Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0179

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għall-akkwist elettroniku

/* COM/2012/0179 final */

52012DC0179

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għall-akkwist elettroniku /* COM/2012/0179 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għall-akkwist elettroniku

1.           Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-importanza strateġika tal-akkwist elettroniku (akkwist-e)[1] u tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin li permezz tagħhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tappoġġa t-tranżizzjoni lejn akkwist elettroniku komplut fl-UE.

L-akkwist elettroniku jista’ jissimplifika b'mod sinifikanti l-mod kif isir l-akkwist, inaqqas il-ħela u jagħti riżultati aħjar tal-akkwist (prezz orħos, kwalità aħjar) billi jistimula kompetizzjoni ikbar madwar is-Suq Uniku. Jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-indirizzar ta’ tnejn mill-isfidi ewlenin li l-ekonomija Ewropea qed taffaċċa llum: il-ħtieġa li nimmassimizzaw l-effiċjenza tan-nefqa pubblika fil-kuntest tar-restrizzjonijiet fiskali. u l-ħtieġa li nsibu sorsi ġodda ta' tkabbir ekonomiku.

Awtoritajiet u entitajiet kontraenti li diġà għamlu t-tranżizzjoni lejn l-akkwist elettroniku normalment jirrapportaw iffrankar ta' bejn 5 u 20 %; l-esperjenza turi wkoll li l-ispejjeż tal-investiment jistgħu jiġu rkuprati malajr. Meta wieħed iqis id-daqs totali tas-suq tal-akkwisti fl-UE, kull 5 % imfaddla jistgħu jrendu madwar EUR 100 biljun għall-kaxxa pubblika. L-akkwist elettroniku jagħti wkoll benefiċċji ambjentali sinifikanti billi jnaqqas il-konsum tal-karti u t-trasport, kif ukoll il-ħtieġa ta’ spazju għall-arkivji li jiswa ħafna flus flimkien mal-konsum tal-enerġija marbuta miegħu. Il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali tal-akkwist elettroniku għalhekk imorru id f'id – jikkontribwixxu għall-għan tat-tkabbir sostenibbli tal-Istrateġija UE 2020. Barra minn hekk, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[2] u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern Elettroniku 2011-2015[3] jaċċennaw għall-importanza tal-ġabra flimkien tal-kapaċitajiet tal-akkwist elettroniku madwar is-Suq Uniku.

Minkejja dawn il-benefiċċji mhux dubitati, l-UE għadha qed tkaxkar wara ż-żewġ miri tagħha stess u fil-livell internazzjonali. L-akkwist elettroniku għadu qed jintuża biss f'5-10 % tal-proċeduri tal-akkwist li jitwettqu madwar l-UE minkejja l-miri ambizzjużi tal-politika[4]. Min-naħa l-oħra, fil-Korea diġà ntlaħaq suq tal-akkwist kompletament onlajn, li ġġenera ffrankar ta' USD 4.5 biljun[5] (madwar 8 % tan-nefqa totali tal-akkwist annwali) annwalment sal-2007; fil-Brażil 80 % tal-akkwist pubbliku jsir b'mod elettroniku. L-UE għandha taġixxi issa biex tieħu l-frott tal-benefiċċji offruti mill-akkwist elettroniku u biex tevita li titlef il-kompetittività.

Il-Kummissjoni ressqet proposta ambizzjuża iżda realistika biex timmodernizza l-qafas legali tal-akkwist pubbliku tal-UE[6] kif previst fl-Att tas-Suq Uniku tal-2011[7]. Wieħed mill-għanijiet ta’ dawn il-proposti huwa l-kisba ta’ tranżizzjoni kompluta għall-akkwist elettroniku fl-UE sa nofs l-2016[8]. L-għan aħħari huwa “akkwist pubbliku dirett bla xkiel”, fejn il-fażijiet kollha tal-proċedura, min-notifika (notifika elettronika) sal-pagament (pagament elettroniku), isiru b’mod elettroniku[9]. Dan għandu jimmassimizza l-gwadanji fl-effiċjenza tal-akkwist elettroniku għas-settur pubbliku u jippermetti lill-kumpaniji Ewropej – speċjalment l-SMEs – jisfruttaw l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali.

2.           Bidla għall-aħjar – l-argument ekonomiku favur l-akkwist elettroniku

Is-suq tal-akkwist pubbliku fl-UE huwa kbir: id-direttivi attwali jkopru kuntratti li jiswew madwar EUR 447 biljun, filwaqt li s-suq kumplessiv għax-xiri tal-oġġetti, servizzi u xogħlijiet mis-settur pubbliku tal-UE huwa stmat li jiswa iktar minn EUR 2.4 triljun[10]. L-akkwist elettroniku għandu l-potenzjal li jrendi gwadanji ta’ benefiċċju sinifikanti f’dan is-suq kbir:

· l-akkwist elettroniku jista’ jgħin itejjeb it-trasparenza tal-opportunitajiet tal-akkwist u l-aċċess għalihom, speċjalment għall-SMEs, u b’hekk jistimula l-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u t-tkabbir transkonfinali fis-Suq Uniku. Jista’ jnaqqas ukoll ir-rati ta’ żball, pereżempju, billi jevita l-bżonn li b’mod ripetut tiddaħħal informazzjoni bbażata fuq il-karta fis-sistemi tal-IT f’fażijiet differenti tal-proċedura tal-akkwist;

· l-akkwist elettroniku jista’ wkoll jikseb tnaqqis sinifikanti fl-ispiża, kemm billi jbaxxi l-prezz li s-settur pubbliku jħallas biex jixtri l-oġġetti, is-servizzi u x-xogħlijiet, kif ukoll billi jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għas-settur pubbliku u għall-operaturi ekonomiċi (inkluż billi jnaqqas t-tul ta’ żmien tal-proċeduri tal-akkwist). L-iffrankar li jirriżulta jista’ jgħin jippromwovi l-konsolidazzjoni fiskali jew jiġi ridirezzjonat lejn l-inizjattivi li jtejbu t-tkabbir.

