Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1345

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1345 tal-1 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/5374

    ĠU L 202, 2.8.2022, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1345/oj

    2.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 202/27


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1345

    tal-1 ta’ Awwissu 2022

    li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 86(1) u (2) u l-Artikolu 96(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-mard tal-annimali trażmissibbli lill-annimali jew l-umani, inkluż ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-istabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali.

    (2)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistri li għandhom jinżammu mill-awtorità kompetenti tal-istabbilimenti rreġistrati u approvati li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali rreġistrati magħha jew approvati minnha.

    (3)

    B’mod partikolari, l-Artikolu 18, il-punt (d), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li fir-reġistru tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas irreġistrati magħha, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment. Barra minn hekk, l-Artikolu 18, il-punt (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li f’dak ir-reġistru, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi informazzjoni dwar il-perjodu li matulu l-annimali jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari. Filwaqt li l-Artikolu 84(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu annimali terrestri jew li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’ċerta informazzjoni sabiex l-istabbilimenti tagħhom jiġu rreġistrati, dik l-informazzjoni ma tinkludix l-informazzjoni dettaljata kollha meħtieġa skont l-Artikolu 18, il-punti (d) u (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit rekwiżit għall-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas biex jipprovdu tali informazzjoni dettaljata lill-awtorità kompetenti għall-fini tar-reġistrazzjoni.

    (4)

    Bl-istess mod, l-Artikolu 21, il-punti (d) u (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi wkoll li fir-reġistru tagħha tal-istabbilimenti approvati minnha, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-istess informazzjoni dettaljata meħtieġa mill-Artikolu 18, il-punti (d) u (h), ta’ dak ir-Regolament Delegat. Filwaqt li l-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-operaturi jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’ċerta informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom, dik l-informazzjoni ma tinkludix l-informazzjoni dettaljata kollha meħtieġa skont l-Artikolu 21, il-punti (d) u (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit rekwiżit għall-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas biex jipprovdu tali informazzjoni dettaljata lill-awtorità kompetenti għall-fini tal-approvazzjoni.

    (5)

    Barra minn hekk, l-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li permezz ta’ deroga mill-Artikolu 84(1) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti għas-saħħa tal-annimali jew dik pubblika. Tali eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss jekk dawk il-kategoriji ta’ stabbilimenti jkunu ta’ tip li jaqa’ taħt ir-regoli stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 86(2) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw it-tipi ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti li jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 85.

    (6)

    Ċerti stabbilimenti, b’mod partikolari dawk li jżommu l-ungulati, ma jistgħux jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti, kif imsemmi fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429, minħabba għadd ta’ mard elenkat li jista’ jiġi trażmess mill-ungulati u li jista’ jaffettwa l-istat ta’ saħħa tal-annimali tal-istabbilimenti jew taż-żoni f’dak ir-rigward. Bl-istess mod, il-klieb, il-qtates u l-inmsa miżmuma fi stabbiliment għal finijiet ta’ tnissil ma jistgħux jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti, speċjalment mill-perspettiva tas-saħħa tal-bniedem.

    (7)

    Il-moviment ta’ annimali, prodotti ġerminali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali jikkostitwixxi fattur ta’ riskju importanti għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem. Għalhekk, l-istabbilimenti fejn iseħħu l-movimenti, li b’mod partikolari jinvolvu movimenti lejn jew minn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi, jenħtieġ li jitqiesu li ma jippreżentawx riskju insinifikanti. Madankollu, l-istabbilimenti fejn annimali, prodotti ġerminali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali jinżammu b’ċerta kontinwità u l-iskop primarju mhuwiex il-moviment ta’ dawk l-annimali, il-prodotti ġerminali jew il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali lejn l-istabbiliment jew barra minnu, jistgħu jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti, anki jekk tali movimenti jseħħu fuq bażi okkażjonali.

    (8)

    Ħafna drabi l-operaturi jżommu annimali terrestri ta’ diversi speċijiet fl-istess stabbiliment. Jekk Stat Membru jeżenta mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti, kif previst fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429, mhuwiex proporzjonat mar-riskju involut li l-operaturi jintalbu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 84(1), il-punt (b)(iii), rigward l-annimali terrestri miżmuma li għalihom l-istabbiliment jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament daqslikieku dawk l-annimali kienu l-uniċi annimali miżmuma f’dak l-istabbiliment.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:

    (a)

    l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom, kif previst fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (b)

    it-tipi ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri li jippreżentaw riskju insinifikanti, li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (c)

    l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas fl-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.

    Artikolu 2

    Informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-istabbiliment tagħhom

    1.   Qabel jibdew tali attivitajiet, l-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas imsemmija fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 għandhom, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 84(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment li għandu jiġi rreġistrat;

    (b)

    il-perjodu li matulu l-annimali terrestri jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment irreġistrat jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari.

    2.   L-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma msemmija fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 84(1), il-punt (b)(iii), ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-annimali terrestri miżmuma li jaqgħu taħt id-deroga użata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Tipi ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri li jistgħu jiġi eżentati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni mill-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni l-istabbilimenti li jżommu annimali terrestri li jippreżentaw riskju insinifikanti, kif previst fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429, jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    ma jinżamm l-ebda ungulat fl-istabbiliment;

    (b)

    ma jinżamm l-ebda kelb, qattus jew nemes għat-tnissil fl-istabbiliment;

    (c)

    l-istabbiliment ma jkun involut fl-ebda moviment ta’ annimali terrestri miżmuma, prodotti ġerminali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali lejn jew minn Stat Membru jew pajjiż terz;

    (d)

    l-annimali terrestri miżmuma, il-prodotti ġerminali jew il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali fl-istabbiliment mhumiex maħsuba għall-moviment barra mill-istabbiliment.

    2.   L-Istati Membri li jeżentaw l-istabbilimenti f’konformità mal-paragrafu 1 jistgħu jistabbilixxu kriterji addizzjonali dwar il-limiti fuq l-għadd ta’ annimali terrestri miżmuma li jistgħu jinżammu f’tali stabbilimenti u jirrestrinġu l-pożizzjoni ġeografika ta’ dawk l-istabbilimenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-prossimità tagħhom għal stabbilimenti rreġistrati jew approvati mill-awtorità kompetenti.

    Artikolu 4

    Informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi fl-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom

    L-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imqafas, għall-fini tal-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom kif previst fl-Artikolu 94(1) u l-Artikolu 95, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 96(1) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jipprovdu l-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment li għandu jiġi approvat;

    (b)

    il-perjodu li matulu l-annimali jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment approvat jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari;

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Awwissu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).


    Top