Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0199

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tħejjija tal-ġejjieni diġitali ta’ l-Ewropa - Stħarriġ ta’ nofs it-terminu ta’ l-i2010 {SEC(2008) 470}

    /* KUMM/2008/0199 finali */

    52008DC0199




    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 17.4.2008

    COM(2008) 199 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    It-tħejjija tal-ġejjieni diġitali ta’ l-EwropaStħarriġ ta’ Nofs it-Terminu ta’ l-i2010{SEC(2008) 470}

    WERREJ

    1. Daħla 3

    2. L-i2010 f’ nofs it-terminu tiegħu 3

    3. L-Isfida tan-netwerks tal-ġejjieni u ta’ l-Internet 4

    4. Lejn Suq tassew Uniku – il-kontribut ta’ l-ICTs 6

    5. Naffrontaw l-isfida tal-kompetittività bis-saħħa ta’ l-innovazzjoni u r-riċerka 8

    6. Il-ħtieġa li tiġi żviluppata aġenda politika għaż-żmien fit-tul għall-utenti ta’ l-ambjent diġitali 10

    7. Konklużjoni 13

    DAħLA

    It-Teknoloġiji ta’ l-Informatika u l-Komunikazzjoni (l-ICTs) jibqgħu mutur ewlieni tal-modernizzazzjoni soċjali u ekonomika. Illum, in-negozji fl-UE jiddedikaw 20% ta’ l-investment lill-ICTs, u s-settur jgħodd għal 26% tan-nefqa totali għar-riċerka. Barra minn hekk, 60% tas-servizzi pubbliċi bażiċi issa jinsabu kollha kemm huma online u aktar minn nofs iċ-ċittadini ta’ l-UE jużaw l-Internet regolarment[1].

    L-i2010 għandha l-għan li 1) tistabbilixxi spazju informatiku Ewropew jiġifieri suq uniku ta' veru għall-ekonomija diġitali sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ l-ekonomiji tal-kobor offruti mis-suq Ewropew li jgħodd mal-500 miljun konsumatur; 2) issaħħaħ l-innovazzjoni u l-investiment fir-riċerka dwar l-ICTs billi l-ICTs huma mutur ewlieni ta’ l-ekonomija; u 3) tippromwovi l-inklużjoni, is-servizzi pubbliċi u l-kwalità tal-ħajja, jiġifieri testendi l-valuri Ewropej ta' l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja lis-soċjetà ta' l-informatika. |

    L-istrateġija i2010[2], imnedija fl-1 ta’ Ġunju 2005, kienet l-ewwel qafas koerenti ta’ politika għall-era tas-servizzi konverġenti tat-telekomunikazzjoni u l-midja. Sar ħafna progress f’dawn l-aħħar tliet snin. Xi eżempji magħżula jistgħu jagħtu idea tal-medda tal-kisbiet li saru: twaqqaf qafas regolatorju ġdid għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva; tnedew proposti biex tiġi rriformata r-regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;[3] qed jitħaddem regolament biex jinħoloq suq uniku għall-użu transkonfinali tal-mowbajls; għaddejjin taħditiet dwar inizjattivi sabiex jitqawwa l-kontenut online fl-Ewropa;[4] qabdu sew inizjattivi ewlenin ġodda ta’ finanzjament għall-R&D u l-innovazzjoni (is-Seba’ Programm Kwadru u l-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT fi ħdan il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – is-CIP); għadhom kemm ġew varati sħubijiet rivoluzzjonarji bejn il-pubbliku u l-privat (Iniżjattivi Teknoloġiċi Konġunti); u mexjin sew inizjattivi ġodda ta’ Inklużjoni-e[5].

    Fl-istess ħin, l-Ewropa hija minn ta' quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp ta' l-ekonomija diġitali. Is-suq Ewropew tal-broadband, b’90 miljun linja, għandu aktar abbonati minn kull reġjun ekonomiku ieħor, u nofs iċ-ċittadini Ewropej jużaw l-Internet fuq bażi regolari. Xi Stati Membri huma l-ewwel fil-klassifika dinjija ta’ l-użu tal-broadband, tal-penetrazzjoni tat-telefonija mobbli, u tat-traffiku tad-dejta. Iżda d-differenzi bejn l-Istati Membri huma sinifikanti u l-Ewropa mhux qed tinvesti biżżejjed meta mqabbla ma’ reġjuni industrijalizzati oħra, u qiegħda wkoll tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni dejjem akbar mill-Indja u miċ-Ċina. Huwa għalhekk li l-qafas ta’ politika pprovdut mill-i2010 illum huwa dejjem aktar meħtieġ. Iżda issa, f’nofs it-terminu ta' żmien tiegħu, għandu bżonn jiġi aġġustat il-qafas i2010?

