This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R0260
Council Implementing Regulation (EU) 2022/260 of 23 February 2022 implementing Regulation (EU) No 269/2014 concerning restrictive measures in respect of actions undermining or threatening the territorial integrity, sovereignty and independence of Ukraine
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/260 tal-23 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/260 tal-23 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
ST/6458/2022/INIT
ĠU L 42I, 23.2.2022, p. 3–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 42/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/260
tal-23 ta’ Frar 2022
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(2) |
L-Unjoni tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. |
(3) |
Fil-konklużjonijiet tal-24 u l-25 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja biex tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk bħala l-kondizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fil-pożizzjoni tal-Unjoni. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal rispons sod u koordinat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għal kwalunkwe attività malizzjuża, illegali u ta' tfixkil mir-Russja, bl-użu sħiħ tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, u l-iżgurar ta' koordinazzjoni mas-sħab. Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) biex jippreżentaw opzjonijiet għal miżuri restrittivi addizzjonali, inkluż sanzjonijiet ekonomiċi. |
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa urġenti li r-Russja tnaqqas it-tensjoni kkawżata miż-żieda fil-preżenza militari tul il-fruntiera tagħha mal-Ukrajna u r-retorika aggressiva. Huwa tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Filwaqt li inkoraġġixxa sforzi diplomatiċi u appoġġa l-format tan-Normandija fil-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta’ Minsk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir bħala rispons, inkluż miżuri restrittivi kkoordinati mas-sħab. |
(5) |
Fl-24 ta' Jannar 2022, il-Kunsill approva konklużjonijiet li fihom ikkundanna l-azzjonijiet aggressivi u t-theddid kontinwi tar-Russja kontra l-Ukrajna, u appella lir-Russja biex tnaqqas it-tensjoni, tirrispetta d-dritt internazzjonali u timpenja ruħha b'mod kostruttiv fi djalogu permezz tal-mekkaniżmi internazzjonali stabbiliti. Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tal-Unjoni għall-prinċipji ewlenin li fuqhom hija mibnija s-sigurtà Ewropea, minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u d-dokumenti kostituttivi tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, inkluż l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi. Dawn il-prinċipji ewlenin jinkludu b'mod partikolari l-ugwaljanza sovrana u l-integrità territorjali tal-Istati, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, l-astensjoni mit-theddida jew l-użu tal-forza, u l-libertà tal-Istati li jagħżlu jew jibdlu l-arranġamenti tas-sigurtà tagħhom stess. Il-Kunsill iddikjara li dawk il-prinċipji la huma negozjabbli u lanqas soġġetti għal reviżjoni jew interpretazzjoni mill-ġdid u li l-ksur tagħhom mir-Russja huwa ostaklu għal spazju ta’ sigurtà komuni u indiviżibbli fl-Ewropa u jhedded il-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill tenna li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri mir-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir, inkluż firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mas-sħab. |
(6) |
Fid-19 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tesprimi tħassib dwar l-akkumulazzjoni massiva tal-forzi armati Russi fl-Ukrajna u madwarha u ħeġġet lir-Russja biex tinvolvi ruħha fi djalogu sinifikattiv u f’diplomazija, iżżomm lura u tnaqqas it-tensjoni billi tirtira sostanzjalment il-forzi militari mill-viċinanza tal-fruntieri tal-Ukrajna. L-Unjoni ddikjarat li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri min-naħa tar-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir bħala rispons, inkluż miżuri restrittivi koordinati mas-sħab. |
