This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R0427
Council Implementing Regulation (EU) 2022/427 of 15 March 2022 implementing Regulation (EU) No 269/2014 concerning restrictive measures in respect of actions undermining or threatening the territorial integrity, sovereignty and independence of Ukraine
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
ST/7125/2022/INIT
ĠU L 87I, 15.3.2022, p. 1–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
15.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 87/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/427
tal-15 ta’ Marzu 2022
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(2) |
L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. |
(3) |
Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk kontra l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b'mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew qabel dwar aktar miżuri restrittivi li ser jimponu konsegwenzi massivi u severi fuq ir-Russja għall-azzjonijiet tagħha, f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab u l-alleati tal-Unjoni. |
(5) |
Fil-25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/330 (2), li emenda l-kriterji ta’ deżinjazzjoni biex jiġu inklużi persuni u entitajiet li jappoġġaw lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u jibbenefikaw minnu, persuni u entitajiet li jipprovdu lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa sors sostanzjali ta’ dħul, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati ma’ persuni jew entitajiet elenkati. |
(6) |
Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li 15-il individwu u 9 entitajiet jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(7) |
Għalhekk l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J.-Y. LE DRIAN
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal-25 ta' Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 51, 25.2.2022, p. 1).
ANNESS
Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:
Persuni
|
Isem |
Informazzjoni għall-Identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
"879 |
Roman Arkadyevich ABRAMOVICH (Russu: Роман Аркадьевич Абрамович) |
Oligarka qrib Vladimir Putin. Azzjonist ewlieni ta' Evraz. Eks gvernatur ta' Chukotka. Data tat-twelid: 24.10.1966 Post tat-twelid: Saratov, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: Raġel Individwi assoċjati: Vladimir Putin Entitajiet assoċjati: Chelsea F.C., Evraz Group SA, LLC Evraz Holding, Millhouse Capital. |
Roman Abramovich huwa oligarka Russu li għandu rabtiet twal u mill-qrib ma' Vladimir Putin. Huwa kellu aċċess privileġġat għall-President, u żamm relazzjonijiet tajbin ħafna miegħu. Din il-konnessjoni mal-mexxej Russu għenitu jżomm il-ġid konsiderevoli tiegħu. Huwa azzjonist ewlieni tal-grupp tal-azzar Evraz, li huwa wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja. Għalhekk huwa kien qed jibbenefika wkoll minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
880 |
German Borisovich KHAN (Russu: Герман Борисович Хан) |
Oligarka qrib Vladimir Putin. Wieħed mill-azzjonisti ewlenin ta' Alfa Group Data tat-twelid: 24.10.1961 Post tat-twelid: Kyiv, Ukrajna Nazzjonalità: Russa Sess: Raġel Individwi assoċjati: Vladimir Putin, Mikhail Fridman, Petr Aven, Alexey Kuzmichev Entitajiet assoċjati: Alfa Group, Alfa Bank |
