Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0157

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/157 tal-4 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    ST/5705/2022/INIT

    ĠU L 25I, 4.2.2022, p. 7–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/157/oj

    4.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 25/7

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/157

    tal-4 ta’ Frar 2022

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta' Settembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali.

    (2)

    Fit-13 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/2208 (2), li stabbiliet qafas ġdid li jippermetti miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet responsabbli għal theddid għall-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali, jew għat-tfixkil jew l-imminar tat-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali.

    (3)

    Kif ġie deċiż waqt il-laqgħa tal-15 ta' Settembru 2020 tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u kif previst fil-Karta ta' Tranżizzjoni, l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni tal-Mali kellhom iwettqu t-tranżizzjoni politika u t-trasferiment tal-poter lill-awtoritajiet ċivili eletti fi żmien perijodu ta' tranżizzjoni ta' 18-il xahar. Matul dak il-perijodu ta' żmien, kellhom jorganizzaw elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi ħielsa u ġusti, skedati għas-27 ta' Frar 2022, flimkien ma' elezzjonijiet reġjonali u lokali u referendum kostituzzjonali, kif xieraq.

    (4)

    Fit-8 ta' Jannar 2022, l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni tal-Mali ppreżentaw lill-Awtorità tal-ECOWAS kalendarju ġdid għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-aħħar ta' Diċembru 2025, li testendi t-tul ta' żmien tat-tranżizzjoni għal total ta' ħames snin u nofs, għall-kuntrarju tal-ftehim milħuq mal-ECOWAS fil-15 ta' Settembru 2020 u l-impenn fil-Karta ta' Tranżizzjoni. L-Awtorità tal-ECOWAS b'dispjaċir osservat in-nuqqas tal-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni fil-Mali li jieħdu l-passi meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Presidenzjali qabel is-27 ta' Frar 2022, għall-kuntrarju tal-ftehim li ntlaħaq mal-Awtorità tal-ECOWAS fil-15 ta' Settembru 2020 u l-impenn fil-Karta ta' Tranżizzjoni. L-Awtorità tal-ECOWAS iddeplorat bil-qawwa n-nuqqas ovvju u sfaċċat ta' rieda politika mill-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni li wassal għan-nuqqas ta' kwalunkwe progress tanġibbli fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet, minkejja r-rieda tal-ECOWAS u tas-sħab reġjonali u internazzjonali kollha li jappoġġaw lill-Mali f'dan il-proċess. Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-"Assises National de la Refondation" (ANR) tat-13 ta' Diċembru 2021, li wasslu għall-adozzjoni tal-kalendarju rivedut għall-elezzjonijiet, l-Awtorità tal-ECOWAS innutat li partijiet ikkonċernati importanti ma pparteċipawx f'dawk l-ANR, li jirrifletti nuqqas ta' kunsens mill-partijiet ikkonċernati nazzjonali fir-rigward tal-kalendarju propost. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, fid-9 ta' Jannar 2022, l-awtorità tal-ECOWAS iddeċidiet li tibqa' żżomm is-sanzjonijiet inizjali diġà imposti fuq il-Mali u fuq l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni fis-7 ta' Novembru 2021 u imponiet sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji addizzjonali.

    (5)

    Fid-dawl tal-persistenza tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Mali, jenħtieġ li ħames persuni jiġu inklużi fil-listi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

    (6)

    Jenħtieġ għalhekk li l-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 hu emendat kif jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN

    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2208 tat-13 ta' Diċembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 446, 14.12.2021, p. 44).

    ANNESS

    L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-entrati li ġejjin huma miżjuda fil-lista ta' persuni fiżiċi li tinsab taħt l-intestatura “A. Lista ta' persuni fiżiċi msemmijin fl-Artikolu 1a, paragrafu 1”:

    Isem

    Informazzjoni ta' Identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    "1.

    DIAW, Malick

    Post tat-twelid: Ségou

    Data tat-twelid: 2 ta' Diċembru 1979

    Nazzjonalità: Mali

    Numru tal-passaport: B0722922 validu sat-13/08/2018

    Ġeneru: raġel

    Pożizzjoni: President tal-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali (organu leġiżlattiv tat-tranżizzjoni), Kurunell

    Indirizz: Koulouba – Présidence de la République. 00223 BAMAKO

    Malick Diaw huwa membru ewlieni taċ-ċirku intern tal-Kurunell Assimi Goïta. Bħala kap kmandant tat-tielet reġjun militari ta' Kati, kien wieħed mill-istigaturi u l-mexxejja tal-kolp ta' stat tat-18 ta' Awwissu 2020 flimkien mal-Kurunell Maġġur Ismaël Wagué, il-Kurunell Assimi Goïta, il-Kurunell Sadio Camara u l-Kurunell Modibo Koné.

    Għaldaqstant Malick Diaw huwa responsabbli għal azzjonijiet jew politika li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali.