Ix-xogħol tal-immudellar ekonomiku li sar mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea jissuġġerixxi li t-tnaqqis fil-prezz tal-akkwist pubbliku[11] jista’ jkollu impatt makroekonomiku sinifikanti. It-tnaqqis fil-prezzijiet assunt f'dan ix-xogħol tal-immudellar huwa sew fi ħdan il-firxa miksuba minn sistemi tal-akkwist elettroniku eżistenti, u jista' jgħolli l-PDG b'0.1 sa 0.2 % wara 5 snin[12]. Kalkolu konservattiv ta’ malajr minn studju ieħor jissuġġerixxi li tranżizzjoni kompluta għall-akkwist elettroniku tista’ tiġġenera EUR 50 sa EUR 75 biljun fis-sena[13].

Hemm diversi eżempji ta’ soluzzjonijiet tal-akkwist elettroniku li kellhom suċċess li qed joperaw madwar l-Ewropa:[14]

· wara l-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku, l-isptarijiet Portugiżi laħqu tnaqqis fil-prezzijiet ta’ 18 % fil-kuntratti tal-akkwist tagħhom. B’mod aggregat, meta l-Portugall qaleb għall-akkwist elettroniku, huwa stmat li ġġenera ffrankar ta’ madwar EUR 650 miljun fl-ewwel sena u seta’ laħaq EUR 1.2 biljun li kieku l-awtoritajiet kontraenti kollha kienu implimentaw l-akkwist elettroniku kompletament. L-iffrankar potenzjali għalhekk jammonta għal bejn 6 % u 12 % tan-nefqa totali tal-akkwist. Ħafna mill-iffrankar sar bis-saħħa ta’ prezzijiet iktar baxxi li jirriżultaw minn kompetizzjoni ikbar (iktar offerti għal kull proċedura), minkejja li nkiseb ukoll iffrankar amministrattiv;

· Xchange Wales – il-programm tal-akkwist elettroniku ta’ Wales – wassal benefiċċji ta’ GBP 58 miljun (Diċembru 2011), tliet snin wara li ġie varat. L-ispejjeż tal-investiment tal-istabbiliment tal-programm ġew irkuprati f’sena waħda biss. S'issa, il-programm faddal madwar 15-il miljun paġna karti, li huma ekwivalenti għal 101 tunnellati ta' CO2. S'issa, 56 000 fornitur irreġistraw fis-sistema u GBP 18-il biljun ta’ kuntratti ġew irreklamati b’mod elettroniku;

· UGAP (Union des groupements d’achats publics) – il-korp ċentrali tax-xiri Franċiż – jistma li l-bidla progressiva lejn l-akkwist elettroniku naqqset il-piż amministrattiv għax-xerrejja b’10 % (eż. permezz ta' analiżi aktar malajr tal-offerti u aċċess faċli għad-dokumenti) u b'10 % oħra għas-servizzi legali involuti (għaliex kien meħtieġ inqas kontroll legali meta ntuża l-akkwist elettroniku). L-ispiża biex tiġi implimentata s-sistema kienet minima meta mqabbla mal-benefiċċji li diġà ġew realizzati, għalkemm kien meħtieġ sforz biex jitħarreġ il-persunal u jinbidlu l-metodi interni tal-ħidma;

· studju dwar 400 awtorità lokali fil-Pajjiżi l-Baxxi juri li l-bidla lejn l-akkwist elettroniku tiġġenera ffrankar tal-ispejjeż tal-proċess ta’ aktar minn EUR 8 500 għal kull offerta. Dan huwa bbażat fuq l-użu ta’ mezzi elettroniċi mill-pubblikazzjoni tal-avviżi sat-tressiq, iżda ma jinkludix l-evalwazzjoni awtomatika (li ma kenitx disponibbli fuq il-pjattaformi fil-mument tal-istħarriġ, imma li issa qed toħloq aktar iffrankar sinifikanti). Tnejn mill-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal dan l-iffrankar tal-ispejjeż huma: it-tnaqqis fil-ħin – għal kull proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jiffrankaw fil-medja sa 3 ijiem u l-offerenti sa jum wieħed (1); u inqas spejjeż tal-istampar u l-posta (stmati għal EUR 2 350 kull offerta).

· stħarriġ riċenti ta’ amministraturi Norveġiżi tal-akkwist pubbliku skopra li ħadd mill-amministraturi li sar l-istħarriġ fuqhom ma jikkunsidra li jerġa' jmur lura għall-ipproċessar tal-offerti b’mod manwali, ibbażat fuq il-karta. Dan l-istħarriġ jindika li l-użu tal-akkwist elettroniku: żied il-parteċipazzjoni mill-azjendi barranin (22 % ta’ dawk li wieġbu) u l-SMEs (30 % ta’ dawk li wieġbu), irriżulta f’għadd ikbar ta’ offerti għal kull offerta (74 % ta’ dawk li wieġbu), naqqas l-ispejjeż tax-xiri (70 % ta’ dawk li wieġbu) u naqqas il-ħin utilizzat fuq kull offerta b’iktar minn 10 % (73 % ta’ dawk li wieġbu). Filwaqt li dawn ir-riżultati mhux neċessarjament huma kompletament rappreżentattivi minħabba d-daqs limitat tal-kampjun użat, xorta waħda juru l-benefiċċji li l-akkwist elettroniku jista' jrendi.

L-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-akkwist elettroniku inevitabbilment tinkludi xi spejjeż bil-quddiem, iżda l-esperjenza turi li dawn jistgħu jiġu rkuprati f'perjodu ta' żmien relattivament qasir . Barra minn hekk, sistemi eżistenti juru li dawn jistgħu jkunu mezzi b’saħħithom biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-SMEs, inkluż transkonfinali, għaliex l-SMEs jsibuha aktar faċli jidentifikaw u jwieġbu għal opportunitajiet tal-offerti permezz ta' mezzi elettroniċi aktar milli f'ambjent tradizzjonali bbażat fuq il-karta.