German Khan huwa azzjonist ewlieni tal-konglomerat Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Bħal sidien oħra ta' Alfa Bank (Mikhail Fridman u Petr Aven), huwa jżomm relazzjoni mill-qrib ma' Vladimir Putin u jkompli jkollu favuri sinifikanti miegħu. Is-sidien ta' Alfa Group jirċievu benefiċċji kummerċjali u legali minn din ir-relazzjoni. It-tifla l-kbira ta' Vladimir Putin, Maria, mexxiet proġett tal-karità, Alfa-Endo, li kien iffinanzjat minn Alfa Bank. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta' Alfa Group lejn l-awtoritajiet Russi billi pprovda għajnuna politika lill-pjanijiet ta' investimenti barranin ta' Alfa Group. Għalhekk huwa appoġġa attivament materjalment jew finanzjarjament, u bbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti Russi ewlenin involuti f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
881 |
Viktor Filippovich RASHNIKOV (Russu: Виктор Филиппович Рашников) |
Oligarka. Sid, president tal-Bord tad-Diretturi u president tal-Kumitat għall-Ippjanar Strateġiku ta' Magnitogorsk Iron & Steel Works (MMK). Data tat-twelid: 3.10.1948 Post tat-twelid: Magnitorsk, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: Raġel Entitajiet assoċjati: Magnitogorsk Iron & Steel Works (MMK) |
Viktor Rashnikov huwa oligarka ewlieni Russu li huwa s-sid u l-president tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija Magnitogorsk Iron & Steel Works (MMK). MMK hija waħda mill-akbar kontribwenti fir-Russja. Dan l-aħħar, il-piż tat-taxxa fuq il-kumpannija żdied, u dan irriżulta fi dħul konsiderevolment ogħla għall-baġit tal-Istat Russu. Huwa għalhekk negozjant ewlieni Russu involut f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
882 |
Alexey Viktorovich KUZMICHEV (Russu: Алексей Викторович Кузьмичёв) |
Oligarka qrib Vladimir Putin. Wieħed mill-azzjonisti ewlenin ta' Alfa Group. Data tat-twelid: 15.10.1962 Post tat-twelid: Kirov, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: Raġel Individwi assoċjati: Vladimir Putin, Mikhail Fridman, Petr Aven, German Khan Entitajiet assoċjati: Alfa Group, Alfa Bank |
Alexey Kuzmichev huwa azzjonist ewlieni tal-konglomerat Alfa Group, li jinkludi Alfa Bank, wieħed mill-akbar kontribwenti fir-Russja. Huwa maħsub li huwa wieħed mill-aktar persuni influwenti fir-Russja. Huwa għandu rabtiet stabbiliti sew mal-president Russu. It-tifla l-kbira ta' Vladimir Putin, Maria, mexxiet proġett tal-karità, Alfa-Endo, li kien iffinanzjat minn Alfa Bank. Vladimir Putin ippremja l-lealtà ta' Alfa Group lejn l-awtoritajiet Russi billi pprovda għajnuna politika lill-pjanijiet ta' investimenti barranin ta' Alfa Group. Għalhekk huwa appoġġa attivament materjalment jew finanzjarjament, u bbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal- Ukrajna. Huwa wkoll negozjant ewlieni Russu involut f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
883 |
Alexander Alexandrovich MIKHEEV (Russu: Александр Александрович Михеев) |
Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' JSC Rosoboronexport Data tat-twelid: 18.11.1961 Post tat-twelid: Moscow, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: Raġel Individwi assoċjati: Sergey Chemezov Entitajiet assoċjati: Rosoboronexport, Rostec, Servizz Federali tal-Kooperazzjoni Militari-Teknika |