(7) |
Fil-21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tal-awtoproklamata "Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk" u tar-"Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk" u ordna li l-forzi armati Russi jiġu skjerati fil-Lvant tal-Ukrajna. |
(8) |
Fit-22 ta' Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna d-deċiżjoni tal-President tal-Federazzjoni Russa li jirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna Donetsk u Luhansk bħala entitajiet indipendenti u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f'dawk iż-żoni. Dak l-att illegali jkompli jdgħajef is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u huwa ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Karta ta' Pariġi u l-Memorandum ta' Budapest, kif ukoll tal-Ftehimiet ta' Minsk u r-Riżoluzzjoni 2202 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015). Ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lir-Russja, bħala parti fil-konflitt, biex treġġa' lura dak ir-rikonoxximent, tonora l-impenji tagħha, tirrispetta d-dritt internazzjonali u terġa' lura għad-diskussjonijiet fil-format tan-Normandija u l-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali. Huwa ħabbar li l-Unjoni ser twieġeb għal dan l-aħħar ksur illegali mir-Russja billi tadotta miżuri restrittivi addizzjonali b’urġenza. |
(9) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill jikkunsidra li għandhom jinżdiedu 22 persuna u 4 entitajiet mal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 269/2014. |
(10) |
Għalhekk l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jinżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-23 ta’ Frar 2022,
Għall-Kunsill
Il-President
J.-Y. LE DRIAN
ANNESS
Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:
1. Persuni
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
"212. |
Sergei SHOIGU (Сергей Кужугетович Шойгу) |
Data tat-twelid: 21.5.1955 Post tat-Twelid: Chadan, ir-Repubblika ta' Tuva, il-Federazzjoni Russa Nazzjonalità: Russa Funzjoni: Ministru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa Ġeneru: Maskil |
Sergei Shoigu huwa l-Ministru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa. Huwa għamel kummenti pubbliċi dwar il-fatt li l-Krimea hija u tibqa' Russa. Taħt il-kmand u l-ordnijiet tiegħu, it-truppi Russi kellhom eżerċizzji militari fil-Krimea annessa illegalment u ġew pożizzjonati fuq il-fruntiera. Fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbli għal kwalunkwe azzjoni militari kontra l-Ukrajna. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
213. |
Anton Vaino (Антон Эдуардович Вайно) |
Data tat-twelid: 17.2.1972 Post tat-Twelid: Tallinn, l-Estonja Nazzjonalità: Russa Funzjoni: Kap tal-Persunal tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali Ġeneru: Maskil |
Anton Vaino huwa l-Kap tal-Persunal tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali. Huwa għandu rwol attiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kremlin billi jieħu sehem fil-"Kunsill tas-Sigurtà" Russu u jinfluwenza l-elaborazzjoni ta' deċiżjonijiet mill-President fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà nazzjonali tar-Russja. Anton Vaino jattendi wkoll laqgħat dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Krimea u Sevastopol. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
214. |
Marat KHUSNULLIN (Марат Шакирзянович Хуснуллин) |