    L-I2010 F’ NOFS IT-TERMINU TIEGħU

    Il-valutazzjoni kurrenti ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona[6] turi li r-riformi strutturali qed jibdew irendu, iżda l-ambjent ekonomiku għadu wieħed frammentat. Din l-istampa kumplessiva tgħodd ukoll għas-soċjetà ta' l-informatika. Filwaqt li r-Rapport Strateġiku ta’ Liżbona ta’ l-2007 jikkonferma l-prominenza ta’ l-ICTs fir-riforma strutturali u nofs l-Istati Membri saħħew il-politiki tagħhom ta’ l-R&D u l-ICT, bosta partijiet ta’ l-UE għadhom lura fl-adozzjoni ta’ l-ICTs.

    Tul l-2007, il-Kummissjoni eżaminat l-istrateġija i2010 fid-dawl tal-prijoritajiet ta’ llum għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-valutazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku[7], l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Innovazzjoni[8] u r-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur[9] ilkoll saħqu dwar l-importanza ta’ l-ICTs. Il-kwistjonijiet li ġejjin qegħdin għalhekk isiru strateġiċi għall-kompetittività u għall-użu ta’ l-ICT fl-Ewropa:

    - L-Ewropa għamlet progress kbir lejn l-ekonomija nnetwerkjata, iżda trid tħaffef il-pass sabiex tmexxi t-transizzjoni lejn in-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss filwaqt li ma taqax lura fl-isforzi tagħha biex tegħleb il-qasma diġitali.

    - L-Ewropa jmissha tieħu vantaġġ akbar mill-assi ekonomiku ewlieni tagħha, l-akbar suq tal-konsumaturi fid-dinja żviluppata; madankollu, minkejja l-firxa globali ta’ l-Internet, huma meħtieġa passi oħra biex jinħoloq Suq Uniku għall-ekonomija diġitali.

    - In-nefqa fir-riċerka dwar l-ICTs għadha taħt il-mira fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri. Hemm bżonn sforzi akbar sabiex jingħaqdu r-riżorsi billi jiġu kkoordinati l-isforzi tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni.

    - Hekk kif l-Internet qed jidħol dejjem aktar fil-ħajja ta’ kuljum, qegħdin jinbidlu l-istennijiet u t-tħassib tal-pubbliku dwar is-soċjetà ta' l-informatika. Is-salvagwardji jridu jevolvu sabiex ilaħħqu ma’ l-iżviluppi fit-teknoloġija u fis-suq, mingħajr ma jxekklu l-opportunitajiet enormi li toffri l-attività soċjali u ekonomika online.

    Din il-Komunikazzjoni tagħmel proposti konkreti biex torjenta l-i2010 mill-ġdid sabiex taffronta dawn l-isfidi billi tkompli tippromwovi l-kompetittività u t-tħaddim ta’ l-ICT fl-Ewropa.

    L-ISFIDA TAN-NETWERKS TAL-ġEJJIENI U TA’ L-INTERNET

    Il-konverġenza diġitali issa hija realtà u l-Internet huwa għodda essenzjali għall-ekonomiji tagħna u għal ħajjitna ta’ kuljum. Il-broadband qed isir il-mod standard tal-konnettività. Il-kontenut online qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla, prinċipalment f’oqsma ġodda u ta’ kontenut maħluq mill-utenti.

    Is-suq Ewropew tal-broadband qed jiżviluppa b'rata mgħaġġla u diġà jgħaddi lil dak ta' l-Istati Uniti. Ir-rata ta’ penetrazzjoni laħqet l-20% tal-popolazzjoni f‘Jannar 2008, żieda ta’ tliet darbiet mit-tkabbir ta’ l-2004, bil-mexxejja dinjin ikunu d-Danimarka, il-Finlandja u l-Olanda. Madankollu, issa hemm xi sinjali li dan ir-ritmu beda jbatti: it-tkabbir fil-penetrazzjoni qed jonqos u hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu, il-ħeffa, il-prezz u l-kopertura. Ir-rekwiżiti tal-bandwidth qed jiżdiedu, u minkejja li l-veloċitajiet qed jiżviluppaw b’mod simili għal dawk fl-Istati Uniti, il-migrazzjoni lejn il-broadband ta’ veloċità għolja fl-UE għaddejja b'pass kajman.

    Grafika 1: [pic]

    Il-monitoraġġ ta’ kwalità għolja huwa kruċjali għat-tfassil tal-qafas politiku xieraq. Il-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf miri għall-prestazzjoni kumplessiva ta’ l-Istati Membri għal firxa ta’ fatturi li jistgħu jinkludu l-użu u t-tħaddim kurrenti, il-veloċitajiet, il-kopertura rurali, kemm il-prezz jifilħu għalih in-nies, l-innovazzjoni u dimensjonijiet soċjo-ekonomiċi oħra. Il-Kummissjoni se tiżviluppa, f’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, Indiċi tal-Prestazzjoni tal-Broadband li jfittex li jqabbel l-iżviluppi tal-broadband fl-Istati Membri.