Alexander Mikheev huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' Rosoboronexport, l-uniku intermedjarju statali uffiċjali tar-Russja għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' prodotti, teknoloġiji u servizzi militari u b'użu doppju. Rosoboronexport hija kumpannija sussidjarja ta’ Rostec, korporazzjoni li tappartjeni lill-istat li tissorvelja r-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji militari, u għandha diversi faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom rwol strumentali fl-użu ta’ dawk it-teknoloġiji fil-kamp tal-battalja. Il-bejgħ tal-armi jipprovdi sors importanti ta' dħul għall-gvern Russu. Dan jintuża wkoll biex imexxi 'l quddiem l-objettivi ekonomiċi u strateġiċi tar-Russja. Mill-2000 sal-2020 Rosoboronexport biegħet armi b'valur ta' USD 180 biljun lil klijenti barranin. Huwa għalhekk negozjant ewlieni involut f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
884 |
Alexander Nikolayevich SHOKHIN (Russu: Александр Николаевич ШОХИН) |
President tal-Unjoni Russa ta' Industrijalisti u Imprendituri Viċi President tal-Bord tad-Diretturi ta' Mechel PAO Membru tal-Bureau tal-Kunsill Suprem tal-partit politiku "Russja Magħquda" Data tat-twelid: 25.12.1951 Post tat-twelid: Savinskoye, Kirillovsky District, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Alexander Nikolayevich Shokhin huwa l-president tal-Unjoni Russa ta' Industrijalisti u Intraprendituri – grupp ta' lobbying, li jippromwovi l-interessi tan-negozju fir-Russja. Huwa wkoll Viċi President tal-Bord tad-Diretturi ta' Mechel PAO – waħda mill-kumpanniji ewlenin Russi tal-estrazzjoni u tal-metalli, li tiġġenera sors ta' dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Wara l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja, Shokhin esprima pubblikament il-ħtieġa li jiġi dirett aktar investiment Russu lejn il-Krimea sabiex jingħeleb l-imblokk ekonomiku possibbli mill-Punent. Fl-24 ta' Frar 2022, Shokhin attenda laqgħa tal-oligarki fil-Kremlin ma' Vladimir Putin biex jiddiskutu l-impatt tal-kors ta' azzjoni wara s-sanzjonijiet tal-Punent. Il-fatt li ġie mistieden jattendi dik il-laqgħa juri li huwa membru fiċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ oligarki qrib Vladimir Putin u li qed jappoġġa jew jimplimenta l-azzjonijiet jew il-politiki li qed idgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. |
15.3.2022 |
|
|
|
Dan juri wkoll li huwa wieħed min-negozjanti ewlenin involuti f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tar-Russja, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
|
885 |
Andrey Valerievich RYUMIN (Russu: Андрей Валерьевич Рюмин) |
Direttur Eżekuttiv ta' Rosseti PJSC (qabel, sa Awwissu 2014, magħrufa bħala Russian Grids), President tal-Bord Data tat-twelid: 12.06.1980 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Andrey Ryumin, id-direttur eżekuttiv ta' Rosseti PJSC, kumpannija kkontrollata mill-Istat Russu, li hija operatur ta' grilji tal-enerġija, tipprovdi servizzi ta' konnessjoni teknoloġika, servizzi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni tal-elettriku fir-Russja. Rosseti PJSC bniet is-substazzjon "Port", li jipprovdi trazzjoni ferrovjarja tal-Pont tal-Krimea, u jalimenta l-parti tal-merkanzija xotta tal-port marittimu ta' Taman, kif ukoll awtostradi, b'mod partikolari, l-awtostrada M25 Novorossiysk-Kerch Strait. |
15.3.2022 |
|
|
|
Fl-24 ta' Frar 2022, Ryumin attenda laqgħa tal-oligarki fil-Kremlin ma' Vladimir Putin biex jiddiskutu l-impatt tal-kors ta' azzjoni wara s-sanzjonijiet tal-Punent. Il-fatt li ġie mistieden jattendi dik il-laqgħa juri li huwa membru fiċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ oligarki qrib Vladimir Putin u li qed jappoġġa jew jimplimenta l-azzjonijiet jew il-politiki li qed idgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. |
|
Dan juri wkoll li huwa wieħed min-negozjati ewlenin involuti fis-settur ekonomiku, li jipprovdi sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