Data tat-twelid: 9.8.1966 Post tat-Twelid: Chadan, ir-Repubblika tat-Tatarstan, il-Federazzjoni Russa Funzjoni: Viċi Prim Ministru tar-Russja għall-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Marat Khusnullin huwa l-Viċi Prim Ministru tar-Russja għall-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali. F'din il-kapaċità, huwa responsabbli għall-politiki governattivi Russi dwar il-Krimea okkupata, inkluż il-forniment tal-ilma lill-Krimea u Sevastopol. Għalhekk huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
215. |
Dmitriy Yuryevich GRIGORENKO (Дмитрий Юрьевич ГРИГОРЕНКО) |
Data tat-twelid: 14.7.1978 Post tat-Twelid: Nizhnevartovsk, ir-Reġjun ta' Tyumen, il-Federazzjoni Russa Funzjonijiet: Viċi Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa – Kap tal-Persunal tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa; President tal-Kunsill Superviżorju tal-VTB Bank Ġeneru: Maskil |
Dmitriy Grigorenko huwa l-Viċi Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa u Kap tal-Persunal tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Huwa wkoll il-President tal-Kunsill Superviżorju tal-VTB Bank, bank tal-Istat u assoċjat ma' Maksim Reshetnikov, membru tal-Kunsill Superviżorju tal-VTB Bank. Fil-kapaċità preċedenti tiegħu ta' Viċi Direttur tas-Servizz Federali tat-Taxxa tal-Federazzjoni Russa, Grigorenko kien responsabbli għall-istabbiliment ta' leġiżlazzjoni fiskali lokali ġdida għat-territorju tal-Krimea wara l-annessjoni tagħha fl-2014. Għalhekk huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. Huwa responsabbli wkoll għall-forniment ta' appoġġ finanzjarju u materjali, u talli bbenefika minn dawk li jieħdu deċiżjonijiet fir-Russja responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
216. |
Maxim Gennadyevich RESHETNIKOV (Максим Геннадьевич РЕШЕТНИКОВ) |
Data tat-twelid: 11.7.1979 Post tat-Twelid: Perm, il-Federazzjoni Russa Funzjoni: Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal-Federazzjoni Russa; Membru tal-Kunsill Superviżorju tal-VTB Bank Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Maxim Reshetnikov huwa l-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku tal-Federazzjoni Russa. Huwa wkoll Membru tal-Kunsill Superviżorju tal-VTB Bank, bank tal-Istat u assoċjat ma' Dmitriy Grigorenko, membru tal-Kunsill Superviżorju tal-VTB Bank. Fil-kapaċità tiegħu bħala Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku, Maxim Reshetnikov huwa responsabbli għal programmi ta' żvilupp tal-infrastruttura fil-Krimea u Sevastopol, b'mod partikolari taħt il-programmfederali mmirat "Żvilupp Soċjali u Ekonomiku tar-Repubblika tal-Krimea u Sebastopol sal-2022" li ġie estiż sal-2025. Huwa għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn iddeskriva l-pjanijiet u l-prijoritajiet tal-gvern tal-Federazzjoni Russa dwar l-iżvilupp ekonomiku tal-Krimea u Sevastopol. Għalhekk, huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jipperikolaw l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. Huwa responsabbli li pprovda appoġġ materjali jew finanzjarju lil persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna u li bbenefika minn dan. |
23.2.2022 |
217. |
Nikolay Anatolyevich YEVMENOV (magħruf ukoll bħala Nikolai YEVMENOV) (Николай Анатольевич Евменов) |
Data tat-twelid: 2.4.1962 Post tat-Twelid: Moska, ir-Russja Funzjoni: Kap kmandant tal-Forza Navali Russa Grad: Ammirall Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Nikolay Yevmenov huwa l-Kap Kmandant tal-Forza Navali Russa. Għaldaqstant, huwa responsabbli għal kwalunkwe operazzjoni marittima tal-flotta navali Russa, inkluż fl-Ukrajna jew lejha. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
218. |
Vladimir Lvovich KASATONOV (Владимир Львович Касатонов) |
Data tat-twelid: 17.6.1952 Post tat-Twelid: Moska, ir-Russja Ġeneru: Maskil |
Vladimir Kasatonov huwa l-Viċi Kap Kmandant tal-Forza Navali Russa. Għaldaqstant, huwa responsabbli għall-operazzjonijiet navali fl-Ukrajna jew lejha. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
219. |
Igor Vladimirovich OSIPOV (Игорь Владимирович Осипов) |
