EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2093

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj

22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 433/11


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/2093

tas-17 ta' Diċembru 2020

li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti fuq terminu medju, it-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jenħtieġ li jiġi stabbilit għal seba' snin li jibdew fl-1 ta' Jannar 2021.

(2)

L-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 jirrikjedi lill-Unjoni biex tipprovdi qafas finanzjarju fit-tul li jwitti t-triq għal tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn futur ekoloġiku u diġitali, li jappoġġa l-awtonomija strateġika aktar fit-tul tal-Unjoni u li jrendiha reżiljenti għal xokkijiet fil-futur.

(3)

Il-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' pagament stabbiliti minn dan ir-Regolament iridu jirrispettaw il-limiti massimi applikabbli għall-impenji u r-riżorsi proprji, li huma stabbiliti f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjaonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (id-"Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji").

(4)

Fejn ikun neċessarju li jiġu mobbilizzati l-garanziji mogħtija skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-assistenza finanzjarja għall-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ("ir-Regolament Finanzjarju"), l-ammont neċessarju jenħtieġ li jiġi mobbilizzat lil hinn mil-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament tal-QFP, filwaqt li jiġi rispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

(5)

Il-QFP jenħtieġ li ma jqisx elementi tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.

(6)

Il-QFP jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2018. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi annwali tal-QFP biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġnijiet disponibbli.

(7)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament tal-QFP. Tali aġġustamenti jistgħu jkunu relatati mal-adozzjoni tard ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża, ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli għal mekkaniżmu għal aġġustament speċifiku tal-programm.

(8)

Jenħtieġ li tiġi implimentata flessibbiltà speċifika u dik massima possibbli biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha f'konformità mal-Artikolu 323 TFUE.

(9)

L-istrumenti speċjali tematiċi li ġejjin huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi jew konsegwenzi speċifiċi mhux previsti u b'hekk il-proċedura baġitarja tkun tista' taħdem mingħajr diffikultà: il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza u r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit. Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza mhijiex immirata biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżijiet relatati mas-suq li jaffettwaw il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola.

(10)

L-istrumenti speċjali mhux tematiċi li ġejjin huma meħtieġa sabiex tkompli tissaħħaħ il-flessibbiltà: l-Istrument ta' Marġini Uniku u l-Istrument ta' Flessibbiltà. L-Istrument ta' Marġini Uniku jenħtieġ li jippermetti t-trasferiment ta' marġnijiet disponibbli taħt il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament bejn is-snin finanzjarji u, fil-każ ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, bejn l-intestaturi tal-QFP, mingħajr ma jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-perijodu sħiħ tal-QFP. L-Istrument ta' Flessibbiltà jenħtieġ li jippermetti l-finanzjament ta' nefqa speċifika mhux prevista għal sena finanzjarja partikolari.

(11)

Jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom, lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.

(12)

Jeħtieġ li tiġi stipulata reviżjoni tal-QFP f'każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet għall-baġit, jew tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru jew tat-tkabbir tal-Unjoni, kif ukoll fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-baġit.

(13)

Jista' jkun meħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jiġi rivedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-QFP. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għar-reviżjoni tal-QFP f'każijiet bħal dawn.

(14)

Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex jiġu ttrattati proġetti kbar li l-ħajja tagħhom tmur sostanzjalment lil hinn mill-perijodu stabbilit għall-QFP. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal dawk il-proġetti biex b'hekk jiġi żgurat li ma jkollhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati minn dak il-baġit.

(15)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja, filwaqt li jiġu rispettati s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') kif stabbilit fit-Trattati kif ukoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza.

(16)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid qabel l-1 ta' Lulju 2025, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jadottawha kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. F'konformità mal-Artikolu 312(4) TFUE, il-limiti massimi li jikkorrispondu mal-aħħar sena tal-QFP stabbilita f'dan ir-Regolament iridu jkomplu japplikaw fil-każ li qafas finanzjarju pluriennali ġdid ma jiġix adottat qabel tmiem it-terminu tal-QFP stabbilit f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Qafas finanzjarju pluriennali

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (QFP).

Artikolu 2

Konformità mal-limiti massimi tal-QFP

1.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ('l-istituzzjonijiet') għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fl-Anness I ("il-limiti massimi tal-QFP").

Is-sublimitu għall-intestatura 3, kif stabbilit fl-Anness I, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li jiġi applikat għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandu jiġi stabbilit fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 8, 9, 10 u 12, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.

Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-Istrument ta' Marġini Uniku kif stabbilit fl-Artikolu 11, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP għal sena partikolari.