||||
886 |
Armen Sumbatovich GASPARYAN (Russu: Армен Сумбатович ГAСПАРЯН) |
Pubbliċist, propagandist, membru tal-bord "Russia Today" Data tat-twelid: 04.07.1975 Post tat-twelid: Moscow, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa |
Armen Gasparyan imexxi l-programm tiegħu stess "Nablyudenye" għall-entità tal-media Russa Sputnik u programm tar-radju fuq "Vesti FM". Huwa jippubblika wkoll kotba u kotba awdjo u jaġixxi bħala espert fil-programm tar-radju "Polnyi kontakt" ("Kuntatt sħiħ") ta' Vladimir Solovyov, propagandist ieħor. Gasparian ippropaga b'mod konsistenti narrattivi f'konformità mal-propaganda tal-Kremlin. Huwa uża fallaċji loġiċi biex jispjega l-affarijiet internazzjonali, ċaħad is-sovranità tal-Ukrajna fuq il-Krimea, u ddefenda l-azzjonijiet tar-Russja fl-Istrett ta' Kerch meta qabdet bastiment Ukren. |
15.3.2022 |
|
|
Sess: raġel |
Huwa jkompli jippubblika propaganda favur ir-Russja relatata mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u jiċħad b'mod attiv is-sovranità tal-Ukrajna. Għaldaqstant, b'mod attiv qed jappoġġa azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Ukrajna. |
|
887 |
Artyom/ Artem Grigoryevich SHEYNIN (Russu: Артём Григорьевич ШЕЙНИН) |
Propagandist u preżentatur Russu tal-programm ta' taħdit "Vremya Pokazhet" ("Biż-żmien inkunu nafu") fuq Channel One li huwa kkontrollat mill-istat (Russu: Первый канал) Data tat-twelid: 26.01.1966 Post tat-twelid: Moscow, Federazzjoni Russa Sess: raġel Nazzjonalità: Russa |
Artyom Sheynin huwa propagandist Russu u preżentatur tal-programm ta' taħdit "Vremya Pokazhet" ("Biż-żmien inkunu nafu") fuq Channel One, stazzjon televiżiv ikkontrollat mill-istat. Huwa għamel dikjarazzjonijiet b'appoġġ għall-annessjoni illegali tal-Krimea u r-rikonoxximent tal-indipendenza tal-hekk imsejħa Repubbliki tal-Poplu ta' Donetsk u Lugansk. Fix-xandiriet diretti tiegħu, Sheynin jippromwovi l-mibegħda etnika bejn l-Ukreni u r-Russi, jiċħad is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, u jimmalafama l-avversarji ta' Putin fir-Russja. Meta tkellem dwar l-24 ta' Frar 2022, jum l-aggressjoni militari mhux ġustifikata fuq skala sħiħa Russa kontra l-Ukrajna, Sheynin stqarr li l-operazzjoni Russa fl-Ukrajna kienet inevitabbli u l-għan tagħha kien li ġġiegħel lill-awtoritajiet Ukreni jżommu l-paċi. Għaldaqstant, b'mod attiv qed jappoġġa azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
888 |
Dmitry Yevgenevich KULIKOV (Russu: Дмитрий Евгеньевич КУЛИКОВ) |
Espert tal-Kumitat tad-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa għall-Affarijiet tal-KSI u r-Relazzjonijiet mal-Kompatrijotti. Produttur tal-films, preżentatur tat-televiżjoni u tar-radju. Membru tal-Kunsill Pubbliku taħt il-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa Data tat-twelid: 18.11.1967 Post tat-twelid: Shakhtyorsk, Donbas region, Ukrajna Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Dmitry Kulikov huwa propagandist favur il-Kremlin. Huwa għamel kummenti pubbliċi fuq l-istazzjonijiet televiżivi tal-istat li jimxu man-narrattiva tal-Kremlin dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun ta' Donbas. Huwa ġġustifika wkoll l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Russi li jheddu l-integrità u s-sovranità territorjali tal-Ukrajna, bħas-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk jew id-deċiżjoni li jirrikonoxxu r-"repubbliki indipendenti ta' Donbas u Luhansk". Għaldaqstant, b'mod attiv qed jappoġġa azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. |