3.           Negħlbu l-barrieri – il-mixja 'il quddiem

L-argument favur l-akkwist elettroniku huwa interessanti u t-teknoloġiji li jagħmluh possibbli issa huma disponibbli ħafna. Madankollu, għadd ta’ ostakli jkomplu jxekklu t-tranżizzjoni lejn akkwist elettroniku komplut fl-UE. It-tweġibiet għall-Green Paper dwar l-akkwist elettroniku tal-2010[15] identifikaw żewġ fatturi ewlenin għar-ritmu kajman li bih l-akkwist elettroniku jien qed jintlaqa':

1.           L-“inerzja” li wrew ċerti partijiet interessati. L-isfida hija li tikkonvinċi xerrejja u fornituri inċerti biex ibiddlu l-prattiki tradizzjonali tagħhom; tikkonvinċihom li l-benefiċċji mbassra jistgħu jinkisbu u li l-investimenti jistgħu jiġu rkuprati f’perjodu raġonevoli.

2.           Il-frammentazzjoni tas-suq li tista’ tirriżulta mill-eżistenza ta’ varjetà wiesgħa ta’ sistemi, xi kultant teknikament kumplessi, varati madwar l-UE (u xi kultant fi Stat Membru wieħed biss) li tista’ twassal għal spejjeż ikbar għall-operaturi/fornituri ekonomiċi.

L-isfida hija għalhekk li wieħed jikkonvinċi lill-partijiet interessati biex iħaddnu soluzzjonijiet elettroniċi ġodda, u li jiżgura li s-sistemi li jiddaħħlu fis-seħħ jiffaċilitaw aċċess aktar mifrux madwar l-UE lil dawn is-swieq ta’ valur. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni li saret fl-2010[16] għall-akkwist elettroniku juru li huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jappoġġaw il-varar tal-akkwist elettroniku, għaliex it-teknoloġija biex jitwettaq l-akkwist elettroniku issa hija lesta biex tintuża. Biex tegħleb dawn il-barrieri, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu għadd ta’ azzjonijiet, li jinkludu miżuri leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. Dan il-kapitlu jiddeskrivi dawn l-azzjonijiet.

3.1.        Ħolqien ta’ qafas legali effettiv

L-istrateġija stipulata f’din il-Komunikazzjoni tibni fuq id-dispożizzjonijiet tal-akkwist elettroniku li jinsabu fil-proposti leġiżlattivi adottati mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru tal-2011, li jkunu qed jissostitwixxu l-qafas leġiżlattiv eżistenti. Qed issir premessa fuq is-suppożizzjoni li dawn il-proposti se jiġu adottati mingħajr bidliet sostantivi. Dan huwa madankollu mingħajr preġudizzju lejn ir-riżultat tal-proċedura leġiżlattiva, li trid titqies mill-organizzazzjonijiet li jkunu qed jimplimentaw is-sistemi tal-akkwist elettroniku.

Il-proposta dwar is-settur klassiku[17] tipprevedi tranżizzjoni gradwali lejn mezzi elettroniċi kompluti tal-komunikazzjoni. Dawn se jsiru mandatorji għal ċerti fażijiet tal-proċess tal-akkwist u għal xi atturi sad-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni: eż. in-notifika elettronika lil TED[18] u disponibbiltà elettronika tal-avviżi tal-akkwist. Il-Korpi Ċentrali għall-Akkwisti għandhom ukoll jimxu lejn mezzi elettroniċi kompluti ta’ komunikazzjoni, inkluża s-sottomissjoni elettronika tal-offerti (sottomissjoni-e) sa dik id-data. L-awtoritajiet kontraenti l-oħrajn kollha se jkunu meħtieġa jwettqu l-proċeduri tal-akkwist kollha permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni, ħlief f’ċirkostanzi debitament ġustifikati.

Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet ta’ simplifikazzjoni li jirregolaw ċerti proċeduri u għodod elettroniċi, bħas-Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri (DPS), irkanti elettroniċi (irkanti-e) u katalgi elettroniċi (katalgi-e). Barra minn hekk, e-CERTIS isir entità tal-approvazzjoni mandatorja sentejn wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni. Din se telenka ċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet li jistgħu jkunu mitluba biex offerent jikkwalifika għal akkwist, u se tissettja l-kriterji tal-ekwivalenza madwar l-Istati Membri. Dan se jipprovdi aktar ċarezza u ċertezza legali, speċjalment f’termini ta’ sottomissjoni transkonfinali, fir-rigward ta’ ċertifikati u dikjarazzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa mill-Istati Membri[19].

Id-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist elettroniku fil-proposta dwar is-settur tal-utilitajiet[20] huma sostanzjalment simili għal dawk fis-settur klassiku. Il-proposta dwar il-konċessjonijiet[21] tinkludi wkoll rekwiżiti dwar mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni u tipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin minflok sentejn. Jekk il-proposti tal-Kummissjoni jiġu adottati sal-aħħar tal-2012 (id-data ta' skadenza mħaddna mill-Kunsill Ewropew informali tat-30 ta' Jannar 2012), il-maġġoranza vasta tal-proċeduri tal-akkwist koperti mill-proposti, bħala prinċipju, ikunu qed isiru bl-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni sa nofs l-2016.

Tal-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, il-proposti jappoġġaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u aktar kooperazzjoni permezz tal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), applikazzjoni onlajn sikura li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti taż-ŻEE jikkomunikaw malajr u faċilment mal-kontrapartijiet tagħhom f'pajjiż ieħor. Fil-futur, jistgħu jiġu esplorati sinerġiji bejn l-applikazzjoni IMI u e-CERTIS.

