-UE u li mhumiex tal-UE
għall-ġid ta' kulħadd. Fil-futur se jiġu studjati rabtiet
mal-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sinerġija tal-Baħar
l-Iswed, l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju u l-Politika tad-Dimensjoni
tat-Tramuntana. 5. KONKLUŻJONI It-turiżmu kostali u
marittimu jeħtieġ qafas tal-politika ambizzjuż. Il-Kummissjoni,
l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-industrija u
partijiet interessati oħra għandhom jieħdu azzjoni mmirata u li
tkun koerenti mal-politiki tal-UE li jħallu impatt fuq dan is-settur. Regolarment, il-Kummissjoni se
tissorvelja dan il-proċess biex tiżgura li l-azzjonijiet jiġu
implimentati. Imbagħad tkun tista' tirrapporta lill-Parlament Ewropew,
lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni
u tivvaluta r-riżultati. [1] Ir-rapport
annwali tal-UNWTO 2012 http://dtxtq4w60xqpw.cloudfront.net/sites/all/files/pdf/annual_report_2012.pdf [2] Il-bażi
tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2013) [3] COM(2010) 352
finali [4] inkluż it-turiżmu
għall-baħar u t-turiżmu għall-bajjiet, il-kruċieri,
il-jottijiet u t-tbaħħir sportiv u attivitajiet interni relatati [5] http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/tourism/index_en.htm [6] COM(2012) 494 [7] A7-0209/2013-2012/2297 (INI) [8] Studju li jappoġġa l-miżuri ta'
politika għat-turiżmu marittimu u kostali fil-livell tal-UE (minn
hawn 'il quddiem "studju CMT"), ECORYS, 2013 http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/documentation/studies/documents/study-maritime-and-coastal-tourism_en.pdf [9] Iż-żoni
kostali jinkludu l-muniċipalitajiet li jdawru l-baħar jew li jkollhom
nofs it-territorju tagħhom sa 10km mill-kosta. Il-bażi tad-dejta
tal-EUROSTAT (l-2012) – L-iljieli
li t-turisti qattgħu fi stabbiliment tal-akkomodazzjoni fiż-żona
kostali u mhux kostali - http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=tour_occ_ninatc). [10] "The Cruise Industry" tal-Assoċjazzjoni
Internazzjonali tal-Kruċieri, l-edizzjoni tal-2013 http://www.senato.it/application/xmanager/projects/leg17/attachments/documento_evento_procedura_commissione/files/000/000/ 632/Documentazione_Clia_Europe.pdf [11] Il-bażi
tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2012) - Il-persuni impjegati skont il-gruppi tal-età
(In-NACE Rev. 2) - http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database# [12] Ir-Regolament
(UE) Nru 692/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika
Ewropea dwar it-turiżmu. [13] imkejjel
bħala l-għadd ta' wasliet lokali u internazzjonali. [14] studju CMT [15] 128 miljun
abitant tal-UE għandhom bejn il-55 u t-80 sena. Il-bażi tad-dejta tal-EUROSTAT (l-2012) -
Il-popolazzjoni fl-1 ta' Jannar skont gruppi tal-età ta' ħames
snin u skont is-sess - http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/search_database# [16] COM(2012) 629 [17] Dawn l-inizjattivi jippromwovu sħubijiet
bejn is-settur pubbliku u privat li bihom ikunu jistgħu
jivvjaġġaw ċertu gruppi ewlenin
bħaż-żgħażagħ jew l-anzjani, bħal persuni
b'mobbiltà mnaqqsa u bħal familji bi dħul baxx, l-aktar fl-istaġun
kalm. [18] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/eden/index_en.htm [19] studju CMT [20] Fosthom in-Netwerk Ewropew
għall-Intrapriżi Fil-ħarifa tal-2013 tnieda studju dwar
il-perspettivi għal raggruppament fil-Mediterran. [21] https://ec.europa.eu/eures/ [22] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/ecvet_en.htm [23] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/ict/index_en.htm [24] It-taħriġ tal-baħħara
għall-vapuri tal-passiġġieri skont il-Konvenzjoni dwar
l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza
tal-Baħħara ma jgħoddx għall-kaptani. [25] L-għodod tal-ICT disponibbli konkreti jinkludu, pereżempju,
l-Osservatorju tat-Turiżmu Virtwali (http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/vto/index_en.htm); Il-pjattaforma Tourism Link
(http://www.tourismlink.eu/tourism-link/); Il-pjattaforma eCalypso
(http://www.ecalypso.eu/steep/public/index.jsf) [26] L-Infrastruttura
Ekoloġika tindirizza l-istrutturi spazjali ta' żoni
naturali/seminaturali. http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/ [27] COM(2013) 133 finali. [28] http://www.bbc.co.uk/news/uk-wales-25096911 [29] http://www.ecotourism.org/book/ecotourism-definition [30] http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/index_en.htm http://www.travelife.org/Hotels/home.asp?p=1 [31] Studju dwar lukandi fi Spanja (Cornell
Hospitality Quarterly, Awwissu 2012) wera li min juża s-Sistemi ta' Ġestjoni Ambjentali
jagħmel aktar qligħ [32] http://ec.europa.eu/environment/emas/about/index_en.htm [33] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/sustainable-tourism/indicators/index_en.htm.
L-It hi għodda li tkejjel u tissorvelja r-rendiment
tat-turiżmu sostenibbli tad-destinazzjonijiet. [34] COM(2011) 456 finali u COM(2013) 18
finali. [35] Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ilma għandha
l-għan li tintegra l-politika dwar l-ilma fil-politiki l-oħra http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/ [36] www.odyssea.eu [37] www.nautical-tourism.eu. [38] http://malinwaters.com/about ; b'finanzjament minn
INTERREG IV A, dan jipprovdi appoġġ finanzjarju lil
għadd ta' proġetti ta' żvilupp fil-portijiet [39] COM(2014) xxx
finali. [40] Pereżempju, il-Ftehim
tal-Immaniġġjar Konġunt bejn il-Kunsill tal-Ewropa u
l-Kummissjoni li jippromwovu rotot kulturali u reliġjużi