    L-investiment fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss mhuwiex miexi bir-rata li teħtieġ l-Ewropa. Għaldaqstant, fl-2008 il-Kummissjoni se tiċċara, permezz ta' Rakkomandazzjoni, id-dispożizzjonijiet regolatorji għall-acċess tal-ġenerazzjoni li jmiss. Flimkien ma’ l-infrastruttura fuq linja fissa, it-teknoloġija bla wajers ħierġa dejjem aktar bħala infrastruttura alternattiva, l-aktar, iżda mhux biss, fiż-żoni rurali. Il-Komunikazzjoni dwar id-‘dividend diġitali’[10] sejħet biex xi frekwenzi jsiru disponibbli biex jippermettu taħlita bbilanċjata ta' xandir ta' definizzjoni għolja, TV mobbli u broadband bla wajers.

    Issa li l-protokoll ta' l-Internet (l-"Internet Protocol") (IP) huwa l-mezz ewlieni għall-forniment tas-servizzi, l-applikazzjonijiet u l-kontenut, jeħtieġ jiġi implimentat l-IPv6, verżjoni ġdida u aktar qawwija. Dan se jestendi l-għadd disponibbli ta' indirizzi IP b'mod konsiderevoli u se jippermetti applikazzjonijiet iġded ibbażati fuq it-teknoloġiji bla wajers, li sejrin jespandu l-konnettività broadband sabiex din tkun tinkludi mezzi mobbli ġodda li jistgħu jintużaw kullimkien. Mezzi ta’ identifikazzjoni li jaħdmu bil-frekwenzi tar-radju (l-RFIDs) u teknoloġiji sensorji inkorporati fi prodotti sejrin jiġġeneraw aktar komunikazzjoni bejn magna u oħra u jestendu l-Internet għall-‘Internet ta’ l-Oġġetti’.

    Fuq prospettiva itwal, il-Kummissjoni qed twitti t-triq għal dan l-Internet ta’ l-Oġġetti tal-ġejjieni, per eżempju bis-saħħa ta' ħidmietha fuq l-RFIDs, il-governanza ta' l-Internet u l-integrità tan-netwerks[11]. Fl-2008, il-Kummissjoni se toħroġ rakkomandazzjoni dwar l-RFIDs, sabiex tiżgura ċ-ċertezza ġuridika u ttaffi t-tħassib dwar il-privatezza u s-sikurezza. Barra minn hekk, sabiex tgħaqqad l-azzjonijiet varji orjentati lejn il-ġejjieni u tiffaċilita politika koerenti sabiex is-soċjetà informatika titħejja għall-ġejjieni ta’ l-Internet, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tan-netwerks u ta’ l-Internet fl-2008.

    Azzjonijiet fl-2008:

    - L-iżvilupp ta’ indiċi tal-prestazzjoni tal-broadband u l-istedina lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali biex l-użu ta’ l-Internet b’veloċità għolja jilħaq rata ta’ penetrazzjoni ta’ 30% fost il-popolazzjoni ta’ l-UE sa l-2010;

    - It-tħejjija tas-soċjetà ta' l-informatika għall-ekonomija ta’ l-Internet tal-ġejjieni billi tinħareġ Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tan-netwerks u ta' l-Internet;

    - L-iffaċilitar tat-transizzjoni lejn netwerks ġodda permezz ta' rakkomandazzjoni dwar l-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss;

    - Il-promozzjoni ta’ l-Internet ta’ l-Oġġetti permezz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-RFIDs, b’enfażi fuq kwistjonijiet ta’ privatezza u sikurezza;

    - Jiġu proposti miżuri sabiex jiġi żġurat livell għoli ta’ adattabbiltà tan-netwerks kritiċi tal-komunikazzjoni u ta' l-infrastruttura ta’ l-informazzjoni (bħall-Internet) u biex tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizzi;

    - Jiġi propost sett ta’ azzjonijiet sabiex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni lejn l-IPv6.

    LEJN SUQ TASSEW UNIKU – IL-KONTRIBUT TA’ L-ICTS

    It-tlestija ta’ suq uniku għas-soċjetà ta' l-informatika u l-midja huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ l-inizjattiva i2010. Dan l-aħħar, ittieħdu passi importanti bl-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tar-regoli tat-telekomunikazzjoni u t-tnedija ta’ l-inizjattiva Content Online (Kontenut Online).