L-approċċ f’fażijiet għall-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku huwa mfassal sabiex il-partijiet interessati kollha jkollhom iż-żmien ilaħħqu mal-isfidi operattivi, filwaqt li jiżgura li l-pass tal-bidla jaċċellera u li l-Istati Membri kollha jsegwu l-istess skeda taż-żmien kumplessiv. L-għan huwa li tiġi evitata l-koeżistenza fit-tul ta' proċeduri paralleli elettroniċi u bbażati fuq il-karta li jżidu l-ispejjeż b'mod sinifikanti kemm għall-awtoritajiet kontraenti kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jvaraw ix-xogħol preparatorju neċessarju kemm jista’ jkun malajr, sabiex jiżguraw konformità f’waqtha ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni se timmonitorja u tirrapporta pubblikament dwar il-progress fl-Istati Membri kif hemm stipulat fil-kapitolu 3.5.

Il-proposti tal-Kummissjoni jħeġġu l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-akkwist elettroniku u fihom dispożizzjonijiet imfassla biex jiżguraw li l-fornituri ma jiltaqgħux ma' ostakli tekniċi meta jagħmlu l-offerti fuq sistemi differenti. Għal dan il-għan, dan jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti ddelegati f’għadd ta’ oqsma speċifiċi biex l-użu ta’ standards tekniċi speċifiċi jsir mandatorju. Dawn jistgħu jitgħallmu mix-xogħol li sar fil-korpi ta' standardizzazzjoni rilevanti u mir-rakkondazzjonijiet maħruġa mill-Grupp Espert tal-Offerti Elettroniċi (ara t-taqsima 3.2). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, qed jiġu żviluppati l-linji gwida dwar kif għandna nużaw l-istandards meta nkunu qed nagħmlu l-akkwist tas-sistemi tal-ICT[22].

Għalkemm il-proposti leġiżlattivi ma jagħmlux mandat fuq l-użu tal-firem elettroniċi (firem-e), dawn jimmiraw li jiksbu bilanċ aħjar bejn li jipprovdu l-flessibbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi li jixtiequ jużaw din l-għodda, u bejn li jiżguraw iktar interoperabbiltà transkonfinali ta' soluzzjonijiet b’firem elettroniċi. Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jirrikjedu l-użu ta' firma elettronika avvanzata kif definit fid-Direttiva 1999/93/KE dwar il-firem elettroniċi, iridu jaċċettaw il-firem elettroniċi appoġġati minn ċertifikat elettroniku kkwalifikat kif jissemma fil-Lista ta’ Fiduċja li hija pprovduta fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE. Il-proposta b’hekk tagħti ingranaġġ lill-approċċ żviluppat taħt id-Direttiva tas-Servizzi.

Bħalissa l-Kummissjoni qed tivvaluta l-qafas għall-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni u l-firem elettroniċi biex ittejjeb il-fiduċja u s-sigurtà u biex tiżgura l-użu faċli u l-interoperabbiltà ta' dawn is-sistemi madwar l-UE. Hija mistennija proposta leġiżlattiva sal-aħħar ta' Ġunju (it-2 kwart tas-sena) tal-2012.

Azzjonijiet ewlenin:

(1) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaqblu dwar qafas legali ġdid li jirrikjedi tranżizzjoni kompluta lejn l-akkwist elettroniku. Data ta’ skadenza: adozzjoni sal-aħħar tal-2012.

(2) Fejn hemm bżonn, il-Kummissjoni Ewropea għandha tarmonizza r-rekwiżiti tekniċi permezz ta’ atti ddelegati. Data ta’ skadenza: wara l-adozzjoni tad-direttivi l-ġodda.

(3) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi qafas legali ġdid għall-identifikazzjoni, awtentikazzjoni u firem elettroniċi. Data ta’ skadenza: sat-tieni (2) kwart tal-2012.

3.2.        Promozzjoni ta’ soluzzjonijiet prattiċi bbażati fuq l-aħjar prattiki

Il-proposti leġiżlattivi riċenti huma kundizzjoni neċessarja iżda mhux suffiċjenti għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-akkwist elettroniku fl-UE. Barra minn hekk, għadd ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi ta’ akkumpanjament huma meħtieġa biex jappoġġaw lill-Istati Membri matul it-tranżizzjoni tagħhom għall-akkwist elettroniku komplut u biex jindirizzaw l-isfidi prattiċi li bħalissa qed jillimitaw ir-ritmu li bih l-akkwist elettroniku qed jaqbad.

It-tekonoloġija tal-IT issa hija matura biżżejjed li tagħmel possibbli ġenerazzjoni ġdida ta’ sistemi tal-akkwist elettroniku. Qed isiru disponibbli, għal xerrejja pubbliċi, paradigmi ġodda li diġà jintużaw fis-settur privat, li jippermettulhom jissimplifikaw u jorganizzaw il-proċess tax-xiri mingħajr ma jikkompromettu l-interessi pubbliċi li akkwist bħal dan għandu jissodisfa, eż. it-trasparenza, il-kompetizzjoni, l-inklużjoni tal-SMEs u l-offerenti transkonfinali, eċċ.

B’rikonoxximent ta’ dan il-potenzjal, il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-prinċipju tas-simplifikazzjoni, u din il-prijorità għandha tinżamm meta tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni prattika ta’ soluzzjonijiet tal-akkwist elettroniku. Soluzzjonijiet bħal dawn għandhom ifittxu li jipprovdu bilanċ ottimu bejn il-prestazzjoni, il-kosteffettività u l-aċċessibbiltà, filwaqt li ovvjament jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-UE. Dawn is-sistemi għandhom ikunu mfassla biex jiżguraw parteċipazzjoni sħiħa tal-SMEs fis-suq tal-akkwist skont is-Small Business Act u l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir". Għan partikolari għandu jkun wieħed li jagħmel il-fażi tas-sottomissjoni elettronika kemm jista’ jkun aċċessibbli, ineħħi l-ostakli li bħalissa spiss jaqtgħu qalb il-ġodda milli jidħlu għall-proċeduri onerużi ta’ reġistrazzjoni jew awtentikazzjoni li huma meħtieġa minn ċerti pjattaformi – li f'xi każijiet jirrikjedu l-użu ta’ għodod u assi li huma disponibbli biss fil-pajjiż konċernat.

