EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1299

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1299 tal-26 ta’ Ġunju 2023 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/10625/2023/INIT

ĠU L 160I, 26.6.2023, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1299/oj

26.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 160/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1299

tal-26 ta’ Ġunju 2023

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, filwaqt li tinnota li dan kien wassal għal telf ta’ ħajjiet u għadd kbir ta’ persuni midruba. Id-dikjarazzjoni spjegat ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta’ Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ persuni mejta u arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess xieraq lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi b’mod sever l-aċċess għall-Internet u jimblokka pjattaformi ta’ messaġġi istantanji tikser il-libertà tal-espressjoni b’mod sfaċċat. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-possibbiltajiet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta’ Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani wieġbu għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

(3)

F’dak il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ikkonfermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li seba’ persuni jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-26 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“227.

Seyyed Mohammad MOUSVIAN

magħruf ukoll bħala Seyed Mohammad MOUSAVIYAN

سید محمد موسویان

Funzjoni: Prosekutur Pubbliku u Rivoluzzjonarju, Isfahan (Isfahan Province)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Mousvian huwa l-Prosekutur Pubbliku u Rivoluzzjonarju tal-Provinċja ta’ Isfahan, l-Iran. Bħala tali huwa responsabbli għall-proċessi kontra d-dimostranti Saleh Mirhashmi, Majid Kazemi u Saeid Yaqoubi, li minn dak iż-żmien ‘l hawn ġew ikkundannati għall-mewt u wara ġew iġġustizzjati f’Mejju 2023.

Mousvian ħareġ ukoll l-akkuża kontra l-artist mużikali Iranjan Toomaj Salehi fuq akkużi ta’ “korruzzjoni fid-dinja” għall-parteċipazzjoni tiegħu fi protesti kontra l-gvern u attiviżmu pubbliku kontra l-gvern Iranjan f’Ottubru 2022, u li minn dak iż-żmien inżamm fil-Ħabs ta’ Dastgerd f’kundizzjonijiet krudili waqt li jistenna l-proċess tiegħu. F’Novembru 2022, il-media tal-Istat ippubblikat filmat li juri lil Salehi b’għajnejh mgħammdin fejn kien qed jammetti d-delitti allegati tiegħu u jiskuża ruħu għal kliemu.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023

228.

Ali Zare NOURI

سید علی زارع نوری

Funzjoni: Viċi Mħallef u konsulent tal-Qorti Kriminali Provinċjali ta’ Isfahan

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Nouri huwa l-Viċi Mħallef u l-konsulent tal-Qorti Kriminali Provinċjali tal-Provinċja ta’ Isfahan, l-Iran. Bħala tali huwa responsabbli għall-proċessi kontra d-dimostranti Saleh Mirhashmi, Majid Kazemi u Saeid Yaqoubi, li minn dak iż-żmien ‘l hawn ġew ikkundannati għall-mewt u wara ġew iġġustizzjati f’Mejju 2023. F’filmat ippubblikat mill-media tal-Istat Iranjana, Nouri jidher li qed jinterroga lit-tliet konvenuti fil-qorti.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023

229.

Seyyed Nader SAFAVI MIRMAHALLEH

magħruf ukoll bħala Seyed Nader SAFAVI MIRMAHALLEH

magħruf ukoll bħala Nader SAFAVI

سید نادر صفوی میرمحله

Funzjoni: Gvernatur u kap tal-Kunsill tas-Sigurtà ta’ Rezvanshahr f’Gilan Province

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Indirizz: Rezvanshahr, Gilan Province

Seyyed Nader Safavi Mirmahalleh huwa l-gvernatur u l-kap tal-Kunsill tas-Sigurtà ta’ Rezvanshahr fil-Provinċja ta’ Gilan. Bħala tali huwa responsabbli li ordna lill-uffiċjali jiftħu n-nar fuq id-dimostranti matul il-protesti li kienu qed isiru fl-Iran kollu bejn l-2022 u l-2023, li rriżulta f’għadd kbir ta’ persuni mejta u midruba, inkluż tfal.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023

230.