    Malick Diaw huwa wkoll attur ewlieni fil-kuntest tat-Tranżazzjoni, bħala l-President tal-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali (CNT) minn Diċembru 2020.

    Ma sar l-ebda progress sinifikanti mis-CNT fuq il-"missjonijiet" imnaqqxa fil-Karta tat-Tranżizzjoni tal-1 ta' Ottubru 2020 u li suppost kellhom jitlestew fi żmien 18-il xahar, kif jidher min-nuqqas tas-CNT li japprova l-abbozz tal-liġi elettorali. Dan ikkontribwixxa għad-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u b'hekk għat-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Malick Diaw) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-Tranżizzjoni.

    Għaldaqstant, Malick Diaw qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Mali.

    4.2.2022

    2.

    WAGUÉ, Ismaël

    Post tat-twelid: Bamako

    Data tat-twelid: 2. 3. 1975

    Nazzjonalità: Mali

    Numru tal-passaport: passaport diplomatiku AA0193660 validu sal-15.2.2023

    Ġeneru: raġel

    Pożizzjoni: Ministru għar-Rikonċiljazzjoni, Kurunell Maġġur

    Il-Kurunell Maġġur Ismaël Wagué huwa membru ewlieni fiċ-ċirku intern tal-Kurunell Assimi Goïta u kien wieħed mill-atturi ewlenin responsabbli għall-kolp ta' stat ta' Awwissu 2020, flimkien mal-Kurunell Goïta, il-Kurunell Sadio Camara, il-Kurunell Modibo Koné u Malick Diaw.

    Fid-19 ta' Awwissu 2020, huwa ħabbar li l-armata kienet ħadet il-poter, u mbagħad sar kelliem għall-Kumitat Nazzjonali għas-Salvazzjoni tal-Poplu (CNSP).

    Għaldaqstant Ismaël Wagué huwa responsabbli għal azzjonijiet jew politika li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Mali.

    Bħala Ministru għar-Rikonċiljazzjoni fil-gvern ta' Tranżizzjoni minn Ottubru 2020, Ismaël Wagué huwa inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali. Permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu f'Ottubru 2021, huwa kkontribwixxa għall-imblukkar tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Ftehim għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali (Comité de suivi de l'accord, CSA), u għalhekk ukoll tal-implimentazzjoni tal-Ftehim kif previst fl-Artikolu 2 tal-Karta ta' Tranżizzjoni.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Ismaël Wagué) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-Tranżizzjoni.

    Għaldaqstant Ismaël Wagué huwa responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà, u l-istabbiltà tal-Mali, kif ukoll talli ostakola u dgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali.

    4.2.2022

    3.

    MAÏGA, Choguel

    Post tat-twelid: Tabango, Gao, il-Mali

    Data tat-twelid: 31 ta' Diċembru 1958

    Nazzjonalità: Mali

    Numru tal-passaport: Passaport Diplomatiku Nru DA0004473, maħruġ mill-Mali, viża ta' Schengen maħruġa

    Ġeneru: raġel

    Pożizzjoni: Prim Ministru

    Bħala Prim Ministru minn Ġunju 2021, Choguel Maïga jmexxi l-Gvern ta' Tranżizzjoni tal-Mali stabbilit wara l-kolp ta' stat tal-24 ta' Mejju 2021.

    Għall-kuntrarju tal-iskeda għar-riforma u l-elezzjonijiet maqbula preċedentement mal-ECOWAS f'konformità mal-Karta ta' Tranżizzjoni, f'Ġunju 2021 huwa ħabbar l-organizzazzjoni tal-"Assises nationales de la refondation" (ANR) bħala proċess ta' qabel ir-riforma u prekundizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta' Frar 2022.

    Kif imħabbar minn Choguel Maïga nnifsu, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u l-elezzjonijiet ġew posposti. L-ANR, li eventwalment saru f'Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta' żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2025, biex b'hekk l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fil-poter għal aktar minn ħames snin.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż il-Prim Ministru Maïga) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-Tranżizzjoni. L-ECOWAS enfasizzat li l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-Tranżizzjoni u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi.

    Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru, Choguel Maïga huwa direttament responsabbli għall-posponiment tal-elezzjonijiet previsti fil-Karta ta' Tranżizzjoni, u għalhekk qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali, b'mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tal-poter lil awtoritajiet eletti.

    4.2.2022

    4.

    MAÏGA, Ibrahim Ikassa

    Post tat-twelid: Tondibi, reġjun ta' Gao, il-Mali

    Data tat-twelid: 05. 2. 1971

    Nazzjonalità: Mali

    Numru tal-passaport: Passaport diplomatiku maħruġ mill-Mali

    Ġeneru: raġel

    Pożizzjoni: Ministru għar-Rifondazzjoni

    Ibrahim Ikassa Maïga huwa membru tal-kumitat strateġiku tal-M5-RFP (Mouvement du 5 juin-Rassemblement des forces patriotiques), li kellu rwol ewlieni fit-twaqqigħ tal-President Keita.

