This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R0279
Commission Regulation (EU) 2020/279 of 27 February 2020 amending Annex II to Regulation (EC) No 1333/2008 of the European Parliament and of the Council as regards the use of soybean hemicellulose (E 426) (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/279 tas-27 ta’ Frar 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/279 tas-27 ta’ Frar 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2020/1064
ĠU L 59, 28.2.2020, p. 6–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 59/6 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/279
tas-27 ta’ Frar 2020
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
(2) |
Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni. |
(3) |
Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-emiċelluloża tas-sojja (E426) attwalment hija awtorizzata biex tintuża bħala addittiva tal-ikel f’diversità kbira ta’ oġġetti tal-ikel b’livelli massimi li jvarjaw bejn 1 500 u 30 000 mg/kg. |
(4) |
Fis-16 ta’ Awwissu 2017, tressqet applikazzjoni biex l-użu tal-emiċelluloża tas-sojja (E426) jiġi estiż biex tkun tista’ tintuża bħala stabbilizzatur fil-prodotti tal-ħalib iffermentat aromatizzati u fix-xarbiet aromatizzati. Wara dan, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008. |
(5) |
Meta tintuża bħala stabbilizzatur fil-prodotti tal-ħalib iffermentat aromatizzati u fix-xarbiet aromatizzati, l-emiċelluloża tas-sojja (E 426) tipprevjeni l-agglomerazzjoni u l-preċipitazzjoni tal-proteini u s-separazzjoni tal-fażijiet f’kundizzjonijiet aċidużi. |
(6) |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. |
(7) |
Fl-14 ta’ Marzu 2017, l-Awtorità ppubblikat Opinjoni Xjentifika li reġgħet evalwat is-sikurezza tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426), bħala addittiv tal-ikel (3). L-Awtorità kkonkludiet li jkun improbabbli ħafna li jkun hemm tħassib dwar l-użu attwali tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) bħala addittiv tal-ikel fir-rigward tas-saħħa, u li mhuwiex meħtieġ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku. Din il-konklużjoni tintuża għal sustanzi li jkunu ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sikurezza u biss jekk tkun teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità, u l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bnedmin f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali tkun żgħira (4). |
(8) |
Il-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tiddefixxi l-gruppi kollha tal-addittivi. B’mod ġenerali, fil-Grupp I tal-Parti C hemm elenkati l-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u s-sustanzi li jagħtu l-ħlewwa, li ma hemmx bżonn ta’ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku għalihom, u li huma awtorizzati biex jintużaw f’għadd kbir ta’ oġġetti tal-ikel konformi mal-prinċipju ta’ quantum satis iddefinit fl-Artikolu 3(2)(h) ta’ dak ir-Regolament. |
(9) |
Ir-riżultat tal-valutazzjoni tas-sigurtà tal-emiċelluloża tas-sojja(E 426) jippermetti li dan jiddaħħal fil-Grupp I tal-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Billi, skont il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-użu tal-addittivi fil-Grupp I huwa diġà permess fil-prodotti tal-ħalib iffermentat u fix-xarbiet aromatizzati, jekk tiddaħħal l-emiċelluloża tas-sojja (E426) fil-Grupp I, dan ikun jindirizza l-estenzjoni tal-użu mitluba. Jekk l-emiċelluloża tas-sojja (E426) tiddaħħal fil-Grupp I, dan ikun ukoll qed jirrendi l-entrati eżistenti dwar l-emiċelluloża tas-sojja (E 426) fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 żejda, billi l-użu tal-addittivi tal-Grupp I huwa permess fil-kategoriji tal-ikel kollha kkonċernati, u għaldaqstant jenħtieġ li dawn l-entrati jitħassru. Bl-istess mod, jenħtieġ li r-referenza li hemm għal-livell massimu tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426) fil-parti introduttorja dwar il-kategorija 17 tal-ikel (Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)) fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 titħassar, billi fil-Grupp I, l-emiċelluloża tas-sojja (E 426) se tkun awtorizzata skont il-prinċipju quantum satis. |
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).
(3) EFSA Journal 2017; 15(3):4721.
(4) EFSA Journal 2014;12(6):3697, Statement on a conceptual framework for the risk assessment of certain food additives re-evaluated under Commission Regulation (EU) No 257/2010.
(5) Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).
ANNESS
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fil-Grupp I tal-Parti C, l-entrata li ġejja għall-E 426 tiddaħħal wara l-entrata għall-E 425:
|
(2) |
il-Parti E hija emendata kif ġej:
|