Seyyed Khalil SAFAVI

magħruf ukoll bħala Seyed Khalil SAFAVI

سید خلیل صفوی

Funzjoni: Kmandant tal-Pulizija ta’ Rezvanshahr, Gilan Province

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Indirizz: Rezvanshahr, Gilan Province

Seyyed Khalil Safavi huwa l-Kmandant tal-Pulizija ta’ Rezvanshahr fil-Provinċja ta’ Gilan u kellu din il-pożizzjoni ukoll fi żmien il-protesta. Bħala tali huwa responsabbli għall-fatt li uffiċjali tal-pulizija f’Rezvanshahr fetħu n-nar fuq id-dimostranti matul il-protesti fil-belt li saru fi tmiem Settembru 2022, li rriżulta f’għadd kbir ta’ persuni mejta u midruba, inkluż tfal.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023

231.

Seyyed Abbas HOSSEINI

سید عباس حسینی

Funzjoni: Gvernatur, Amol (Mazandaran Province)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

F’Jannar 2022, Hosseini nħatar gvernatur tal-belt ta’ Amol, Provinċja ta’ Mazandaran. Bħala tali huwa responsabbli għall-qtil ta’ mill-inqas żewġ dimostranti Iranjani żgħażagħ, Ghazaleh Chalabi u Erfan Rezaei, li t-tnejn inqatlu f’Settembru 2022 mill-forzi tal-gvern fil-belt ta’ Amol. Barra minn hekk, il-forzi tas-sigurtà f’Amol komplew jagħtu fastidju lid-dimostranti paċifiċi u lill-familji tal-mejta.

F’Ġunju 2023, Hosseini ġie sostitwit bħala Gvernatur ta’ Amol, iżda nħatar bħala Gvernatur Speċjali tal-belt ta’ Amol. Fil-pożizzjoni l-ġdida tiegħu, Hosseini għad għandu rwol attiv bħala rappreżentant tal-gvern.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023

232.

Mojtaba FADA

مجتبی فدا

Funzjoni: Kmandant tal-IRGC f’Isfahan Province (it-Tieni Brigadier Ġenerali) u membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Provinċjali

Nazzjonalità: Iranjana

Data tat-twelid: 21 ta’ Marzu 1963

Post tat-twelid: Harsin, Iran

Sess: Raġel

Numru tal-passaport: F49973222 li jiskadi fis-27 ta’ Awwissu 2024 (maħruġ mill-Iran)

Fada huwa l-kmandant tal-forzi tal-IRGC fil-provinċja ta’ Isfahan u attwalment iservi bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Provinċjali. Bħala tali ssorvelja l-azzjonijiet tat-truppi tal-IRGC u ta’ forzi tas-sigurtà oħra b’reazzjoni għall-protesti kontra l-gvern fil-ħarifa tal-2022, li rriżultaw fil-mewt ta’ diversi dimostranti, inkluż il-mewt ta’ Mahsa Mougouyi li kellha 18-il sena.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023

233.

Rashid KABOUDVANDI

رشید کبودوند

magħruf ukoll bħala Rashid KABUDONDI

رشید کبودوندی

Funzjoni: Kmandant tal-Imam Hossein Guards Corps ta’ Karaj, Alborz Province

Sess: Raġel

Kaboudvandi ilu minn Mejju 2022 il-kmandant tal-Korp tal-Gwardjani Imam Hossein ta’ Karaj, il-Provinċja ta’ Alborz. Bħala tali huwa responsabbli għad-detenzjoni u l-qtil ta’ Mohammad Reza Ghorbani u għad-detenzjoni u l-istupru ta’ Amrita Abbassi mill-forzi tas-sigurtà ta’ Karaj.

Il-ksur sfaċċat u gravi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-pulizija ġie dokumentat b’mod mifrux minn mindu bdew il-protesti f’nofs Settembru 2022 wara l-mewt ta’ Mahsa Amini.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

26.6.2023”


Top