Data tat-twelid: 6.3.1973 Post tat-Twelid: Insedjament ta' Novo-Shunoe, distrett ta' Fedorovsky, reġjun ta' Kostanay, Repubblika Soċjalista Sovjetika Kazaka (issa l-Każakistan) Funzjoni: Kap Kmandant tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed Grad: Ammirall Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Igor Osipov huwa l-Kap Kmandant tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed. Għaldaqstant, huwa responsabbli għal kwalunkwe operazzjoni marittima fl-Ukrajna jew lejha li tgħaddi mill-Baħar l-Iswed u talli rrestrinġa l-libertà tan-navigazzjoni fil-Baħar l-Iswed. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
220. |
Oleg Leonydovych SALYUKOV (Олег Леонидович Салюков) |
Data tat-twelid: 21.5.1955 Post tat-Twelid: Saratov, il-Federazzjoni Russa Funzjoni: Kap Kmandant tal-Forzi tal-Art Russi Grad: Ġeneral tal-Armata Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Il-Ġeneral tal-Armata Oleg Salyukov huwa l-Kap Kmandant tal-Forzi tal-Art Russi. Għaldaqstant, huwa responsabbli għall-operazzjonijiet fuq l-art Russi fl-Ukrajna jew lejha. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
221. |
Sergei SUROVIKIN (сергей суровикин) |
Data tat-twelid: 11.10.1966 Post tat-Twelid: Novosibirsk, ir-Russja Funzjoni: Kmandant Ġenerali tal-Armata tal-Forzi Ajruspazjali Grad: Ġeneral tal-Armata Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Il-Ġeneral tal-Armata Sergei Surovikin huwa l-Kap Kmandant tal-Forzi Ajruspazjali Russi. Għaldaqstant, huwa responsabbli għall-operazzjonijiet bl-ajru fl-Ukrajna jew lejha. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
222. |
Sergey Vladimirovich DRONOV (magħruf ukoll bħala Sergei Vladimirovich DRONOV) (Сергей Владимирович ДРОНОВ) |
Data tat-twelid: 11.8.1962 Post tat-Twelid: Almazovka, reġjun ta' Voroshilovograd, l-Ukrajna Funzjoni: Kmandant tal-Forza tal-Ajru u Viċi Kap Kmandant tal-Forzi tal-Ajru u tal-Ispazju Grad militari: Logutenent Ġeneral Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Il-Logutenent Ġeneral Sergey Vladimirovich Dronov huwa l-Kmandant tal-Forza tal-Ajru u Viċi Kap Kmandant tal-Forzi tal-Ajru u tal-Ispazju. Għaldaqstant, huwa responsabbli għall-operazzjonijiet bl-ajru fl-Ukrajna jew lejha. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ u l-implimentazzjoni b'mod attiv ta' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna kif ukoll l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna. |
23.2.2022 |
223. |
Violetta PRIGOZHINA (Виолетта Пригожина) |
Individwi assoċjati: Yevgeniy Viktorovich Prigozhin (iben); Lyubov Valentinovna Prigozhina (bint tar-rispett) Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Femminil |
Violetta Prigozhina hija l-omm ta’ Yevgeny Prigozhin u proprjetarja ta’ Concord Management and Consulting LLC, li tappartjeni għall-grupp Concord, imwaqqfa minn binha u proprjetà tiegħu sal-2019. Hija s-sid ta’ kumpanniji oħra b’rabtiet ma’ binha. Hija assoċjata ma’ Yevgeny Prigozhin, li huwa responsabbli għall-iskjerament tal-merċenarji tal-Grupp Wagner fl-Ukrajna u li bbenefika minn kuntratti pubbliċi kbar mal-Ministeru għad-Difiża Russu wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u l-okkupazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna minn separatisti appoġġati mir-Russja. Hija b’hekk appoġġat azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
224. |
Lyubov Valentinovna PRIGOZHINA (Любовь Валентиновна Пригожина) |
Individwi assoċjati: Yevgeniy Viktorovich Prigozhin (konjugi); Violetta Prigozhina (omm tar-rispett) Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Femminil |