3.   Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-ammont neċessarju għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

Artikolu 3

Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji

1.   Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali ta' pagament meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustament jew reviżjoni oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (3), ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata ta' ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ li ġiet adottata f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE ('id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji').

2.   Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi tal-QFP għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

KAPITOLU 2

AĠĠUSTAMENTI GĦALL-QFP

Artikolu 4

Aġġustamenti tekniċi

1.   Kull sena l-Kummissjoni, qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:

(a)

valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri globali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta' pagament;

(b)

kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji;

(c)

kalkolu tal-ammont ta' approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu totali msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2);

(d)

kalkolu tal-aġġustament tal-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet ta' pagament taħt l-Istrument ta' Marġini Uniku kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), kif ukoll tal-ammont massimu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2);

(e)

kalkolu tal-allokazzjonijiet addizzjonali għal programmi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5(1) u r-riżultat tal-aġġustament annwali msemmi fl-Artikolu 5(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta' deflatur fiss ta' 2 % fis-sena.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6 u 7, l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korrezzjonijiet ex post fis-snin sussegwenti.

Artikolu 5

Aġġustament speċifiku għall-programm

1.   Ammont ekwivalenti għad-dħul minn multi imposti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3) u (KE) Nru 139/2004 (4) mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jiddaħħal fil-baġit tas-sena n-1 f'konformità mal-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju, wara li jitnaqqas l-ammont għas-sena n-1 imsemmi fl-Artikolu 141(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5), għandu jkun disponibbli għal allokazzjoni addizzjonali ta':

(a)

approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għall-programmi elenkati fl-Anness II, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk il-programmi fil-kolonna "Koeffiċjent tal-allokazzjoni" tat-tabella fl-Anness II; u

(b)

approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027.

L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għall-perijodu 2022 sa 2027 għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament għandu jkun EUR 11 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Għal kull sena mill-2022 sal-2026, l-ammont annwali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament għandu jkun mill-inqas EUR 1 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018) u m'għandux jaqbeż l-EUR 2 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

L-ammont totali ta' allokazzjonijiet addizzjonali għal approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi fil-perijodu 2022 sa 2027 huwa stabbilit fil-kolonna "Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-Artikolu 5" tat-tabella fl-Anness II.

2.   Il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestaturi rilevanti għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1, f'konformità mal-perċentwali stabbiliti għal dawk l-intestaturi fil-kolonna "Koeffiċjent tad-distribuzzjoni" tat-tabella fl-Anness II. Il-limitu massimu għal approprjazzjonijiet ta' pagament għas-sena n+1, li jibdew għas-sena 2022 u li jintemmu fl-2027, għandhom jiġu awtomatikament aġġustati 'l fuq bl-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet addizzjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Aġġustamenti relatati ma' miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew ma' reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

1.   Fil-każ tat-tneħħija ta' sospensjoni ta' impenji baġitarji dwar fondi tal-Unjoni f'konformità mal-atti bażiċi rilevanti fil-kuntest ta' miżuri marbuta ma' governanza ekonomika tajba jew ma' miżuri adottati skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiġu ttrasferiti għas-snin ta' wara u l-limiti massimi tal-QFP li jikkorrispondu magħhom għandhom jiġu aġġustati skont dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.

3.   L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lilhinn mis-sena n+2.

Artikolu 7

Aġġustament wara regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża

1.   Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2021 ta' regoli jew programmi ġodda b'ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi taħt il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-ammonti li jikkorrispondu għall-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 għandhom jiġu trasferiti fi proporzjonijiet indaqs għal kull sena mill-2022 sal-2025, u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultat ta' kwalunkwe aġġustament tekniku skont il-paragrafu 1.

KAPITOLU 3

STRUMENTI SPEĊJALI

TAQSIMA 1

Strumenti speċjali tematiċi

Artikolu 8

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

1.   Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 186 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

2.   L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

Artikolu 9

Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza

1.   Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza tista' tintuża biex jiġu ffinanzjati:

(a)

assistenza biex jingħata rispons għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri kbar li huma koperti mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (6); u

(b)

risponsi rapidi għal ħtiġijiet speċifiċi ta' emerġenza fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi wara avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti meta ġie stabbilit il-baġit, b'mod partikolari għal operazzjonijiet ta' rispons u ta' appoġġ ta' emerġenza wara diżastri naturali mhux koperti mill-punt (a), diżastri kkawżati mill-bniedem, kriżijiet umanitarji f'każijiet ta' theddid għas-saħħa pubblika, theddid veterinarju jew theddid fitosanitarju fuq skala kbira, kif ukoll f'sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni li tirriżulta mill-flussi migratorji, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu dan.

2.   Ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma għandhiex taqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 1 200 miljun (fi prezzijiet tal-2018). Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista' jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.

