EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020L0876

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/876 tal-24 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu differiti ċerti limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19

ST/8498/2020/INIT

ĠU L 204, 26.6.2020, p. 46–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/876/oj

26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/46


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2020/876

tal-24 ta’ Ġunju 2020

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu differiti ċerti limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-riskji serji għas-saħħa pubblika u problemi oħra kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll miżuri ta' lockdown imposti mill-Istati Membri biex irażżnu l-pandemija, kellhom effett ta' tfixkil sinifikanti fuq il-kapaċità tan-negozji u tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li jwettqu wħud mill-obbligi tagħhom skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (3).

(2)

Għadd ta' Stati Membri u persuni soġġetti li jirrappurtaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2011/16/UE talbu differiment ta' ċerti limiti ta' żmien stabbiliti f'dik id-Direttiva. Dawk il-limiti ta' żmien jikkonċernaw l-iskambji awtomatiċi tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom ikunu residenti għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru ieħor u dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli li jkun fihom mill-inqas waħda mill-karatteristiċi distintivi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/16/UE ("arranġamenti transkonfinali rapportabbli").

(3)

It-tfixkil serju kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fl-attivitajiet ta' ħafna istituzzjonijiet finanzjarji u ta' persuni soġġetti li jirrappurtaw l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli jxekkel il-konformità f'waqtha mal-obbligi ta' rappurtar tagħhom skont id-Direttiva 2011/16/UE. L-istituzzjonijiet finanzjarji bħalissa qed jiffaċċjaw kompiti urġenti relatati mal-pandemija tal-COVID-19.

(4)

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-persuni soġġetti li jirrappurtaw qed jiffaċċjaw tfixkil serju marbut max-xogħol, primarjament minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol mill-bogħod minħabba l-lockdown fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Bl-istess mod, il-kapaċità tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri biex jiġbru u jipproċessaw id-data ġiet affettwata b'mod negattiv.

(5)

Din is-sitwazzjoni teħtieġ rispons urġenti u kkoordinat, sa fejn hu possibbli, fi ħdan l-Unjoni. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw l-opzjoni li jiddiferixxu l-limitu ta' żmien għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji li l-benefiċjarji tagħhom huma residenti għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru ieħor sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw il-limiti ta' żmien nazzjonali tagħhom għall-preżentazzjoni ta' tali informazzjoni mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw ukoll l-opzjoni li jiddiferixxu l-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli.

(6)

Id-differiment tal-limiti ta' żmien ("differiment") għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali u jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita mid-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, huwa neċessarju li d-differiment jiġi limitat u jibqa' proporzjonat għad-diffikultajiet prattiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

(7)

Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, u peress li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' din id-Direttiva jistgħu jkomplu jeżistu għal ċertu żmien, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà ta' estensjoni fakultattiva waħda tal-perijodu tad-differiment. Din l-estensjoni jenħtieġ li sseħħ biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti b'din id-Direttiva jiġu sodisfatti.

(8)

Minħabba l-impatt sinifikanti tat-tfixkil ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fuq il-baġits, ir-riżorsi umani u l-funzjonament tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, jenħtieġ li tingħata s-setgħa lill-Kunsill biex jiddeċiedi b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex jestendi il-perijodu tad-differiment.

(9)

Jenħtieġ li kwalunkwe differiment ma jaffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu ta' rappurtar u tal-iskambju ta' informazzjoni skont id-Direttiva 2011/16/UE u jenħtieġ li jiġi żgurat li l-ebda informazzjoni li ssir rapportabbli matul il-perijodu tad-differiment tibqa' mhux irrappurtata jew mhux skambjata.

(10)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID‐19, il-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata magħha u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/16/UE tiġi emendata skont dan.

(12)

Peress li l-Istati Membri jeħtieġ li jaġixxu f'perijodu ta' żmien qasir ħafna biex jiddiferixxu l-limiti ta' żmien li nkella jsiru applikabbli skont id-Direttiva 2011/16/UE, din id-Direttiva jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b'urġenza,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fi d-Direttiva 2011/16/UE, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin::

"Artikolu 27a

Differiment fakultattiv ta' limiti ta' żmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19

1.   Minkejja l-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli kif speċifikati fl-Artikolu 8ab(12), l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-intermedjarji u l-kontribwenti rilevanti jippreżentaw, sat-28 ta' Frar 2021, informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli li l-ewwel pass tagħhom ġie implimentat bejn il-25 ta' Ġunju 2018 u t-30 ta' Ġunju 2020.

2.   Meta l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kif imsemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jippermettu li:

(a)

minkejja l-Artikolu 8ab(18), l-ewwel informazzjoni tiġi komunikata sat-30 ta' April 2021;

(b)

il-perijodu ta' 30 jum għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8ab(1) u (7) jibda sal-1 ta' Jannar 2021 meta:

(i)

arranġament transkonfinali rapportabbli jsir disponibbli għall-implimentazzjoni, jew ikun lest għall-implimentazzjoni, jew meta l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tiegħu jkun sar bejn l-1 ta' Lulju 2020 u l-31 ta' Diċembru 2020; jew

(ii)

l-intermedjarji skont it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-punt 21 tal-Artikolu 3 jipprovdu, direttament jew permezz ta' persuni oħra, għajnuna, assistenza jew konsulenza bejn l-1 ta' Lulju 2020 u l-31 ta' Diċembru 2020;

(c)

fil-każ ta' arranġamenti kummerċjabbli, l-ewwel rapport perjodiku f'konformità mal-Artikolu 8ab(2) isir mill-intermedjarju sat-30 ta' April 2021.

3.   Minkejja l-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6), l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3a) li tirrigwarda s-sena kalendarja 2019 jew perijodu ta' rappurtar xieraq ieħor issir fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tas-sena kalendarja 2019 jew il-perijodu ta' rappurtar xieraq l-ieħor.

Artikolu 27b

Estensjoni tal-perijodu ta' differiment

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jieħu deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex jestendi bi tliet xhur il-perijodu ta' differiment tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 27a, dment li jibqgħu jeżistu riskji serji għas-saħħa pubblika, problemi u tfixkil ekonomiku kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u l-Istati Membri japplikaw miżuri ta' lockdown.

2.   Il-proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill mill-anqas xahar qabel ma tagħlaq l-iskadenza rilevanti."

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Opinjoni tal-14 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-14 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).


Top