Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0268

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/268 tas-26 ta’ Frar 2020 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu sorbiku (E 200) fil-preparati tal-kulur likwidi għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/1029

    ĠU L 56, 27.2.2020, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/268/oj

    27.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 56/4


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/268

    tas-26 ta’ Frar 2020

    li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu sorbiku (E 200) fil-preparati tal-kulur likwidi għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-addittivi tal-ikel, fl-aromatizzanti u fin-nutrijenti tal-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

    (3)

    Skont il-Parti 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-aċidu sorbiku (E 200) huwa diġà awtorizzat bħala addittiv tal-ikel fil-preparati tal-kulur f’livell massimu ta’ 1 500 mg/kg fil-preparazzjoni, waħdu jew flimkien mas-sorbat tal-potassju (E 202), mal-aċidu benżojku (E 210), mal-benżoat tas-sodju (E 211) u mal-benżoat tal-potassju (E 212), f’livell massimu ta’ 15 mg/kg fil-prodott finali, espress bħala aċidu liberu.

    (4)

    Fis-27 ta’ April 2017 tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ użu fil-livell ogħla ta’ 2 500 mg/kg tal-aċidu sorbiku (E 200) fil-preparati tal-kulur likwidi li jinbiegħu lill-konsumaturi finali għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd. Wara dan, il-Kummissjoni qiegħdet l-applikazzjoni għad-disponibbiltà tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (5)

    L-aċidu sorbiku (E 200) jintuża bħala preservattiv fil-preparati tal-kulur. L-applikant wera li l-livell massimu attwalment awtorizzat ta’ 1 500 mg/kg ta’ aċidu sorbiku (E 200) fil-preparati tal-kulur mhuwiex biżżejjed biex jiżgura l-preżervazzjoni xierqa b’mod konsistenti, u b’konsegwenza ta’ dan lanqas ma jiżgura s-sikurezza mikrobijoloġika tal-preparati tal-kulur likwidi għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd. Dan minħabba l-użu ta’ kuluri tal-ikel ta’ oriġini naturali fil-preparati, li ma jkunux sterili, u minħabba ż-żmien tal-ħżin meħtieġ għal dan il-prodott b’użu staġjonali. L-applikazzjoni turi li l-livell ta’ aċidu sorbiku (E 200) meħtieġ biex tinkiseb il-funzjoni teknoloġika li hemm bżonn huwa ta’ 2 500 mg/kg fil-preparati tal-kulur. Minn testijiet li wettaq l-applikant jirriżulta li fl-użu normali (il-kolorazzjoni ta’ bajd bi ftit li xejn ħsara, jew mingħajr ebda ħsara) il-migrazzjoni tal-aċidu sorbiku (E 200) mill-qxur tal-bajd għal ġol-parti tal-bajd li tittiekel issir b’livell inqas minn dak tad-detezzjoni li hu ta’ 5 mg/kg. B’hekk, skont l-applikazzjoni, il-livell ogħla ta’ aċidu sorbiku (E 200) mitlub fil-preparati tal-kulur likwidi għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd ma jwassalx għal żieda fl-esponiment tal-konsumaturi għall-aċidu sorbiku (E 200).

    (6)

    Fit-30 ta’ Ġunju 2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet Opinjoni Xjentifika dwar ir-rivalwazzjoni ta’, fost affarijiet oħra, l-aċidu sorbiku (E 200) u s-sorbat tal-potassju (E 202) (3), li bħala riżultat tagħha stabbilixxiet grupp temporanju ġdid ta’ konsum aċċettabbli ta’ kuljum (“ADI”) għall-aċidu sorbiku (E 200) u għas-sorbat tal-potassju (E 202), espress bħala 3 mg għal kull kg ta’ piż kuljum. L-Awtorità kkonkludiet li dan l-ADI għall-grupp temporanju tal-aċidu sorbiku (E 200) u tas-sorbat tal-potassju (E 202) kien inqabeż fil-livell għoli tal-konsum fil-popolazzjonijiet tat-trabi li telqu jimxu u tat-tfal f’pajjiż wieħed. L-Awtorità rrikkmandat li jsir studju ieħor dwar it-tossiċità riproduttiva biex jitqies mill-ġdid l-ADI għall-grupp temporanju tal-aċidu sorbiku (E 200) u tas-sorbat tal-potassju (E 202).

    (7)

    Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għad-data xjentifika u teknoloġika dwar, fost l-oħrajn, l-aċidu sorbiku (E 200) u s-sorbat tal-potassju (E 202) (4), li għandha fil-mira l-bżonnijiet tad-data identifikati mill-Awtorità. L-operaturi kummerċjali wettqu l-istudju rakkomandat mill-Awtorità dwar it-tossiċità riproduttiva fil-firien għall-aċidu sorbiku (E 200) u għas-sorbat tal-potassju (E 202), u bagħtu d-data li rriżultat minn dan l-istudju lill-Awtorità biex tevalwaha. B’riżultat ta’ dan, fl-1 ta’ Marzu 2019 l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika fuq is-segwitu tar-rivalwazzjoni tal-aċidu sorbiku (E 200) u tas-sorbat tal-potassju (E 202) bħala addittivi tal-ikel (5). Abbażi tad-data l-ġdida dwar it-tossiċità riproduttiva, l-Awtorità stabbilixxiet ADI għall-grupp espress bħala 11 mg għal kull kg ta’ piż kuljum għall-aċidu sorbiku (E 200) u għas-sorbat tal-potassju (E 202). L-Awtorità qabblet dan l-ADI il-ġdid tal-grupp max-xenarju l-aktar realistiku tal-esponiment li kien stmat fl-Opinjoni Xjentifika tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2015, u osservat li dan l-esponiment ma kienx jaqbeż l-ADI tal-grupp f’ebda grupp tal-popolazzjoni, la fil-livell medju u lanqas fil-livell għoli ta’ konsum.

    (8)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

    (9)

    L-użu estiż tal-aċidu sorbiku (E 200) fil-preparati tal-kulur likwidi għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd mitlub mill-applikant jeħtieġ aġġornament tal-lista tal-Unjoni. L-użu estiż tal-aċidu sorbiku (E 200) ma jwassalx għal żieda fl-esponiment għall-aċidu sorbiku (E 200) u x’aktarx li ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, skont l-Awtorità, l-esponiment għall-aċidu sorbiku (E 200) u għas-sorbat tal-potassju (E 202) bl-użi u bil-livelli tal-użu li huma diġà awtorizzati mhuwiex ta’ tħassib rigward is-sikurezza, billi ma jwassalx li jinqabeż l-ADI. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

    (10)

    Għalhekk jixraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-aċidu sorbiku (E 200) bħala preservattiv fil-preparati tal-kulur likwidi għall-bejgħ lill-konsumaturi finali għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd fil-livell massimu ta’ 2 500 mg/kg fil-preparat.

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2015;13(6):4144.

    (4)  http://ec.europa.eu/food/safety/food_improvement_agents/additives/re-evaluation_en.

    (5)  EFSA Journal 2019;17(3):5625.


    ANNESS

    Fil-Parti 2 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrati tal-addittivi tal-ikel “E 200-202 Aċidu sorbiku - sorbat tal-potassju”, “E-210 Aċidu benżojku”, “E 211 Benzoat tas-sodju” u “E 212 Benżoat tal-potassju”:

    “E 200

    Aċidu sorbiku

    2 500 mg/kg fil-preparat

    Preparati tal-kulur likwidi għall-bejgħ lill-konsumaturi finali għad-dekorazzjoni bil-kulur tal-qxur tal-bajd”


    Top