Il-Kummissjoni, sabiex tindirizza dawn l-isfidi, stabbilixxiet Grupp Espert tal-Offerti Elettroniċi (e-TEG) li għandu l-kompitu jiddefinixxi blueprint għall-akkwist elettroniku ta’ qabel l-għotja li jipprovdi bażi għall-iżvilupp tal-“aqwa” soluzzjonijiet. L-għan huwa l-promozzjoni ta' soluzzjonijiet li jiksbu bilanċ ottimu bejn l-użabbiltà u attribwiti oħra bħas-sigurtà. Kompitu essenzjali għall-e-TEG huwa d-definizzjoni ta’ mudell effettiv tas-sottomissjoni elettronika, għaliex din bħalissa hija l-ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni aktar mifruxa tal-akkwist elettroniku. Xogħol li għaddej dwar l-istandards, bħal dak li sar waqt is-sessjoni ta’ ħidma tas-CEN BII, se jkun ingranat mill-e-TEG.

L-e-TEG, billi juża dan il-blueprint bħala l-mudell ta’ referenza tiegħu, se jippreżenta wkoll rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-pjattaformi tal-akkwist elettroniku li jiggarantixxu aċċess transkonfinali u jiffaċilitaw l-użu mill-operaturi ekonomiċi kollha b’mod partikolari l-SMEs, filwaqt li xorta waħda jippreżervaw l-awtonomija tal-Istat Membru li jiddisinja soluzzjonijiet li huma l-aktar adattati għar-rekwiżiti nazzjonali u jistgħu jiġu integrati mal-pjattaformi eżistenti.

B’mod parallel, il-Kummissjoni varat studju biex tagħti valur referenzjarju lill-prattiki attwali tal-akkwist elettroniku fl-Ewropa. Dan se jwassal għall-pubblikazzjoni ta’ ktieb tal-każijiet (“il-Ktieb tad-Deheb”) tal-aħjar prattiki ta’ implimentazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjattaformi eżistenti tal-akkwist elettroniku f’konfront ma' kriterji bħall-aċċessibbiltà, kemm huma faċli jintużaw u l-kosteffettività. Ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol se jintuża biex jippromwovi l-konverġenza lejn dawn l-aħjar prattiki u l-adozzjoni tagħhom mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet pubbliċi li jinvestu fl-infrastruttura tal-akkwist elettroniku.

Azzjonijiet ewlenin

(4) e-TEG (Grupp Espert) għandu joħroġ rakkomandazzjonijiet biex jippromwovi l-“aqwa sistemi” tal-akkwist elettroniku li jiffaċilitaw l-aċċess transkonfinali u l-użu faċli għall-kumpaniji kollha. Data ta’ skadenza: sal-bidu tal-2013.

(5) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika rapport dwar l-aħjar prattiki tal-akkwist elettroniku. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tuża dawn ir-riżultati biex tippromwovi l-aħjar prattiki madwar l-UE. Data ta’ skadenza: sa nofs l-2013.

3.3.        Appoġġ għall-varar tal-infrastruttura tal-akkwist elettroniku

Il-Kummissjoni ppromwoviet l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-akkwist elettroniku transkonfinali permezz tal-PEPPOL (Pan-European Public Procurement On-Line)[23], proġett pilota parzjalment iffinanzjat mill-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). PEPPOL ma jipprovdix pjattaforma tal-akkwist elettroniku iżda minflok jipprovdi l-konnessjonijiet tal-interoperabbiltà meħtieġa biex jgħaqqdu flimkien il-pjattaformi diġà eżistenti fl-Istati Membri. Il-proġett se jispiċċa f’nofs l-2012 u l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tappoġġa s-sostenibbiltà ta’ firxa ta’ soluzzjonijiet interoperabbli tal-PEPPOL. Barra minn hekk, bħalissa tinsab miftuħa sejħa ġdida tas-CIP, li qed tfittex proposti biex tiżviluppa sett ta’ blokok tal-bini ta’ servizzi pubbliċi li huwa komprensiv, koerenti u jista’ jerġa jintuża billi jġib flimkien u jlesti x-xogħol imwettaq mill-ħames proġetti tas-CIP attwali (inkluż PEPPOL)[24].

Bħala parti mill-qafas finanzjarju multiannwali, il-Kummissjoni pproponiet il-varar tal-programm “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”[25]. Il-mira tiegħu tkun li jappoġġa l-investiment fil-varar tal-infrastruttura meħtieġa biex jagħmel possibbli t-twassil tas-servizzi pubbliċi transkonfinali (jiġifieri infrastrutturi essenzjali tas-servizz diġitali fl-interess pubbliku). Il-baġit propost għal dawn l-infrastrutturi huwa ta’ madwar EUR 2 biljun u l-akkwist elettroniku jkun wieħed mis-servizzi ewlenin li qed jiġu kkunsidrati. Bħalissa huwa stmat li l-proġetti ffinanzjati taħt is-CEF se jibdew joperaw bejn l-2014 u l-2015.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tuża fondi strutturali taħt il-Qafas Strateġiku Komuni (CSF) biex tikkumplimenta l-investimenti li jkunu saru mis-CEF u biex tappoġġa l-użu tal-akkwist elettroniku madwar l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa.

Azzjonijiet ewlenin:

(6) Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa s-sostenibblità tal-komponenti tal-PEPPOL sa minn nofs l-2012.

(7) Il-Kummissjoni Ewropea se tiffinanzja u tappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-akkwist elettroniku madwar l-Ewropa permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Il-Kummissjoni Ewropea se tvara l-proġetti fl-2014-2015.