15.3.2022 |
889 |
Konstantin Lvovich ERNST (Russu: Константин Львович ЭРНСТ) |
Uffiċjal kap eżekuttiv ta' Channel One Russia (Russu: Первый канал) Data tat-twelid: 06.02.1961 Post tat-twelid: Moscow, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Konstantin Ernst huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv ta' Channel One Russia – waħda mill-akbar kumpanniji tal-media Russi, li ilha tintuża għal skopijiet ta' propaganda mill-awtoritajiet Russi għal ħafna snin. F'din il-pożizzjoni, huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u t-tixrid tal-propaganda kontra l-Ukrajna tal-awtoritajiet Russi. Huwa ngħata wkoll l-ogħla premjijiet tal-Istat, fosthom l-ordnijiet Għas-Servizzi lill-Patrija, l-Ordni ta' Ħbiberija, ittri ta' apprezzament u premjijiet mill-Gvern u l-President tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll il-midalja "Għall-parteċipant fl-operazzjoni militari fis-Sirja". Huwa b'hekk appoġġa azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. Huwa wkoll wieħed min-negozjanti ewlenin involuti f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tar-Russja, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
890 |
Marina Vladimirovna SECHINA (Russu: Марина Владимировна СЕЧИНА) |
Sid tal-kumpannija b'responsabbiltà limitata "Stankoflot" Data tat-twelid: 1962 Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Marina Sechina hija eks mara ta' Igor Sechin, l-uffiċjal kap eżekuttiv ta' Rosneft. Hija użat ir-rabtiet ma' diversi atturi fil-gvern Russu u strutturi ta' negozju Russi, inkluż mal-eks raġel tagħha, għal benefiċċju personali. In-negozji li huma proprjetà ta' Sechina pparteċipaw fit-tħejjija tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa f'Sochi fl-2014. Hija s-sid tal-kumpannija b'responsabbiltà limitata "Stankoflot", li tingħata kuntratti mingħajr sejħa għal offerti mal-Korporazzjoni tal-Istat għall-Assistenza għall-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Esportazzjoni ta' Prodotti Industrijali ta' Teknoloġija Avvanzata (Rostec). Barra minn hekk, hija l-Kap ta’ FTSSR CJSC u sid ta’ sehem fl-RK-Telekom. Għaldaqstant qed tibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna u tibbenefika mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
891 |
Suleyman Abusaidovich KERIMOV (Russu: Сулейман Абусаидович КЕРИМОВ) |
Sid tal-grupp finanzjarju u industrijali Nafta Moscow Membru tal-Kunsill tal-Federazzjoni mir-Repubblika ta' Dagestan Data tat-twelid: 12.03.1966 Post tat-twelid: Derbent, Dagestan, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Suleyman Kerimov huwa s-sid tal-grupp finanzjarju u industrijali Nafta Moscow. Il-valur nett ta' Kerimov u l-familja tiegħu huwa stmat li hu USD 9,8 biljun. Huwa rċieva somom kbar ta' flus mingħand Sergei Roldugin, li huwa l-gwardjan tal-ġid ta' Vladimir Putin. Fl-24 ta' Frar 2022, Kerimov attenda l-laqgħa tal-oligarki fil-Kremlin ma' Vladimir Putin biex jiddiskutu l-impatt tal-miżuri meħuda wara s-sanzjonijiet tal-Punent. Il-fatt li ġie mistieden jattendi dik il-laqgħa juri li huwa membru fiċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ oligarki qrib ta' Vladimir Putin u li qed jappoġġa jew jimplimenta azzjonijiet jew politiki li qed idgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. |
15.3.2022 |
|
|
|
Huwa għalhekk negozjant ewlieni involut f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
|
892 |