    Il-qafas regolatorju ta’ l-UE kellu impatt fil-biċċa l-kbira pożittiv fuq is-swieq Ewropej tal-komunikazzjoni elettronika, iżda ma rnexxielux iwassal biżżejjed konsistenza fl-approċċi regolatorji. Il-frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni madwar is-27 Stat Membru, inkluż l-infurzar tar-rimedji, qed thedded li ssir ostaklu serju għall-iżvilupp tas-Suq Uniku u li xxekkel il-ħolqien ta’ servizzi pan-Ewropej.

    Fir-riforma tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi[12], il-Kummissjoni għamlet proposti biex tiżgura aktar konsistenza. Ipproponiet il-ħolqien ta’ ‘Awtorità għas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (l-EECMA)’, li se jiġbed mill-għarfien espert ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sejra wkoll tiffaċilita approċċ ikkoordinat għall-ispettru madwar l-Istati Membri. Sabiex jinħasad il-frott ta’ suq mobbli uniku, li jiffaċilita d-deher ta' servizzi mobbli pan-Ewropej u l-isfruttament ta’ l-ekonomiji tal-kobor, il-proposti dwar ir-riforma ta’ l-ispettru jippromwovu aktar negozjar ta’ l-ispettru fi ħdan l-UE kif ukoll in-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġija.

    Ir-reviżjoni tas-Suq Uniku[13] tisħaq dwar il-potenzjal ta’ l-ICTs biex jiftħu s-Suq Uniku għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi: il-moviment ħieles ta’ l-għarfien u ta' l-innovazzjoni għandu jiġi promoss bħala l-‘ħames libertà’ fis-Suq Uniku. L-UE għandha ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-qafas għall-innovazzjoni, b’mod partikolari s-soċjetà ta' l-informatika, billi tħaffef it-twaqqif ta’ standards interoperabbli u timxi lejn ġestjoni aktar komuni ta’ l-ispettru. Il-Kummissjoni ħadmet dan l-aħħar fuq it-titjib ta’ l-istandardizzar ta’ l-ICTs u se tressaq proposta sa tmiem l-2008.

    Prijorità ċara għall-UE hija l-għeluq ta’ lakuni kbar fis-Suq Uniku, partikolarment fis-servizzi, u dan jinkludi: ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u l-promozzjoni ta’ aċċess transkonfinali għas-suq, partikolarment għall-akkwist pubbliku. L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu: il-forniment interoperabbli ta' servizzi pan-Ewropej ta' Gvern elettroniku u l-għarfien transkonfinali tal-firem elettroniċi (il-firem-e).

    Il-qafas ġuridiku li jirregola s-soċjetà ta' l-informatika u l-implimentazzjoni xi drabi frammentata fl-Istati Membri tista’ tagħmilha diffiċli biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ l-ICTs fuq skala Ewropea, u dan jissogra li jkabbar l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali online. Jeħtieġ li fl-implimentazzjoni jiġu indirizzati r-rekwiżiti, il-lakuni jew l-inkonsistenzi li jirkbu waħda fuq l-oħra, u li jinżamm il-pass mal-bidla teknoloġika (ara l-grafika 2 t'hawn taħt) sabiex ikun żgurat it-tħaddim effiċjenti tas-"Suq Intern elettroniku". Per eżempju, il-Fatturazzjoni-e (e-Invocing) se tiġi indirizzata tul l-2008 u l-2009 minn Grupp ta’ Esperti li se jidentifikaw in-nuqqasijiet regolatorji u l-ħtiġijiet tal-Fatturazzjoni-e tan-negozju u sa tmiem l-2009 se jipproponu lill-Kummissjoni qafas li jippromowovi r-rikonoxximent sħiħ tal-fatturi elettroniċi fit-tranżazzjonijiet transkonfinali.

    Grafika 2: L-evoluzzjoni tax-xenarju ġuridiku u tekniku

    [pic]

    Sors: DLA Piper, 2007

    Azzjonijiet:

    - L-appoġġ għall-adozzjoni ta’ pakkett regolatorju għall-Komunikazzjonijiet-e u partikolarment il-ħolqien ta’ l-EECMA;

    - Il-ġestjoni ta’ l-ispettru ssir aktar effiċjenti permezz ta’ l-iffaċilitar ta’ l-armonizzazzjoni u l-kummerċ tal-parti pan-Ewropea tal-frekwenzi;

    - L-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi pan-Ewropej, bl-għajnuna ta’ proġetti pilota fuq skala kbira fi ħdan il-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika ta’ l-ICT;

    - Jiġi propost titjib għas-sistema ta’ standardizzar ta’ l-EU għall-ICTs;

    - L-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni sabiex jiġu promossi aktar il-firem-e u l-awtentikazzjoni-e;

    - L-implimentazzjoni ta’ qafas Ewropew għall-fatturi elettroniċi.