3.   L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

4.   Fl-1 ta' Ottubru ta' kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali msemmi fil-paragrafu 2 għandu jibqa' disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, jistgħu jiġu mobilizzati l-perċentwali massimi li ġejjin tal-ammont ġenerali disponibbli sal-1 ta' Settembru ta' kull sena:

50 % għal assistenza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1; l-ammont li jirriżulta minn dak il-kalkolu għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont mobilizzat fis-sena preċedenti fl-applikazzjoni tal-paragrafu 5;

35% għal assistenza lil pajjiżi terzi skont il-punt (b) tal-paragrafu 1;

15% għal assistenza fl-Unjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, mill-1 ta' Settembru ta' kull sena, il-parti li jifdal mill-ammont disponibbli tista' tintuża għal kwalunkwe assistenza msemmija fit-tieni subparagrafu biex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jirriżultaw sa tmiem dik is-sena.

5.   F'każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammonti meqjusa neċessarji għall-assistenza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 fis-sena meta jkun seħħ diżastru, kif imsemmi f'dak il-punt, il-Kummissjoni tista' tipproponi li d-differenza tiġi ffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għar-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza fis-sena ta' wara, sa ammont massimu ta' EUR 400 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

Artikolu 10

Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit

1.   Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandha tipprovdi assistenza biex jingħelbu konsegwenzi mhux previsti u avversi fl-Istati Membri u fis-setturi li huma l-aktar affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-istrument rilevanti u f'konformità magħhom.

2.   Ir-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit ma għandhiex taqbeż ammont ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

3.   L-approprjazzjonijiet għar-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

TAQSIMA 2

Strumenti speċjali mhux tematiċi

Artikolu 11

Strument ta' Marġini Uniku

1.   L-Istrument ta' Marġini Uniku għandu jinkludi:

(a)

mill-2022, ammonti li jikkorrispondu għal marġnijiet li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn tas-sena n-1, li għandhom isiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2022 sa 2027;

(b)

mill-2022, ammonti ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1 biex jiġi aġġustat 'il fuq il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin 2022 sa 2027; u

(c)

ammonti addizzjonali li jistgħu jsiru disponibbli lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP f'sena partikolari għal approprjazzjonijiet ta' impenn jew ta' pagament, jew it-tnejn li huma, skont il-każ, dment li jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet f'intestatura waħda jew aktar tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew is-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u jiġu kkumpensati kollha mal-marġnijiet taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għas-snin finanzjarji futuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' pagament.

L-ammonti jistgħu jiġu mobilizzati biss taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu jekk l-ammonti disponibbli skont il-punti (a) u (b) ta' dak is-subparagrafu, skont kif ikun applikabbli, ma jkunux suffiċjenti, u fi kwalunkwe każ bħala l-aħħar soluzzjoni bħala rispons għal ċirkostanzi mhux previsti.

Rikors għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jirriżulta f'sitwazzjoni fejn jinqabżu l-ammonti totali tal-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għas-sena finanzjarja attwali u s-snin finanzjarji futuri. Għalhekk, kwalunkwe ammont ikkumpensat f'konformità ma' dak il-punt ma għandux jiġi mobbilizzat aktar fil-kuntest tal-QFP.

2.   Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku skont il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, total ta':

(a)

0,04 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' impenn, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4;

(b)

0,03 % tad-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni f'approprjazzjonijiet ta' pagament, kif ikkalkulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP imsemmi fl-Artikolu 4.

Rikors għall-Istrument ta' Marġini Uniku fi kwalunkwe sena partikolari għandu jkun konsistenti mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

3.   L-aġġustamenti annwali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2018) għas-snin 2025 sa 2027 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-snin rilevanti:

2025 - EUR 8 000 miljun;

2026 - EUR 13 000 miljun;

2027 - EUR 15 000 miljun.

L-ammonti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) għandhom ikunu flimkien mal-ammonti massimi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Kwalunkwe aġġustament 'il fuq għandu jiġi kkumpensat kollu bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1.

4.   L-ammonti msemmija fil-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu mobilizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE biex jippermettu l-finanzjament ta' nefqa li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi rilevanti tal-QFP disponibbli f'sena partikolari.

L-aġġustament 'il fuq imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jitwettaq mill-Kummissjoni, li jibda fl-2022, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 12

Strument ta' Flessibbiltà

1.   L-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jintuża għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta' nefqa speċifika mhux prevista f'approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-limiti massimi disponibbli ta' intestatura waħda oħra jew aktar. Il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jkun ta' EUR 915-il miljun (fi prezzijiet tal-2018).