Tigran Oganesovich KHUDAVERDYAN (Russu:Тигран Оганесович ХУДАВЕРДЯН) |
Direttur Eżekuttiv u Viċi Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' Yandex NV Data tat-twelid: 28.12.1981 Post tat-twelid: Yerevan, Armenia Nazzjonalità: Armena Sess: raġel |
Tigran Khudaverdyan huwa d-direttur eżekuttiv ta' Yandex – waħda mill-kumpanniji ewlenin ta’ teknoloġija fir-Russja, li tispeċjalizza fi prodotti u servizzi intelliġenti mħaddma mit-tagħlim awtomatiku. L-ex kap tal-aħbarijiet ta’ Yandex akkuża lill-kumpannija li hija “element ewlieni fil-ħabi ta’ informazzjoni” lir-Russi dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Barra minn hekk, il-kumpannija bdiet twissi lill-utenti Russi li bdew ifittxu aħbarijiet dwar l-Ukrajna fuq is-sistema ta’ tiftix tagħha dwar informazzjoni mhux affidabbli fuq l-internet, wara li l-Gvern Russu hedded lill-medja Russa rigward dak li huma jippubblikaw. |
15.3.2022 |
|
|
|
Fl-24 ta' Frar 2022, Khudaveryan attenda laqgħa tal-oligarki fil-Kremlin ma' Vladimir Putin biex jiddiskutu l-impatt tal-miżuri meħuda wara s-sanzjonijiet tal-Punent. Il-fatt li ġie mistieden jattendi dik il-laqgħa juri li huwa membru fiċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ oligarki qrib Vladimir Putin u li qed jappoġġa jew jimplimenta azzjonijiet jew politiki li qed idgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. Barra minn hekk, huwa wkoll wieħed min-negozjanti ewlenin involuti f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
|
893 |
Vladimir Valerievich RASHEVSKY / Vladimir Valeryevich RASHEVSKIY (Russu: Владимир Валерьевич РАШЕВСКИЙ) |
Uffiċjal Kap Eżekuttiv u Direttur ta' EuroChem Group AG Data tat-twelid: 29.09.1973 Post tat-twelid: Moscow, Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Vladimir Rashevsky huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv u d-Direttur ta' EuroChem Group AG, waħda mill-akbar produtturi tad-dinja ta’ fertilizzanti minerali. Qabel (bejn l-2004 u l-2020) kien l-uffiċjal kap eżekuttiv ta' kumpannija tal-faħam JSC SUEK. Dawn huma kumpanniji Russi kbar, proprjetà b'mod konġunt tal-biljunarju Russu Andrei Melnichenko, li jiġġeneraw u jipprovdu dħul sostanzjali lill-gvern Russu. Dawn jikkooperaw ukoll mal-awtoritajiet Russi, inkluż Vladimir Putin. Il-kumpanniji ta' EuroChem Group ipprovdew in-nitrat tal-ammonijaka liż-żoni okkupati ta' Donbas. SUEK iffirmat kuntratti ma' sanatorji tal-Krimea għal programmi tas-saħħa tal-impjegati. Għaldaqstant qed jappoġġa, materjalment jew finanzjarjament, jew qed jibbenefika mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Fl-24 ta' Frar 2022, Rashevsky attenda laqgħa tal-oligarki fil-Kremlin ma' Vladimir Putin biex jiddiskutu l-impatt tal-miżuri meħuda wara s-sanzjonijiet tal-Punent. Il-fatt li ġie mistieden jattendi dik il-laqgħa juri li huwa membru fiċ-ċirku ta’ ġewwa ta’ oligarki qrib Vladimir Putin u li qed jappoġġa jew jimplimenta azzjonijiet jew politiki li qed idgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ukrajna. |
15.3.2022 |
Entitajiet
|
Isem |
Informazzjoni għall-Identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
57 |
ROSNEFT AERO (RN AERO) (Russu: Роснефть-Аэро / РН-Аэро) |
Indirizz: 15, Malaya Kaluzhskaya Str., Moscow, 119071, Russian Federation Telefon: +7 (499) 517-76-56; +7 (499) 517-76-55 (fax) Sit web: https://www.rosneft-aero.ru/en/ Indirizz elettroniku: info@rn-aero.rosneft.ru |