(8) Il-Kummissjoni Ewropea se tippromwovi l-użu tal-Fondi Strutturali biex trawwem l-adozzjoni tal-akkwist elettroniku madwar l-Ewropa, kif hemm stabbilit fil-Qafas Strateġiku Komuni għall-2014-2020.

3.4.        Strateġija ta' disseminazzjoni

Biex tegħleb l-inerzja li wrew ċerti partijiet interessati (ara l-kapitlu 3 hawn fuq), il-Kummissjoni se ddaħħal fis-seħħ strateġija ta’ disseminazzjoni mifruxa ħafna, immirata li tinforma lill-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri dwar il-benefiċċji tal-akkwist elettroniku u dwar kif jistgħu jisfruttawhom kompletament. Din se tieħu minn firxa ta’ għodod inkluż:

· in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża, biex tipprovdi konsultazzjoni mmirata lill-SMEs Ewropej dwar l-opportunitajiet li l-akkwist elettroniku jiftaħ għalihom biex jagħmlu l-offerti madwar l-UE;

· il-Kummissjoni se tisfrutta l-opportunitajiet tan-netwerking offruti mill-Jiem/Ġimgħat Ewropej annwali tar-Reġjuni u l-Bliet kif ukoll il-programmi tan-netwerking (Urbact/INTERREG) u għodod oħra ta’ prattika tajba, sabiex tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu konxji tal-benefiċċji li jista' jagħtihom l-akkwist elettroniku, kif ukoll l-aħjar prattiki tal-akkwist elettroniku.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni torganizza konferenza annwali ta’ livell għoli dwar l-akkwist elettroniku, u tiġbor flimkien firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati biex jiddibattu dwar l-aħħar żviluppi fl-akkwist elettroniku. L-ewwel konferenza annwali se tkun f’nofs l-2012.

Azzjonijiet ewlenin:

(9) Il-Kummissjoni Ewropea se timplimenta strateġija ta’ disseminazzjoni mifruxa ħafna biex tinforma lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji offruti mill-akkwist elettroniku.

(10) Il-Kummissjoni Ewropea se torganizza konferenza annwali dwar l-akkwist elettroniku, li se tibda f'nofs l-2012.

3.5.        Monitoraġġ tal-adozzjoni tal-akkwist elettroniku u l-benefiċċji tiegħu

Waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-fassala tal-politika tal-UE u nazzjonali biex jkunu jistgħu jakkumpanjaw u jiddirezzjonaw l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku hija l-kapaċità li jżommu kont tal-iżviluppi u jkejlu l-impatt tal-bidla. Hemm interess kondiviż bejn l-fassala tal-politika tal-UE, nazzjonali u fil-livell lokali li jkollhom informazzjoni affidabbli u komparabbli biex jottimizzaw il-bidla mill-proċessi tradizzjonali għal dawk elettroniċi. Għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi żviluppat sett ta' indikaturi li jipprovdu stampa komprensiva kemm tal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku kif ukoll tal-gwadanji fl-effiċjenza li se jwassal.

Il-Kummissjoni varat studju mmirat lejn l-iżvilupp ta’ indikaturi li japplikaw għall-UE kollha għall-akkwist elettroniku, biex tindirizza dan ir-rekwiżit importanti. Il-proġett se jipprovdi aġġornament dwar il-progress u joħloq il-pedament kunċettwali għal reġim ta’ rappurtar fil-futur dwar l-użu u l-impatt ekonomiku tal-akkwist elettroniku madwar l-UE. Dan ir-reġim ta’ rappurtar ikun ibbażat fuq l-abbiltà tal-pjattaformi tal-akkwist elettroniku li jiġġeneraw dejta indikattiva omoġenja meta l-migrazzjoni tal-akkwist elettroniku titlesta. Din id-dejta mbagħad tkun tista’ tinġabar u tiġi pproċessata f’diversi livelli biex jinkiseb il-livell meħtieġ ta’ informazzjoni dwar l-akkwist kollu madwar l-UE f’approssimazzjoni tal-ħin reali.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel monitoraġġ mill-qrib kemm tal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku kif ukoll tal-impatt ekonomiku tiegħu, u se tippubblika rapport dwar l-akkwist elettroniku sa nofs l-2013, sabiex tippromwovi progress stabbli lejn l-għan ta' akkwist elettroniku komplut fl-UE. Dan ir-rapport se jidentifika kemm il-progress li nkiseb kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li għadha ma ġietx solvuta, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu. Se jieħu wkoll mill-indikaturi żviluppati fl-istudju msemmi hawn fuq.

Azzjonijiet ewlenin:

(11) Il-Kummissjoni Ewropea se tagħmel il-pedament għal sistemi elettroniċi biex timmonitorja n-nefqa tal-akkwist fil-ħin reali. Data ta’ skadenza: sa nofs l-2013.

(12) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika rapport annwali dwar l-akkwist elettroniku. Data ta’ skadenza: l-ewwel rapport sa nofs l-2013.

4.           Immexxu bl-eżempju

Il-Kummissjoni Ewropea, bħala fornitur sinifikanti, tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha stess li tikseb l-aħjar valur għall-flus possibbli u tiżgura li l-proċessi tal-akkwist tagħha huma kemm jista' jkun effiċjenti u effettivi. Dan jinkludi l-ingranaġġ tal-potenzjal tal-akkwist elettroniku.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[26] u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern Elettroniku tal-2010[27], it-tnejn li huma impenjaw lill-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta “Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Elettronika ambizzjuż għall-2011-2015, inkluż akkwist elettroniku komplut, strateġija ta' informazzjoni tas-settur pubbliku u politika tat-trasparenza." Il-Kummissjoni qed tistenna li tadotta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Elettroniku sal-aħħar tat-tieni (2) simestru tal-2012.