2.   Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi użat sas-sena n+2. Kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin ta' qabel għandu jintuża l-ewwel, skont l-età tiegħu. Kwalnukwe porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax sas-sena n+2 għandu jiskadi.

KAPITOLU 4

REVIŻJONI TAL-QFP

Artikolu 13

Reviżjoni tal-QFP

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2) u l-Artikoli 14 sa 17, f'każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.

2.   Bħala regola ġenerali, kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.

3.   Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b'referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet.

4.   Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha tqis il-possibbiltà ta' tpaċija għal kwalunkwe żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.

5.   Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament.

Artikolu 14

Reviżjoni relatata mal-implimentazzjoni

Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi għall-QFP, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet ta' pagament totali li din tkun tqis neċessarja, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tiżgura ġestjoni tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali, u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn.

Artikolu 15

Reviżjoni fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati

Fil-każ ta' reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.

Artikolu 16

Reviżjoni fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni

Fil-każ ta' adeżjoni jew adeżjonijiet mal-Unjoni, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.

Artikolu 17

Reviżjoni fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru

Fil-każ tar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jitqies il-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.

KAPITOLU 5

KONTRIBUZZJONI GĦALL-FINANZJAMENT TA' PROĠETTI FUQ SKALA KBIRA

Artikolu 18

Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira

1.   Ammont massimu ta' EUR 13 202 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għal proġetti fuq skala kbira skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Programm Spażjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali.

2.   Ammont massimu ta' EUR 5 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għall-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).

KAPITOLU 6

KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FIL-PROĊEDURA BAĠITARJA

Artikolu 19

Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja

1.   L-Istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.

2.   L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta' kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta' konverġenza.

3.   L-Istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Jistgħu jiġu organizzati trilogi f'kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tagħha stess, għandha tiddeżinja l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.

Artikolu 20

Unità tal-Baġit

In-nefqa kollha u d-dħul kollu tal-Unjoni u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluż in-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss

Qabel l-1 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)  L-approvazzjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġunrnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1 ).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p.1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p.1).

(5)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).


ANNESS I

IL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-27)

(EUR miljun - prezzijiet tal-2018)

Approprjazzjonijiet ta' impenn

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total

2021-2027

1.

Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

19 712

19 666

19 133

18 633

18 518

18 646

18 473

132 781

2.

Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri

49 741

51 101

52 194

53 954

55 182

56 787

58 809

377 768

2a.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

45 411

45 951

46 493

47 130

47 770

48 414

49 066

330 235

2b.

Reżiljenza u valuri

4 330

5 150

5 701

6 824

7 412

8 373

9 743

47 533

3.

Riżorsi naturali u Ambjent

55 242

52 214

51 489

50 617

49 719

48 932

48 161

356 374

li minnhom: Nefqa marbuta mas-suq u pagamenti diretti

38 564

38 115

37 604

36 983

36 373

35 772

35 183

258 594

4.

Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

2 324

2 811

3 164

3 282

3 672

3 682

3 736

22 671

5.

Sigurtà u Difiża

1 700

1 725

1 737

1 754

1 928

2 078

2 263

13 185

6.

Il-Viċinat u d-Dinja

15 309

15 522

14 789

14 056

13 323

12 592

12 828

98 419

7.

Amministrazzjoni pubblika Ewropea

10 021

10 215

10 342

10 454

10 554

10 673

10 843

73 102

li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet

7 742

7 878

7 945

7 997

8 025

8 077

8 188

55 852

TOTAL TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

154 049

153 254

152 848

152 750

152 896

153 390

155 113

1 074 300

TOTAL TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' PAGAMENT

156 557

154 822

149 936

149 936

149 936

149 936

149 936

1 061 058


ANNESS II

AĠĠUSTAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-PROGRAMM – LISTA TA' PROGRAMMI, KOEFFIĊJENT TAD-DISTRIBUZZJONI U ALLOKAZZJONI ADDIZZJONALI TOTALI TA' APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN

(f'EUR miljuni, prezzijiet tal-2018)

 

Koeffiċjent tad-distribuzzjoni

Allokazzjoni addizzjonali totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn skont l-Artikolu 5

1.

Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

36,36 %

4 000

Orizzont Ewropa

27,27 %

3 000

Fond InvestEU

9,09 %

1 000

2b.

Reżiljenza u Valuri

54,55 %

6 000

Programm l-UE għas-Saħħa

26,37 %

2 900

Erasmus+

15,46 %

1 700

Ewropa Kreattiva

5,45 %

600

Drittijiet u Valuri

7,27 %

800

4.

Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri

9,09 %

1 000

Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

9,09 %

1 000

TOTAL

100,00 %

11 000


Top