    NAFFRONTAW L-ISFIDA TAL-KOMPETITTIVITÀ BIS-SAħħA TA’ L-INNOVAZZJONI U R-RIċERKA

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fuq nett fl-aġenda ta’ l-UE għar-riforma ekonomika. Iżda minkejja li 22 minn 27 Stat Membru identifikaw dawn l-oqsma bħala sfidi ewlenin fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u pprevdew aktar minn 14% ta’ l-investimenti tal-Fondi Strutturali fl-2007 sa l-2013 għall-RTD u l-innovazzjoni, il-mira ta’ 3% tal-PGD għar-riċerka sa l-2010 għadha mbiegħda[14].

    L-UE tonfoq biss madwar nofs dak li jonfqu l-Istati Unit fuq l-ICT R&D, u tispeċjalizza f’sub-setturi b’intensità baxxa ta’ riċerka. L-ICTs jirrappreżentaw madwar 30% ta’ l-isforz kumplessiv tar-riċerka fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi żviluppati, u d-differenza bejn l-isforzi ta’ l-UE u dawk tal-kompetituri ewlenin tagħha qed timmina l-ħila tagħha għall-ġejjieni li tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjonijiet tas-soċjetà ta' l-informatika.

    Sabiex tqanqal żieda fl-investiment, l-UE wriet it-triq 'il quddiem billi għamlet l-ICTs l-ikbar partita fi ħdan il-PK7. L-UE qiegħda wkoll tkun il-pijuniera ta’ l-isħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat bit-tnedija ta’ l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ARTEMIS (is-sistemi inkorporati) u ENIAC (in-nanoelettronika). Il-Programmi Nazzjonali Konġunti huma mfassla biex jixprunaw aktar l-investiment fl-R&D sew mill-Istati Membri sew mill-industrija.

    L-appoġġ finanzjarju huwa kkumplimentat minn sett ta’ miżuri għall-innovazzjoni min-naħa tad-domanda, bħall-Inizjattiva għas-Suq Ewlieni[15]. L-inizjattiva tiffoka fuq swieq ta’ potenzjal għoli fl-Ewropa u tistrieħ fuq taħlita ta’ ffinanzjar ta' l-R&D u ta’ l-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku ta’ l-innovazzjoni, strumenti regolatorji, u koordinazzjoni u sħubija ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati.

    L-akkwist pubbliku ta’ l-innovazzjoni mhuwiex utilizzat biżżejjed fl-UE. Dan jinkludi partikolarment l-akkwist pubbliku ta’ l-R&D sabiex jinġieb titjib radikali fis-servizzi pubbliċi, filwaqt li fl-istess ħin jinħolqu opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej biex jiksbu tmexxija internazzjonali fis-swieq il-godda u jippromwovu standards favur il-konsumaturi.

    Inizjattiva tas-Suq Ewlieni tas-Saħħa-e: Soċjetà li qed tixjieħ flimkien ma’ żieda drammatika fil-mard kroniku u domanda akbar għal kura tas-saħħa aħjar se twassal għal splużjoni ta' l-ispejjeż tas-saħħa. L-ICTs għandhom rwol ewlieni fit-trasformazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-Ewropa investiet bil-kbir fl-R&D għall-applikazzjonijiet tal-kura tas-saħħa. It-tbassir jistenna żieda ta’ 43% tal-volum tas-suq sa l-2020, li jitla’ għal €30 biljun miċ-ċifra attwali ta’ €21 biljun fl-UE-15 fl-2006. Iżda s-sistemi tas-Saħħa-e fl-Istati Membri mhumiex faċilment kompatibbli. L-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni tas-Saħħa-e għalhekk għandha l-għan li tiżviluppa suq Ewropew għal teknoloġiji innovattivi tas-Saħħa-e u tikkumbatti l-frammentazzjoni fil-mod ta’ kif tingħata l-kura tas-saħħa fl-Istati Membri differenti. |

    Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej għenu biex titwassal aġenda ta’ riċerka Ewropea aktar ikkoordinata u strateġika u biex jiġu żviluppati programmi u politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, iżda hemm bżonn li dawn idakkru aktar 'il xulxin.