    Bħala Ministru għar-Rifondazzjoni minn Ġunju 2021, Ibrahim Ikassa Maïga kien fdat bl-ippjanar tal-"Assises nationales de la Refondation" (ANR), imħabbra mill-Prim Ministru Choguel Maiga.

    Għall-kuntrarju tal-iskeda għar-riformi u l-elezzjonijiet preċedentement maqbula mal-ECOWAS f'konformità mal-Karta ta' Tranżizzjoni, l-ANR ġew imħabbra mill-Gvern ta' Tranżizzjoni bħala proċess ta' qabel ir-riforma u prekondizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta' Frar 2022.

    Kif imħabbar minn Choguel Maïga, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u l-elezzjonijiet ġew posposti. L-ANR, li eventwalment saru f'Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta' żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2025, biex b'hekk l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni jkunu jistgħu jibqgħu fil-poter għal aktar minn ħames snin.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Ibrahim Ikassa Maïga) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-Tranżizzjoni. L-ECOWAS enfasizzat li l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-Tranżizzjoni u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi.

    Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru għar-Rifondazzjoni, Ibrahim Ikassa Maïga qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali, b'mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tal-poter lil awtoritajiet eletti.

    4.2.2022

    5.

    DIARRA, Adama Ben

    Magħruf ukoll bħala Ben Le Cerveau

    Post tat-twelid: Kati, il-Mali

    Nazzjonalità: Mali

    Numru tal-passaport: Passaport Diplomatiku maħruġ mill-Mali, viża ta' Schengen maħruġa

    Ġeneru: raġel

    Pożizzjoni: Membru tal-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali (organu leġiżlattiv tat-Tranżizzjoni)

    Adama Ben Diarra, magħruf bħala Camarade Ben Le Cerveau, huwa wieħed mill-mexxejja żgħażagħ tal-M5-RFP (Mouvement du 5 juin-Rassemblement des forces patriotiques), li kellu rwol ewlieni fit-twaqqigħ tal-President Keita. Adama Ben Diarra huwa wkoll il-mexxej ta' Yéréwolo, li hija l-organizzazzjoni prinċipali li tappoġġa lill-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni, u membru tal-Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali (CNT) mit-3 ta' Diċembru 2021.

    Adama Ben Diarra kien qed jippromwovi u jappoġġa b'mod attiv l-estensjoni tat-Tranżizzjoni waqt manifestazzjonijiet politiċi u fuq in-networks soċjali, filwaqt li ddikjara li l-estensjoni ta' ħames snin tal-perijodu ta' tranżizzjoni deċiż mill-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni wara l-"Assises nationales de la Refondation" (ANR) kienet aspirazzjoni profonda tal-poplu ta' Mali.

    Għall-kuntrarju tal-iskeda tar-riformi u l-elezzjonijiet preċedentement maqbula mal-ECOWAS f'konformità mal-Karta ta' Tranżizzjoni, dawn l-ANR ġew imħabbra mill-Gvern ta' Tranżizzjoni bħala proċess ta' qabel ir-riforma u prekondizzjoni għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għas-27 ta' Frar 2022.

    4.2.2022”

    Kif imħabbar minn Choguel Maïga, l-ANR imbagħad ġew posposti diversi drabi u l-elezzjonijiet ġew posposti. L-ANR, li eventwalment saru f'Diċembru 2021, kienu bbojkottjati minn diversi partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet finali tal-ARN, il-Gvern ta' Tranżizzjoni ppreżenta skeda ta' żmien ġdida li tipprevedi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2025, biex b'hekk it-Tranżizzjoni tkun tista' tibqa' fil-poter għal aktar minn ħames snin.

    L-ECOWAS adottat sanzjonijiet individwali kontra l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni (inkluż Adama Ben Diarra) f'Novembru 2021 għad-dewmien tagħhom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-tlestija tat-Tranżizzjoni. L-ECOWAS enfasizzat li l-Awtoritajiet ta' Tranżizzjoni użaw il-ħtieġa li jimplimentaw riformi bħala pretest biex jiġġustifikaw l-estensjoni tat-Tranżizzjoni u biex iżommu lilhom infushom fil-poter mingħajr elezzjonijiet demokratiċi.

    Għaldaqstant Adama Ben Diarra qed jostakola u jdgħajjef it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Mali, b'mod partikolari billi jostakola u jdgħajjef l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u t-trasferiment tal-poter lil awtoritajiet eletti.

    (2)

    L-entrati li ġejjin huma miżjuda fil-lista li tinsab taħt l-intestatura “B. Lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fl-Artikolu 2a, paragrafu 1":

    Top