EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0334

Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/334 tat-28 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

ĠU L 57, 28.2.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/334/oj

28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/334

tat-28 ta’ Frar 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2022/335 (1) tatat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament(UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jġib fis-seħħ ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK.

(3)

Fit-28 ta’ Frar 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/335 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Dik id-Deċiżjoni imponiet miżuri restrittivi ulterjuri li jipprojbixxu lit-trasportaturi bl-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat Russu, u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux reġistrat fir-Russja li jkun proprjetà ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Russu, jew mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minnhom, milli jinżel fit-territorju tal-Unjoni, jew jitlaq minnu, jew jittajjar fuqu. Jipprojbixxi wkoll kwalunkwe tranżazzjoni mal-Bank Ċentrali tar-Russja.

(4)

Dawk il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 833/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 833/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt (r):

“(r)

'Trasportatur bl-ajru Russu' tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li jkollha liċenzja operattiva valida jew ekwivalenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa.”;

(2)

Jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3d

1.   Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta’ kummerċjalizzazzjoni f’arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi jew spazju magħluq, jew kwalunkwe inġenju tal-ajru reġistrat fir-Russja, jew kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux reġistrat fir-Russja li jkun proprjetà ta’ xi persuna Russa, fiżika jew ġuridika, jew mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minnha, jinżel fit-territorju tal-Unjoni, li jitlaq minnu jew li jittajjar minn fuqu.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika f’każ ta’ nżul ta’ emerġenza jew ta’ titjira ta’ emerġenza li tgħaddi minn fuq it-territorju.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li inġenju tal-ajru jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, jinżel fih, jew jittajjar minn fuqu jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li tali nżul, tluq jew titjir ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernat(i) għandu/hom jinforma(w) lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 3e

1.   Il-Maniġer tan-Network maħtur mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/709 tagħha għandu jsostni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d u tal-konformità miegħu. Il-Maniġer tan-Network għandu, b’mod partikolari jiċħad il-pjanijiet tat-titjir kollha ppreżentati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jindikaw intenzjoni li jwettqu attivitajiet fuq it-territorju tal-Unjoni li jikkostitwixxu ksur ta’ dan ir-Regolament jew ta’ miżuri oħra ta’ sikurezza u sigurtà fis-seħħ, b’tali mod li l-bdot ma jkollux permess itir.

2.   Il-Maniġer tan-Network għandu jipprovdi regolarment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-analiżi tal-pjanijiet tat-titjiriet, rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d.”;

(3)

Jiżdiedu l-paragrafi 4, 5 u 6 li ġejjin mal-Artikolu 5a:

“4.   It-tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-riżervi kif ukoll mal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inkluż tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem, jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali tar-Russja huma pprojbiti.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw tranżazzjoni sakemm din tkun strettament meħtieġa biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi jew tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5.”;

(4)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet f’dan ir-Regolament, inkluż bl-aġir bħala sostitut għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 5, 5a, 5b, 5e u 5f, jew b’aġir għall-benefiċċju tagħhom billi jintużaw l-eċċezzjonijiet fl-Artikoli 5(6), 5a(2), 5a(5), 5b(2), 5e(2) jew 5f(2).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  ĠU L 57, 28.2.2022.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


Top