    Is-Saħħa-e hija eżempju tajjeb ta’ kif l-innovazzjoni fl-ICT tista’ sservi għanijiet politiċi Ewropej li jikkonċernaw bosta oqsma[16]. L-ICTs jistgħu wkoll jgħinu sabiex tintlaħaq l-ambizzjoni ta’ l-UE li tindirizza t-tibdil fil-klima u tkabbar l-effiċjenza enerġetika. Qabel kollox, is-settur ta' l-ICT innifsu jista’ jirranġa l-qagħda tiegħu stess billi jtejjeb l-effiċjenza enerġetika fuq il-livell tal-komponenti, is-sistemi u l-applikazzjonijiet. Per eżempju, skond liema tkun l-applikazzjoni, il-potenzjal għall-iffrankar ta’ l-enerġija taċ-ċentri tad-dejta huwa ta' bejn 20 u 70%. Iżda b’mod usa’, l-ICTs jistgħu jtejbu l-effiċjenza enerġetika fl-ekonomija permezz tad-'dematerjalizzazzjoni', l-iffaċilitar ta' mudelli ġodda tan-negozju, u permezz ta' monitoraġġ imtejjeb u kontroll ifjen tal-proċessi u ta' l-attivitajiet. Bħala pass tal-bidu, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-ICTs bħala mezz biex jgħinu fit-titjib ta’ l-effiċjenza enerġetika.

    Wara l-evalwazzjoni tas-Sitt Program Kwadru[17], fl-2009 il-Kummissjoni se tvara sett ta' inizjattivi sabiex tiżgura t-tmexxija dejjem akbar ta’ l-Ewropa fl-iżvilupp ta’ l-ICTs, timmodernizza u ttejjeb il-kwalità u l-effeiċjenza tas-settur pubbliku tagħha, u tħaddem b'ħila t-teknoloġiji essenzjali għall-ekonomija u s-soċjetà. Dan il-proċess se jiġi varat b’Komunikazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni ICT fl-2009 u azzjonijiet preparatorji ta’ definizzjoni fil-PK7 u fis-CIP.

    Il-kontribuzzjoni ta’ l-ICTs għall-għanijiet ta’ Liżbona hija msaħħa aktar bl-iżvilupp ta’ l-infrastrutturi-e (bħal GEANT jew Grids) li jgħinu fil-bini ta’ ambjenti ta’ riċerka ġodda, u b’hekk jixprunaw il-produttività u l-kwalità tax-xjenza li titwettaq. Dawn l-infrastrutturi jgħaqqdu lir-riċerkaturi fl-oqsma kollha permezz ta’ bandwith u saħħa informatika enormi, u b’hekk jeliminaw il-limiti ġeografiċi u jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni distribwita, biex b’hekk joħolqu sinerġiji bejn gruppi ta’ riċerka mxerrdin u jsaħħu l-potenzjal tagħhom biex jindirizzaw sfidi aktar kumplessi.

    Azzjonijiet:

    - Jiġu varati l-Iniżjattivi Teknoloġiċi Konġunti bħala l-ewwel sħubijiet tassew trans-Ewropej bejn il-pubbliku u l-privat;

    - Jiġu promossi l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, partikolarment il-kooperazzjoni eqreb bejniethom;

    - Tiġi implimentata l-inizjattiva tas-suq ewlieni tas-Saħħa-e: Klassifiki dwar l-innovazzjoni tas-Saħħa-e; Rakkomandazzjoni dwar l-interoperabilità tas-Saħħa-e; jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni; jittieħdu miżuri biex tittejjeb iċ-ċertezza ġuridika;

    - Il-promozzjoni tar-rwol tas-settur pubbliku bħala l-ewwel xerrej ta’ l-innovazzjoni;

    - Tinħareġ Komunikazzjoni dwar l-ICTs u l-effiċjenza enerġetika;

    - Jiġi varat proċess biex tiġi żgurata t-tmexxija ta’ l-Ewropa fl-ICTs b’Komunikazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ICT;

    - Il-promozzjoni tar-rwol ta’ l-Infrastrutturi-e f’ambjent ta’ riċerka globali u dejjem jinbidel.

    IL-ħTIEġA LI TIġI żVILUPPATA AġENDA POLITIKA GħAż-żMIEN FIT-TUL GħALL-UTENTI TA’ L-AMBJENT DIġITALI

    L-Internet issa huwa part mill-ħajja ta’ kuljum: fl-2007 wieħed minn kull żewġ Ewropej kien juża l-Internet regolarment u kważi 80% tad-djar li jużaw l-Internet ġa qalbu mid-dial-up għall-broadband, bl-utenti kull ma jmur jaqbdu applikazzjonijiet ġodda.

    [pic]Madankollu, kważi 40% ta’ l-Ewropej ma jużawx l-Internet u 46% tad-djar Ewropej għad m’għandhomx l-aċċess għall-Internet.

    Il-Kummissjoni qed taħdem pass pass lejn it-twettiq ta’ l-ambizzjoni li tagħmel aċċessibbli s-soċjetà informatika għall-Ewropej kollha. L-inizjattiva ta’ l-Inklużjoni-e tipprovdi qafas strateġiku sabiex titqawwa l-parteċipazzjoni effettiva tal-gruppi fir-riskju ta’ l-esklużjoni u sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja bis-saħħa ta’ l-użu ta’ l-ICTs. Din l-aħħar kwistjoni hija indirizzata wkoll fl-inizjattivi ewlenin ta’ l-i2010, bħall-inizjattiva tal-karozza Intelliġenti, li ilhom għaddejjin bl-iżvilupp tal-friegħi politiċi tagħhom.

