Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0464

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/464 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/6436/2022/INIT

    ĠU L 94, 23.3.2022, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/464/oj

    23.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/4


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/464

    tal-21 ta’ Marzu 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 287, il-punt (15), tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti li s-Slovenja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE (2), is-Slovenja ġiet awtorizzata biex, sal-31 ta’ Diċembru 2015, tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287, il-punt (15), tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000 (“il-miżura speċjali”). L-applikazzjoni ta-miżura speċjali ġiet estiża darbtejn, l-aktar reċenti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 (3), sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    (3)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2021, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni ulterjuri biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (4). Minn dik id-Direttiva jirriżulta li mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

    (4)

    Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet is-Slovenja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra tal-15 ta’ Novembru 2021. Permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.

    (5)

    Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    (6)

    Il-miżura speċjali ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (7)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li s-Slovenja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

    (8)

    Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (5), is-Slovenja ma għandha twettaq l-ebda kalkolu ta’ kumpens fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

    (9)

    Minħabba l-fatt li l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fis-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT, peress li naqqset –il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li ma kien hemm l-ebda impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li s-Slovenja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali.

    (10)

    Jenħtieġ li -l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu attwali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li s-Slovenja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (11)

    Sabiex jiġi evitat kull tfixkil, jenħtieġ li s-Slovenja titħalla tkompli tapplika l-miżura speċjali mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE jkomplu mingħajr waqfien.

    (12)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).


    Top