Lyubov Valentinovna Prigozhina hija l-konjugi ta’ Yevgeny Prigozhin u proprjetarja ta’ Agat LLC, sussidjarja ta' Concord Management and Consulting LLC, li hi proprjetà tal-grupp Concord, imwaqqaf minn żewġha u proprjetà tiegħu sal-2019. Hija assoċjata ma’ Yevgeny Prigozhin, li huwa responsabbli għall-iskjerament tal-merċenarji tal-Grupp Wagner fl-Ukrajna u talli bbenefika minn kuntratti pubbliċi kbar mal-Ministeru għad-Difiża Russu wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u l-okkupazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna minn separatisti appoġġati mir-Russja. Hija b’hekk appoġġat azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
225. |
Denis Aleksandrovich BORTNIKOV (Денис Александрович БОРТНИКОВ) |
Data tat-twelid: 19.11.1974 Funzjoni: Viċi President u President tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Bank VTB Nazzjonalità: Russa Individwi assoċjati: Alexander Vasilyevich Bortnikov (missier); Tatiana Borisovna Bortnikova (omm) |
Denis Bortnikov huwa iben, u bħala tali huwa assoċjat ma’, Alexander Bortnikov – Direttur tas-Servizz tas-Sigurtà Federali (FSB) u Membru Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Federazzjoni Russa, li huwa involut fit-tfassil tal-politika tal-Gvern Russu li thedded l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Huwa l-viċi President u l-President tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Bank VTB, f'liema pożizzjoni jaħdem biex jilleġittimizza d-dħul parallel/illegali ta’ missieru. Għaldaqstant qed jappoġġa wkoll finanzjarjament lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
226. |
Andrei Leonidovich KOSTIN (Андрей Леонидович КОСТИН) |
Data tat-twelid: 21.9.1956 Post tat-Twelid: Moscow, eks USSR (issa l-Federazzjoni Russa) Funzjoni: President tal-Bord ta’ Ġestjoni ta' VTB Bank Persuni assoċjati: Tamara Mikhailovna Kostina (omm); Leonid Alekseevich Kostin (missier) Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Andrei Leonidovich Kostin huwa l-president ta' Vneshtorbank (VTB) – wieħed mill-banek ewlenin tal-istat fir-Russja, u membru tal-Kunsill Suprem tal-partit politiku “Russja Magħquda”. Huwa għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi li jappoġġaw l-annessjoni tal-Krimea u li jħeġġu liċ-ċittadini Russi biex iqattgħu l-vaganzi fil-Krimea. Huwa assoċjat ukoll ma’, u skont ir-rapporti tal-media, huwa sid ta’ fabbrika tal-inbid u lukanda lussuża fil-Krimea. B'hekk, qed jappoġġa azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali tal-Ukrajna u qed jibbenefika mill-annessjoni tal-Krimea. |
23.2.2022 |
227. |
Igor SHUVALOV (Игорь Иванович Шувалов) |
Data tat-twelid: 4.1.1967 Post tat-Twelid: Bilibino, il-Federazzjoni Russa Ġeneru: Maskil |
Igor Ivanovich Shuvalov huwa l-president tal-Korporazzjoni għall-Iżvilupp tal-Istat VEB.RF u membru tal-Kunsill tal-Kummissjoni Ekonomika Ewrasjatika. Preċedentement kien l-Ewwel Viċi Prim Ministru tar-Russja. F’din il-kapaċità huwa għamel stqarrijiet fejn iddikjara li r-Russja kienet ser tbiddel ir-regoli baġitarji biex jirriflettu popolazzjoni addizzjonali ta' żewġ miljun ruħ wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa. B’hekk qed jappoġġa azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
228. |
Margarita SIMONYAN (Маргарита Симоновна Симоньян) |
Data tat-twelid: 6.4.1980 Post tat-Twelid: Krasnodar, eks USSR (issa l-Federazzjoni Russa) Funzjoni: Kap editur tan-network televiżiv tal-aħbarijiet bl-Ingliż RT (Russia Today) Individwi assoċjati: Dmitry Konstantinovich KISELYOV Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Femminil |
Margarita Simonyan hija figura ċentrali tal-propaganda tal-Gvern. Hija wkoll il-kap editur tan-network televiżiv tal-aħbarijiet bl-Ingliż RT (Russia Today). Permezz tal-funzjoni tagħha, hija ppromwoviet attitudni pożittiva lejn l-annessjoni tal-Krimea u l-azzjonijiet tas-separatisti f’Donbas. B’hekk, hija appoġġat azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
229. |
Maria ZAKHAROVA (Мария Владимировна Захарова) |