Il-Kummissjoni diġà qed twettaq proġetti pilota kemm fil-fażijiet ta’qabel kif ukoll dawk ta’ wara l-għotja, bħall-proġetti e-Tendering[28] u e-Prior[29]. Dawn il-proġetti se jkunu integrati f’soluzzjoni komprensiva li tkopri l-fażijiet kollha tal-katina tal-provvista. Minħabba l-proġett e-Prior (implimentat taħt il-programm ISA[30]), l-irċevuta elettronika ilha teżisti sa mill-2009 fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Informatika (DIGIT), u toffri vantaġġi sinifikanti fuq l-irċevuta tradizzjonali bbażata fuq il-karta, bħal: kwalità aħjar ta’ dejta: ipproċessar iżjed malajr; nuqqas ta’ kodifikazzjoni tad-dejta jew skenjar tal-hemża, li jwassal għal tnaqqis sostanzjali fl-iżbalji umani. Barra minn hekk, sa mill-bidu tal-2012, l-irċevuta elettronika (u gradwalment proċessi oħra tal-akkwist elettroniku) qed issir mandatorja għad-Direttorati Ġenerali l-oħra tal-Kummissjoni u l-Aġenziji Ewropej li jużaw Kuntratti Qafas tad-DIGIT.

Apparti, il-fażi li jmiss tal-iżvilupp se tikkonċentra fuq il-provvista ta’ sistema ta' sottomissjoni elettronika - probabbilment l-iktar aspett ta' sfida tal-fażi ta' qabel l-għotja. Sal-aħħar tal-2012 hemm ippjanati studju ta’ fattibbiltà u implimentazzjoni pilota ta’ segwitu ta’ din il-fażi tas-sottomissjoni elettronika. Is-sistema hija intenzjonata li tkun kompletament interoperabbli mal-infrastruttura żviluppata taħt il-proġett PEPPOL. Barra minn hekk, is-softwer kien u se jkompli jkun disponibbli għall-utenti estermi u l-iżviluppaturi fuq bażi open source. Bħalissa e-Prior miftuħ qed jiġi ttestjat jew ikkunsidrat għall-implimentazzjoni mill-awtoritajiet kontraenti f’diversi pajjiżi bħall-Greċja, in-Norveġja u l-Portugall.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tlesti l-fażi ta' tranżizzjoni lejn sistema kompluta tal-akkwist elettroniku, inkluż fil-fażi ta’ qabel l-għotja u f’dik ta’ wara l-għotja, sal-aħħar ta’ Ġunju 2015 – u se twassal fuq l-impenji tagħha fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern Elettroniku. Il-Kumitat ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-IT (HLCIT) f’Diċembru 2011 iddeċieda li jvara x-xogħol preparatorju neċessarju. Il-Kummissjoni Ewropea se taħdem ukoll f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE biex jassistuhom bl-integrazzjoni possibbli tas-soluzzjonijiet tal-akkwist elettroniku fil-proċeduri eżistenti tagħhom tal-akkwist.

Azzjonijiet ewlenin:

(13) Il-Kummissjoni Ewropea se timplimenta l-akkwist elettroniku komplut sa nofs l-2015 (sena qabel id-data ta' skadenza għall-Istati Membri)

(14) Il-Kummissjoni Ewropea se tagħmel is-soluzzjonijiet tal-akkwist elettroniku tagħha disponibbli għall-Istati Membri li qed jibnu l-infrastruttura tagħhom, biex inaqqsu l-ispejjeż tal-investiment.

5.           Dimensjoni internazzjonali tal-akkwist elettroniku

It-test attwali tal-GPA (Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern) tad-WTO (Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) fih dispożizzjonijiet limitati ħafna dwar l-akkwist elettroniku u sempliċiment jipprevedi li l-partijiet għandhom jikkonsultaw regolarment dwar l-iżviluppi fil-qasam. It-test maqbul riċentament dwar il-GPA jirrappreżenta bidla fil-pass għaliex jirrikonoxxi l-importanza li jintużaw u t-tħeġġiġ li jintużaw mezzi elettroniċi għall-akkwist, filwaqt li kuntratti mogħtija b'mezzi elettroniċi issa huma espliċitament fl-ambitu tal-Ftehim. Ġew stabbiliti prinċipji ġenerali li jamminstraw l-użu tal-mezzi elettroniċi filwaqt li regoli speċifiċi japplikaw fost l-oħrajn għall-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi u l-użu tal-irkanti elettroniċi. Lil hinn minn dawn id-dispożizzjonijiet legali, il-konsultazzjonijiet informali bejn il-ġurisdizzjonijiet dwar l-użu ta’ sistemi tal-akkwist elettroniku se jsiru essenzjali biex jiġu evitati ostakli ġodda għall-kuntratti transkonfinali. Id-dipendenza komuni fuq standards internazzjonali ta’ kwalità għolja għandhom iwittu t-triq għall-kisba tal-grad neċessarju ta’ aċċessibbiltà miftuħa u interoperabbiltà.

Fid-dawl tad-dimensjoni internazzjonali tal-akkwist elettroniku li dejjem qed issir iktar importanti, għandha tkun żgurata l-aċċessibbiltà miftuħa tas-sistemi tal-akkwist elettroniku għall-offerenti mill-ġurisdizzjonijiet kollha, speċjalment fost il-membri tal-GPA tad-WTO. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk se tfittex li żżid il-parteċipazzjoni fil-fora tal-istandardazzjoni internazzjonali rilevanti u biex tinkludi b’mod iżjed sistematiku l-akkwist elettroniku fid-djalogi regolatorji bilaterali mal-imsieħba tal-kummerċ ewlenin tagħha.

Azzjonijiet ewlenin:

(15) Il-Kummissjoni Ewropea se tippromwovi djalogi regolatorji internazzjonali dwar is-sistemi tal-akkwist elettroniku miftuħin u se timmonitorja b’mod attiv ix-xogħol tal-istandardizzazzjoni internazzjonali rilevanti.