    Ir-riforma tal-qafas ġuridiku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi se jsaħħaħ id-drittijiet ta’ l-utenti fis-settur tat-telekoms billi se jagħmilha aktar faċli biex wieħed jagħmel għażliet infurmati qabel ma jixtri l-prodotti u biex wieħed jaqleb minn fornitur għall-ieħor. L-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza permezz tal-‘112’ se jitjieb u l-utenti b’diżabilità se jgawdu minn aċċess akbar għas-servizzi. Se jissaħħu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-privatezza u s-sikurezza. Minbarra dan, fl-2008 il-Kummissjoni sejra, b'konformità ma' l-obbligi tagħha, tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta' l-obbligi tas-servizz universali fid-dawl ta' l-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi.

    Il-Kummerċ-e mhux qed jimxi 'l quddiem bl-istess rata mgħaġġla ta’ l-oqsma l-oħrajn ta’ l-Internet. Il-kumplessità u d-diversità tal-prodotti u s-servizzi qed tagħmilha aktar diffċili għall-konsumaturi biex jiġġudikaw il-kwalità ta’ dak li hemm offrut fis-suq, u nuqqas ta' fiduċja u sigurtà jew perċezzjoni ta' dan meta jintużaw it-teknoloġiji u s-servizzi l-ġodda għandha mnejn qed ixxekkel l-użu aktar mifrux. L-iċċarar tad-drittijiet u ta' l-obbligi ta’ l-utenti hija prijorità ewlenija, u din se tiġi indirizzata fl-2008. Huwa kruċjali wkoll li fid-dinja online ikun hemm aktar fiduċja. Ir-reviżjoni kurrenti tal-liġijiet tal-KE dwar il-konsumaturi se tindirizza dawn il-kwistjonijiet, partikolarment billi jiġu armonizzati u mtejba d-drittijiet u l-obbligi ta' l-utenti[18]. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tagħmel proposta bil-għan li tkabbar il-fiduċja fit-transazzjonijiet transkonfinali (inklużi t-tranżazzjonijiet online) billi jitħaffef u jittejjeb il-qafas regolatorju tal-konsumaturi.

    Iż-żieda apprezzabbli fil-kontenut online, speċjalment dak maħluq mill-utenti, hija mmexxija fil-biċċa l-kbira minn mudelli ta' negozju ġodda li qegħdin jiddependu dejjem aktar fuq ir-reklamar online. Il-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib kostanti għall-Istati Membri u l-Kummissjoni. It-tnedija tal-pjattaforma Content Online[19] se tipprovdi forum sabiex jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet. Fuq il-kwistjoni ta’ l-iżvelar tad-dejta personali għall-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja[20] saħqet dwar il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tad-dejta personali.

    In-netwerking soċjali, jew il-web parteċipattiv, huwa wieħed mill-fenomeni ta’ tkabbir ta’ l-aħħar erba’ snin, u sar wieħed mill-applikazzjonijiet online l-aktar popolari għall-Ewropej, wara l-email u t-tiftix online. Fl-2007, 24% taċ-ċittadini Ewropej ħadu sehem f'fora online, żieda meta mqabbla mat-18% fl-2006, b'interess ħafna akbar fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. L-inizjattiva tal-Parteċipazzjoni-e tesplora l-Internet bħala mezz kif jistgħu jitwasslu messaġġi politiċi liċ-ċittadin. It-tkattir ta’ modi aktar parteċipattivi ta’ l-użu ta’ l-Internet iwassal ukoll għal sfidi ġodda. Għadd dejjem akbar ta’ utenti qed jitħasseb dwar il-kwalità tal-kontenut, il-preċiżjoni ta’ l-informazzjoni, l-integrità tal-privatezza ta’ l-informazzjoni u l-ħarsien tal-minuri. Dawk li qed jibdew jirreklamaw u jqassmu l-kontenut u jagħmlu l-qligħ minn dan, permezz ta’ pjattaformi ta’ kontenut maħluqin mill-utenti, huma kkonfrontati mill-użu mhux awtorizzat tal-kontneut tagħhom protett mid-dritt ta’ l-awtur. Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati aktar fl-2008.