Rosneft Aero tforni fjuwil tal-ġettijiet lill-Ajruport ta' Simferopol, li jipprovdi konnessjoni ta' titjiriet bl-ajru bejn it-territorju tal-Krimea u Sevastopol li ġew annessi illegalment u r-Russja. Għalhekk tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-Peniżola tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa. Għaldaqstant, Rosneft Aero tappoġġa, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
58 |
JSC ROSOBORONEXPORT (Russu: AO Рособоронэкспорт) |
Indirizz: 27 Stromynka Str., Moscow, 107076, Russian Federation Telefon: +7 (495) 739 60 17 / +7 (495) 534 61 40 Sit web: http://roe.ru/eng/ Indirizz elettroniku: roe@roe.ru |
Rosoboronexport hija l-unika intermedjarja statali uffiċjali tar-Russja għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' prodotti, teknoloġiji u servizzi militari u b'użu doppju. Rosoboronexport hija kumpannija sussidjarja ta’ Rostec, korporazzjoni li tappartjeni lill-istat li tissorvelja r-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji militari, u għandha diversi faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom rwol strumentali fl-użu ta’ dawk it-teknoloġiji fil-kamp tal-battalja. Il-bejgħ tal-armi jipprovdi sors importanti ta' munita soda lill-gvern Russu. Dan jintuża wkoll biex imexxi 'l quddiem l-objettivi ekonomiċi u strateġiċi tar-Russja. Mill-2000 sal-2020 Rosoboronexport biegħet armi b'valur ta' USD 180 biljun lil klijenti barranin. Għaldaqstant, Rosoboronexport hija involuta f'setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
59 |
JSC NPO High Precision Systems (Russu: АО НПО Высокоточные комплексы) |
Indirizz: 7 Kievskaya Str., Moscow, 121059, Russian Federation Telefon:+7 (495) 981-92-77 fax: + 7 (495) 981-92-78 Indirizz elettroniku: npovk@npovk.ru Sit web: https://www.npovk.ru |
High Precision Systems huwa żviluppatur u manifattur tal-armi Russu. Huwa mexxej fl-inġinerija u l-produzzjoni tas-sistemi tal-missili ballistiċi tattiċi fir-Russja. High Precision Systems huwa sussidjarju ta' Rostec. Il-Forzi Armati Russi użaw armi prodotti minn High Precision Systems matul l-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna fl-2022. Għaldaqstant, High Precision Systems huwa responsabbli talli appoġġa, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
60 |
JSC Kurganmashzavod (Russu: ПАО Курганмашзавод) |
Indirizz:, 17 1J Mashinostroitely Ave., 640021, Kurgan, Russian Federation Telefon: +7 (3522) 23-20-83,+7 (3522) 47-19-99; Fax: +7 (3522) 23-20-71, +7 (3522) 23-20-82 Indirizz elettroniku: kmz@kmz.ru Sit web: https://www.kurganmash.ru |
Kurganmashzavod hija kumpannija ewlenija Russa ta' kumpless militari industrijali. Il-vetturi għall-ġlied tal-infanterija BMP-3 fornuti minn Kurganmashzavod lill-Forzi Armati Russi ntużaw mir-Russja matul l-invażjoni illegali tal-Ukrajna fl-2022. Għaldaqstant, Kurganmashzavod hija responsabbli talli appoġġat, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
61 |
JSC Russian Helicopters (Russu: AO Вертолеты России) |
Indirizz: 1 Bolshaya Pionerskaya Str., 115054, Moscow, Russian Federation Telefon: +7 (495) 981-63-67 Sit web: http://www.russianhelicopters.aero Indirizz elettroniku: info@rhc.aero |
Russian Helicopters hija kumpannija ewlenija Russa tal-manifattura tal-ħelikopters. Il-ħelikopters militari Ka-52 "Alligator" prodotti minn Russian Helicopters intużaw mir-Russja matul l-invażjoni illegali tal-Ukrajna fl-2022. Għaldaqstant, Russian Helicopters hija responsabbli talli appoġġat, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
62 |
PJSC United Aircraft Corporation (Russu: ПАО Объединённая авиастроительная корпорация) |