6.           Konklużjoni

It-tranżizzjoni lejn akkwist elettroniku komplut mhix sfida primarjament teknika jew teknoloġika. Hija fuq kollox sfida ekonomika u politika, li ma tistax tingħeleb mingħajr impenn qawwi fl-ogħla livell politiku. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew jagħtu sinjal politiku ċar tad-determinazzjoni tagħhom li jaffaċċaw din l-isfida, b’mod partikolari billi jadottaw il-pakkett leġiżlattiv rivedut tal-Akkwist Pubbliku qabel l-aħħar ta' din is-sena sabiex it-tranżizzjoni għall-akkwist elettroniku komplut tintlaħaq b’suċċess fl-UE sa nofs l-2016.

[1]               L-użu tal-ipproċessar elettroniku tal-komunikazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet permezz tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku meta jixtru l-provvisti u s-servizzi jew jagħmlu l-offerti għal xogħlijiet pubbliċi.

[2]               COM(2010) 245.

[3]               COM(2010) 743 tal-15 ta’ Diċembru 2010.

[4]               Skont id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Manchester tal-24 ta’ Novembru 2005, “l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha madwar l-Ewropa se jkollhom il-kapaċità li jwettqu 100 % tal-akkwist tagħhom b'mod elettroniku" u "tal-anqas 50 % tal-akkwist pubbliku fuq il-livell limitu tal-akkwist pubbliku tal-UE se jitwettaq b'mod elettroniku" sal-2010: http://ec.europa.eu/information_society/activities/egovernment/docs/pdf/manchester_declaration.pdf.

[5]               Ara http://www.pps.go.kr/english/ għal aktar informazzjoni.

[6]               Proposta tal-20 ta' Diċembru 2011: COM(2011) 895 finali; COM(2011) 896 finali u COM(2011) 897 finali.

[7]               L-Att dwar is-Suq Uniku jidentifika serje ta’ miżuri biex iħeġġeġ l-ekonomija Ewropea u joħloq l-impjiegi.

[8]               Il-proposti jipprevedu użu mandatorju tal-akkwist elettroniku sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni, li fl-ambitu tal-iskeda taż-żmien attwali għall-adozzjoni għandha tippermetti l-implimentazzjoni sa nofs l-2016.

[9]               Il-proċessi tal-akkwist ikopru żewġ fażijiet ewlenin: il-fażi ta’ qabel l-għotja u l-fażi ta’ wara l-għotja. Il-fażi ta’ qabel l-għotja tinkludi s-sottofażijiet kollha tal-akkwist sal-għotja tal-kuntratt (pubblikazzjoni tal-avviżi, aċċess għad-dokumenti tal-offerti, tressiq tal-offerti, evalwazzjoni tal-proposti u l-għotja tal-kuntratt). Il-fażi ta’ wara l-għotja tinkludi s-sottofażijiet kollha tal-akkwist wara l-għotja tal-kuntratt (l-ordni, l-irċevuta u l-pagament).

[10]             Ara r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Indikaturi tal-Akkwist Pubbliku 2010: http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/docs/indicators2010_en.pdf

[11]             L-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti li għamlu t-tranżizzjoni lejn l-akkwist elettroniku normalment jirrapportaw iffrankar ta’ bejn 5 u 20 % li jirriżulta l-aktar minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet.

[12]             Ara Lukas Vogel, Macroeconomic effects of cost savings in public procurement, Economic Papers 389, Novembru 2009 (DĠ għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, il-Kummissjoni Ewropea): http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication16259_en.pdf.

[13]             Ara E-procurement - Public procurement worth two trillion euros needs smarter spending, Deutsche Bank Research (Frar 2011). Ara: http://www.dbresearch.de/PROD/DBR_INTERNET_DE-PROD/PROD0000000000269867.PDF.

[14]             Dawn l-eżempji inkisbu mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ kuntatt dirett ma’ diversi awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati.

[15]             Sommarju tat-tweġibiet għall-Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-akkwist elettroniku fl-UE: http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2010/e-procurement/synthesis_en.pdf.

[16]             Ara l-Pjan ta' Azzjoni u dokumenti relatati, inkluż l-evalwazzjoni tiegħu tal-2010 fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/e-procurement/documents/index_en.htm.

[17]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011) 896 finali).

[18]             TED (Tenders Electronic Daily) hija l-verżjoni onlajn tas-“Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea’, iddedikat għall-akkwist pubbliku Ewropew.

[19]             Aktar informazzjoni dawr e-CERTIS hija disponibbli fuq il-websajt Europa fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/e-procurement/e-certis/index_en.htm.

[20]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (COM(2011) 895 finali).

[21]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (COM(2011) 897 finali).

[22]             Azzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa “Gwida dwar ir-rabta bejn l-istandarizzazzjoni tal-ICT u l-akkwist pubbliku".

[23]             http://www.peppol.eu.

[24]             Ara http://ec.europa.eu/information_society/activities/ict_psp/projects/index_en.htm.

[25]             Is-CEF ġie propost fl-2011 bħala l-istrument finanzjarju komuni għan-netwerks transEwropej. Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Pakkett ta’ tkabbir għal infrastrutturi Ewropej integrati", COM(2011) 676. Ara wkoll il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, COM(2011) 665 finali

[26]             COM(2010) 245 tad-19 ta' Mejju 2010.

[27]             COM(2010) 743 tal-15 ta' Diċembru 2010.

[28]             https://etendering.ted.europa.eu

[29]             e-PRIOR huwa soluzzjoni żviluppata fil–Kummissjoni Ewropea. Sar disponibbli għall-utenti esterni bħala soluzzjoni open source (“Open e-PRIOR”). Ara https://joinup.ec.europa.eu/software/openeprior/description.

[30]             http://ec.europa.eu/isa

Top