Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0658

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/658 tal-21 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/6037/2022/INIT

    ĠU L 120, 21.4.2022, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/658/oj

    21.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 120/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/658

    tal-21 ta’ April 2022

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta' Marzu 2014 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

    (2)

    L-Unjoni tkompli tikkundanna l-azzjonijiet u l-politiki li jipperikolaw l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

    (3)

    Il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jinżdiedu żewġ individwi mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014, għar-rwol tagħhom fl-ipperikolar jew it-theddid tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u talli jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna.

    (4)

    Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “211.

    Serhiy Vitaliyovich KURCHENKO

    (Ukren: Сергiй Вiталiйович КУРЧЕНКО; Russu: Сергей Витальевич КУРЧЕНКО)

    Ġeneru: maskil

    Data tat-twelid: 21.9.1985

    Post tat-twelid: Kharkiv, l-Ukrajna

    Nazzjonalità: Ukren

    Is-Sur Serhiy Kurchenko huwa negozjant Ukren. Bl-appoġġ ta' separatisti favur ir-Russja, ħa l-kontroll ta' diversi impjanti kbar metallurġiċi, kimiċi u tal-enerġija fiż-żoni ta' Donbas miżmuma mis-separatisti. Il-kumpannija tiegħu "Gaz-Alliance" kellha monopolju fl-estrazzjoni tal-faħam f'Donbas wara li l-kompetituri tagħha ġew imġiegħla joħorġu mis-suq, allegatament bl-għajnuna tar-Russja. Huwa organizza u bbenefika mill-iskema illegali ta' esportazzjoni tal-faħam ta' Donbas lejn ir-Russja u l-Ewropa minkejja s-sanzjonijiet tal-UE. Il-faħam estratt fil-minjieri tas-Sur Kurchenko ġie rreġistrat mill-ġdid u esportat illegalment permezz tal-portijiet Russi.

    Is-Sur Kurchenko għen lil kumpanniji Russi kbar u lil azjendi tal-Istat jevitaw il-miżuri restrittivi tal-UE billi aġixxa bħala s-sottokuntrattur tagħhom fit-territorji miżmuma mir-Russja. Huwa kien intermedjarju fl-esportazzjonijiet Russi tal-gass, tal-fjuwil u tal-elettriku lejn il-partijiet ta' Donbas miżmuma mis-separatisti, li saħħew il-provvisti indipendenti tagħhom tal-enerġija u dgħajfu l-integrazzjoni ekonomika tagħhom mal-Ukrajna. Barra minn hekk, huwa wassal fjuwil lejn il-Peniżola tal-Krimea okkupata illegalment. B'dan il-mod, huwa saħħaħ il-provvisti indipendenti tal-elettriku ta' dan it-territorju. Huwa s-sid ukoll tal-akbar depożitu taż-żejt fil-Peniżola tal-Krimea.

    B'hekk huwa bbenefika minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna, wettaq tranżazzjonijiet mal-gruppi separatisti fir-reġjun ta' Donbas tal-Ukrajna, u appoġġa b'mod attiv azzjonijiet u politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    21.4.2022

    234.

    Yevgeniy Viktorovich PRIGOZHIN

    (Евге'ний Ви'кторович ПРИГО'ЖИН)

    Data tat-twelid: 1.6.1961

    Post tat-Twelid: Leningrad, eks USSR (issa San Pietruburgu, il-Federazzjoni Russa)

    Funzjoni: negozjant prominenti, b’rabtiet mill-qrib mat-tmexxija politika Russa

    Persuni assoċjati: Lyubov Valentinovna Prigozhina (konjuġi); Violetta Prigozhina (omm)

    Entitajiet assoċjati: Wagner Group, Internet Research Agency, Concord company group, Concord Management and Consulting LLC, Megaline LLC

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Yevgeniy Prigozhin huwa negozjant prominenti Russu b’rabtiet mill-qrib mal-President Putin u l-Ministeru għad-Difiża Russu. Huwa l-finanzjatur u l-kap mhux uffiċjali ta’ Wagner Group, entità militari mhux inkorporata bbażata fir-Russja, responsabbli għall-iskjerament tal-merċenarji ta’ Wagner Group fl-Ukrajna.

    Concord, magħrufa wkoll bħala KOMBINAT PITANIYA KONKORD OOO, kumpannija li Prigozhin waqqaf u kellu s-sjieda tagħha sa Novembru 2019, u grupp ta’ kumpanniji oħra b’rabtiet miegħu, inkluż Concord Management and Consulting LLC u Megaline LLC, qed jibbenefikaw minn kuntratti pubbliċi kbar mal-Ministeru għad-Difiża Russu wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u l-okkupazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna minn separatisti appoġġati mir-Russja.

    Huwa għalhekk responsabbli għal azzjonijiet li dgħajfu u heddew l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u implimentahom b’mod attiv. Hu bbenefika wkoll minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna.

    21.4.2022”.


    Top