Indirizz: 1 Bolshaya. Pionerskaya Str., 115054, Moscow, Russian Federation Telefon: +7 (495) 926-1420 Sit web: https://www.uacrussia.ru/ Indirizz elettroniku: office@uacrussia.ru |
United Aircraft Corporation huwa manifattur Russu ta' inġenji tal-ajru ċivili u militari. Flimkien mal-kumpanniji affiljati tiegħu jikkontrolla 100 % tal-produzzjoni tal-inġenji tal-ajru militari tar-Russja. L-inġenji tal-ajru tal-ġlied prodotti minn United Aircraft Corporation intużaw mir-Russja matul l-invażjoni illegali tal-Ukrajna fl-2022. Għaldaqstant, United Aircraft Corporation huwa responsabbli talli appoġġa, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
63 |
JSC United Shipbuilding Corporation (Russu: АО Объединённая Судостроительная Корпорация) |
Indirizz: 11 Bolshaya Tatarskaya Str., Moscow 115184, Russian Federation Telefon: +7 495 617 33 00 Sit web: https://www.aoosk.ru Indirizz elettroniku: info@aoosk.ru |
United Shipbuilding Corporation huwa konglomerat statali Russu ta' bini tal-bastimenti, li huwa l-fornitur ewlieni ta' bastimenti tal-gwerra militari lill-Forza Navali Russa. Huwa sid ta' diversi tarzni u uffiċċji ta' disinn. Il-bastiment kbir ta' żbark "Pyotr Morgunov" tal-proġett 11711, li nbena minn United Shipbuilding Corporation, ħa sehem fl-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna fl-2022. Il-bastiment tal-għassa tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed "Vasily Bykov" tal-proġett 22160 iddisinnjat minn United Shipbuilding Corporation, ukoll ħa sehem fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, l-uffiċċju ta' disinn "Almaz", proprjetà ta' United Shipbuilding Corporation, żviluppa l-korvetti tal-proġett 22800, li wħud minnhom inbnew fit-tarzni li jinsabu fit-territorju tal-Krimea u Sevastopol annessi illegalment u li kkontribwew għall-militarizzazzjoni tal-Peniżola tal-Krimea. Għaldaqstant, JSC United Shipbuilding Corporation huwa responsabbli talli appoġġa, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
64 |
JSC Research and Production Corporation URALVAGONZAVOD (Russu: АО "Научно-производственная корпорация УралВагонЗавод") |
Indirizz: 28 Vostochnoe shosse., 622007, Nizhny Tagil, Sverdlovsk region, Russian Federation Telefon: +7 3435 34 5000; +7 3435 33 47 12 Indirizz elettroniku: web@uvz.ru Sit web: http://uralvagonzavod.ru |
Uralvagonzavod hija korporazzjoni Russa kbira tal-bini tal-magni. Hija l-uniku manifattur ta' tankijiet militari fir-Russja. It-tankijiet T-72B3 fornuti minn Uralvagonzavod lill-Forzi Armati Russi ntużaw mir-Russja matul l-invażjoni illegali tal-Ukrajna fl-2022. Għaldaqstant, Uralvagonzavod hija responsabbli talli appoġġat, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022 |
65 |
JSC Zelenodolsk Shipyard [A.M. Gorky Zelenodolsk Plant] (Russu: АО "Зеленодольский завод имени А. М. Горького") |
Indirizz: 5, Zavodskaya Str., 422546 Zelenodolsk, Republic of Tatarstan, Russian Federation Telefon:+7 (84371) 5-76-10, Fax: +7 (84371) 5-78-00 Sit web: https://www.zdship.ru Indirizz elettroniku: nfo@zdship.ru |
Zelenodolsk Shipyard hija waħda mill-akbar intrapriżi tal-bini tal-bastimenti fir-Russja. Hija bniet il-bastiment tal-għassa tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed "Vasily Bykov", li ħa sehem fl-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna fl-2022. Fl-24 ta' Frar 2022"Vasily Bykov" attakka s-suldati Ukreni li kienu qed jiddefendu Snake Island. Għaldaqstant, Zelenodolsk Shipyard hija responsabbli talli appoġġat, b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
15.3.2022" |