Data tat-twelid: 24.12.1975 Post tat-Twelid: Moscow, eks USSR (issa l-Federazzjoni Russa) Funzjoni: Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Istampa tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa. Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Femminil |
Maria Zakharova hija d-Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Istampa tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa. Bħala figura ċentrali tal-propaganda tal-gvern, hija ppromwoviet l-mobilizzazzjoni ta’ forzi Russi fl-Ukrajna. B’hekk, hija appoġġat azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
230. |
Vladimir Roudolfovitch SOLOVIEV (Владимир Рудольфович Соловьёв) |
Data tat-twelid: 20.10.1963 Post tat-Twelid: Moscow, eks USSR (issa l-Federazzjoni Russa) Funzjoni: Propagandist u Ġurnalist tat-TV/Radju Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Vladimir Solovyev huwa propagandist u preżentatur tal-istazzjon Russia-1 u Rossia 24. Huwa rċieva midalja (Ordni ta’ Alexander Nevsky) għal “professjonaliżmu għoli u oġġettività fil-kopertura ta’ avvenimenti fir-Repubblika tal-Krimea”. Solovyov huwa magħruf għall-attitudni estremament ostili tiegħu lejn l-Ukrajna u għat-tfaħħir tal-gvern Russu. B’hekk, huwa responsabbli għal appoġġ favur azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
231. |
Konstantin KNYRIK (Константин Кнырик) |
Data tat-twelid: 1989 (possibbilment) Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Konstantin Knyrik huwa attivist pro-Russu li jmexxi MediaGroup News Front Ltd, sit web tal-aħbarijiet irreġistrat fil-Peniżola tal-Krimea annessa illegalment. Huwa l-kap tad-diviżjoni Krimeana tal-Partit Rodina, partit pro-Kremlin fir-Russja. Konstantin Knyrik irċieva l-midalja “għar-ritorn tal-Krimea”. B'hekk huwa appoġġa b'mod attiv u implimenta azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u jiddestabbilizzaw aktar lill-Ukrajna. |
23.2.2022 |
232. |
Aleksey Konstantinovich PUSHKOV (Алексей Константинович Пушков) |
Data tat-twelid: 10.8.1954 Post tat-Twelid: Beijing, iċ-Ċina Nazzjonalità: Russa Telefown u fax: + 8 (495) 697-58-69 Indirizz tal-uffiċċju ta’ akkoljenza fis-suġġett tal-Federazzjoni Russa: 51 Lenina St., Perm, 614000, room 219 Telefown u numri tal-fax tal-uffiċċju ta’ akkoljenza fir-reġjun tal-Federazzjoni Russa: (342) 253-66-01 Ġeneru: Maskil |
Aleksey Konstantinovich Pushkov huwa Senatur minn Perm Krai, membru tal-partit politiku fil-gvern "Russja Magħquda" u President tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Informazzjoni. Huwa għamel diversi stqarrijiet b’appoġġ għall-annessjoni tal-Peniżola tal-Krimea, u ppreżentaha bħala “fait accompli”. B’hekk huwa responsabbli talli appoġġa azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022 |
233. |
Pyotr TOLSTOY (magħruf ukoll bħala Petr Olegovich Tolstoy; Pyotr Olegovich Tolstoy) (Пётр Олегович Толстой) |
Data tat-twelid: 20.6.1969 Post tat-Twelid: Moscow, eks USSR (issa l-Federazzjoni Russa) Funzjoni: Ġurnalist, produttur, preżentatur u politiku Russu. Viċi President tad-Duma tal-Istat mill-2016 u Viċi President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa mit-28 ta’ Jannar 2020. Nazzjonalità: Russa Ġeneru: Maskil |
Pyotr Tolstoy huwa Membru tad-Duma tal-Istat u kap tad-delegazzjoni Russa fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE). Huwa wkoll il-preżentatur televiżiv ta’ “Vremya Pokazhet”. Figura ċentrali tal-propaganda tal-Gvern, huwa spiss jieħu pożizzjonijiet favur l-annessjoni tal-Krimea. B’hekk, huwa responsabbli għal appoġġ favur azzjonijiet u politika li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
23.2.2022" |
2. Entitajiet
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
"52. |
Internet Research Agency (Агентство интернет-исследований) |
Data tal-ħolqien: 2013 Indirizz: Saint Petersburg, Russia Individwi assoċjati: Yevgeny Prigozhin |