    Azzjonijiet:

    - Rapport dwar l-obbligi tas-servizz universali;

    - L-implimentazzjoni ta’ l-inizjattiva Inklużjoni-e: Proposta dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-Aċċessibbiltà-e; inizjattiva ewlenija "Ambient Assisted Living" sabiex tiġi kkonfrontata l-isfida ta’ popolazzjoni qed tixjieħ; reviżjoni tal-politiki dwar il-litteriżmu diġitali; summit dwar l-Inklużjoni-e;

    - Il-pubblikazzjoni ta’ gwida li tispjega d-drittijiet u l-obbligi ta’ l-utenti fl-ambjent diġitali;

    - It-tnedija tal-fażi li jmiss fir-reviżjoni ta’ l- acquis tal-konsumatur – id-Direttiva Kwadru dwar id-Drittijiet Kuntrattwali tal-Konsumatur;

    - It-tnedija ta’ "Safer Internet 2009-2013" għall-ħarsien tal-minuri u l-ġlieda kontra l-kontenut illegali;

    - Ikun hemm tweġiba għall-isfidi għall-privatezza u l-fiduċja li jinbtu minn servizzi konverġenti ġodda fis-soċjetà ta' l-informatika li tinsab kullimkien;

    - Tiġi varata l-Pjattaforma tal-Kontenut Online;

    - Jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-interoperabilità u t-trasparenza tas-sistemi ta' ġestjoni tad-drittijiet diġitali (id-DRMs) għall-konsumaturi fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Kontenut Online.

    KONKLUżJONI

    Din il-Komunikazzjoni tikkonferma l-kontribut importanti tal-politika tas-soċjetà ta' l-informatika u tal-midja għall-ilħiq ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona. Tikkonferma wkoll il-validità ta’ l-i2010 bħala l-qafas ta’ referenza għall-politika Ewropea tas-soċjetà ta' l-informatika u tal-midja. Tagħmel proposti konkreti biex torjenta l-i2010 mill-ġdid sabiex tkompli tippromwovi l-kompetittività u t-tħaddim ta’ l-ICT fl-Ewropa. Fl-2008-2009, il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll l-aġenda għaż-żmien fit-tul għall-politika tas-soċjetà ta' l-informatika u tal-midja, u se tħejji valutazzjoni tal-kontribut kumplessiv ta' l-ICTs lejn il-prestazzjoni ekonomika ta' l-Ewropa.[21]. Hemm ħtieġa kruċjali li jiġu żviluppati politiki Ewropej li jħeġġu l-kompetittività tal-pajjiżi ewlenin u jindirizzaw id-differenzi bejn min għandu prestazzjoni għolja u min le, biex b'hekk tingħeleb il-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri.

    [1] Għaċ-ċifri kollha kkwotati, jekk mhux speċifikat mod ieħor, ara d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal mehmuża.

    [2] http://ec.europa.eu/i2010.

    [3] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm.

    [4] COM(2007) 836, http://ec.europa.eu/avpolicy/other_actions/content_online/index_en.htm.

    [5] COM(2007) 694, http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/index_en.htm.

    [6] COM(2007) 803, http://ec.europa.eu/growthandjobs/european-dimension/200712-annual-progress-report/index_en.htm.

    [7] COM(2007) 724, http://ec.europa.eu/internal_market/strategy/index_en.htm.

    [8] COM(2006) 502, http://ec.europa.eu/enterprise/innovation/index_en.htm.

    [9] http://ec.europa.eu/consumers/rights/cons_acquis_en.htm.

    [10] COM(2007) 700, http://ec.europa.eu/information_society/policy/radio_spectrum/index_en.htm.

    [11] Ara http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm.

    [12] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm.

    [13] COM(2007) 724.

    [14] COM(2007) 803.

    [15] COM(2007) 860, http://ec.europa.eu/enterprise/leadmarket/leadmarket.htm.

    [16] COM(2007) 860.

    [17] Bord indipendenti ppresedut mis-Sur Esko Aho se joħroġ ir-rapport tiegħu f’nofs l-2008.

    [18] COM(2006) 744, p. 1, http://ec.europa.eu/consumers/rights/cons_acquis_en.htm.

    [19] COM(2007) 724.

    [20] Kawża C-275/06.

    [21] Dan se jiġi sostnut bis-saħħa ta' analiżi kontinwa u kunsolutazzjonijiet dwar it-temi li ġejjin: l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ l-ICTs, inkluż dwar l-impjiegi; l-aspetti legali u ekonomiċi ta’ Suq Uniku għas-soċjetà ta' l-informatika; il-ħtiġijiet tal-politika tal-ġejjieni għal netwerks ġodda u għall-Internet, il-kwistjonijiet ta’ privatezza u ta’ fiduċja fis-soċjetà ta' l-informatika li tinsab kullimkien; il-kontenut maħluq mill-utenti; riflessjoni għat-tul dwar is-sehem ta' l-ICTs fl-iżvilupp sostenibbli; u l-iżvilupp ta' soċjetà ta' l-informatika għal kulħadd, inklużi politiki reġjonali,http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/studies/index_en.htm.

    Top