L-Internet Research Agency hija kumpannija Russa involuta f’operazzjonijiet ta’ influwenza online f’isem ir-Russja. L-għan aħħari tagħha huwa li timmanipula l-opinjoni pubblika. Il-kumpannija twettaq kampanji ta’ diżinformazzjoni mmirati lejn l-aġenda tal-Ukrajna billi tinfluwenza l-elezzjonijiet jew il-perċezzjonijiet tal-annessjoni tal-Krimea jew il-kunflitt f’Donbas. F'din il-kapaċità, l-Internet Research Agency hija responsabbli li appoġġat b'mod attiv azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Il-kumpanija hija ffinanzjata minn Yevgeny Prigozhin, u għalhekk hija assoċjata ma’ persuna elenkata. |
23.2.2022 |
53. |
Bank Rossiya (Банк «Россия») |
Imwaqqaf fis-27.6.1990 Indirizz: Pl Rastrelli 2 Liter A Saint Petersburg, 191124 Russian Federation Sit web: Abr.ru Individwi assoċjati: Dmitri LEBEDEV (President); Yuriy KOVALCHUK (l-akbar azzjonist) |
Il-Bank Rossiya huwa l-bank personali ta’ Uffiċjali Għolja tal-Federazzjoni Russa. F'din il-kapaċità, il-Bank Rossiya jappoġġa u jibbenefika minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli mill-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna. Il-Bank Rossiya għandu interessi importanti fin-National Media Group li, min-naħa tiegħu, jikkontrolla l-istazzjonijiet televiżivi li jappoġġaw attivament il-politika tal-gvern Russu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, il-Bank Rossiya fetaħ fergħat fil-Krimea kollha u f’Sevastopol. Il-Bank Rossiya pprovda wkoll self lill-Intrapriża Unitarja tal-Istat Federali “Crimean Railway” u jappoġġa l-kostruzzjoni tal-ferrovija fuq il-pont tal-Krimea. Għaldaqstant, il-Bank Rossiya jappoġġa finanzjarjament azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Assoċjat ma’ Yuriy Valentinovich Kovalchuk, l-akbar azzjonist tal-Bank Rossiya. |
23.2.2022 |
54. |
PROMSVYAZBANK (ПАО Промсвязьбанк") |
Imwaqqaf fl-1995 Indirizz: Moscow; Sit web: psbank.ru Individwi assoċjati: Petr Fradkov, Uffiċjal Kap Eżekuttiv |
PROMSVYAZBANK huwa bank tal-Istat Russu, li jipprovdi appoġġ finanzjarju lis-settur tad-difiża Russu u lill-militar Russu, li huwa responsabbli għall-iskjerament massiv ta’ truppi Russi tul il-fruntiera mal-Ukrajna u għall-preżenza ta’ truppi Russi fil-peniżola tal-Krimea. PROMSVYAZBANK jingħata struzzjonijiet direttament mill-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, u għalhekk jipprovdi appoġġ finanzjarju u materjali lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Russi responsabbli għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna u l-annessjoni illegali tal-Krimea. PROMSVYAZBANK jopera fil-peniżola tal-Krimea. |
23.2.2022 |
55. |
VEB.RF (magħruf ukoll bħala Vnesheconombank; VEB) (ВЭБ.РФ) |
Imwaqqaf fl-1922 bħala bank u fl-2007 bħala istitut għall-iżvilupp Indirizz: 9 prospekt Akademika Sakharova, Moscow, Russia; Sit web: veb.ru Individwi assoċjati: Igor Shuvalov, President |
VEB.RF huwa istituzzjoni ewlenija għall-iżvilupp finanzjarju li l-President tagħha jinħatar direttament mill-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin, u jieħu struzzjonijiet direttament mingħandu. VEB.RF jiġġenera sors importanti ta’ dħul għall-Gvern Russu u jimmaniġġja l-fondi tal-pensjonijiet tal-Istat tiegħu. VEB.RF għandu rwol attiv fid-diversifikazzjoni tas-settur tad-difiża tal-Federazzjoni Russa u għandu proġetti ma’ kumpanniji tal-industrija tad-difiża, inkluż Rostec, li jipprovdu appoġġ għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Il-VEB ta self lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fil-Krimea u jqisha bħala “reġjun ta’ prijorità” u għandu sħubijiet mal-Ministeru għall-Affarijiet tal-Krimea, responsabbli għall-integrazzjoni tar-“Repubblika Awtonoma tal-Krimea” annessa fil-Federazzjoni Russa. F'din il-kapaċità, VEB.RF jappoġġa attivament, b'mod materjali jew finanzjarju, jew jibbenefika minn, persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna. |
23.2.2022" |