Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1085

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1085 tal-25 ta' Ġunju 2019 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 1-metilċiklopropen skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    ĠU L 171, 26.6.2019, p. 110–114 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1085/oj

    26.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 171/110


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1085

    tal-25 ta' Ġunju 2019

    li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 1-metilċiklopropen skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) flimkien mal-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/19/KE (2) inkludiet il-1-metilċiklopropen bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

    (2)

    Is-sustanzi attivi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

    (3)

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva 1-metilċiklopropen, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-31 ta' Ottubru 2019.

    (4)

    Ġiet ippreżentata applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-1-metilċiklopropen skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu taż-żmien previst f'dak l-Artikolu.

    (5)

    L-applikant ippreżenta l-fajls addizzjonali meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta.

    (6)

    L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u fit-28 ta' April 2017 bagħtu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem, “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni.

    (7)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità ppubblikat ukoll is-sommarju tal-fajl addizzjonali.

    (8)

    Fit-28 ta' Mejju 2018, l-Awtorità bagħtet il-konklużjoni (6) tagħha lill-Kummissjoni dwar jekk il-1-metilċiklopropen jistax jiġi mistenni jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jew le. Fit-12 u fit-13 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport dwar it-tiġdid tal-1-metilċiklopropen lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (9)

    Fir-rigward tal-kriterji l-ġodda biex jiġu identifikati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li daħħal ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 (7), fil-konklużjoni tagħha, l-Awtorità tindika li l-probabbiltà li l-1-metilċiklopropen ifixkel is-sistema endokrinali permezz tal-modalitajiet estroġeniċi, androġeniċi, tirojdoġeniċi u sterojdoġeniċi hija remota ħafna. Abbażi tad-data u l-għarfien attwali disponibbli (8), l-Awtorità tikkonkludi li l-1-metilċiklopropen x'aktarx li ma għandux proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-1-metilċiklopropen ma jridx jitqies li għandu proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali.

    (10)

    Dwar l-użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih il-1-metilċiklopropen, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

    (11)

    Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 ta' dak ir-Regolament, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, huwa xieraq li tinżamm ir-restrizzjoni tal-użu bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti għall-ħżin ta' wara l-ħsad f'imħażen li jistgħu jiġu ssiġillati biss.

    (12)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 (9) elenka l-1-metilċiklopropen bħala kandidat għas-sostituzzjoni abbażi tal-fatt li d-Doża Aċċettabbli ta' Kuljum hija ħafna aktar baxxa minn dik tal-maġġoranza tas-sustanzi attivi approvati fi ħdan il-grupp ta' sustanzi jew ta' kategoriji ta' użu rispettivi tiegħu.

    (13)

    Abbażi tad-data tossikoloġika ġdida pprovduta fil-fajl għall-proċess ta' tiġdid, l-Awtorità kkonkludiet favur żieda sinifikanti tad-Doża Aċċettabbli ta' Kuljum. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-1-metilċiklopropen ma jissodisfax il-kriterji elenkati fil-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u għalhekk, l-1-metilċiklopropen ma għadux jissodisfa l-kriterji biex jitqies bħala kandidat għas-sostituzzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-1-metilċiklopropen jitħassar mill-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/408.

    (14)

    Għalhekk huwa xieraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-1-metilċiklopropen.

    (15)

    Skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 13(4) tiegħu, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif xieraq.

    (16)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1262 (10) estenda d-data ta' skadenza tal-1-metilċiklopropen sal-31 ta' Ottubru 2019 biex jippermetti li l-proċess tat-tiġdid jitlesta qabel ma tiskadi l-approvazzjoni ta' dik is-sustanza. Billi ttieħdet deċiżjoni favur it-tiġdid qabel din id-data ta' skadenza mtawla, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Awwissu 2019.

    (17)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva 1-metilċiklopropen, kif speċifikat fl-Anness I, hija mġedda skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-istess Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Emenda għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/408

    L-entrata għall-1-metilċiklopropen titħassar mill-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/408.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/19/KE tal-14 ta' Frar 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-1-methylcyclopropene bħala sustanza attiva (ĠU L 44, 15.2.2006, p. 15).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

    (6)  EFSA Journal 2018;16(7):5308. Tinsab fuq: www.efsa.europa.eu EFSA (European Food Safety Authority), 2018. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance 1-methylcyclopropene.

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta' April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33).

    (8)  Qafas Kunċettwali tal-OECD, kif analizzat fl-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar il-valutazzjoni tal-periklu tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, il-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA, 2013.

    (9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU L 67, 12.3.2015, p. 18).

    (10)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1262 tal-20 ta' Settembru 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-metilċiklopropen, beta-ċiflutrin, klorotalonil, klorotoluron, klomażon, ċipermetrina, daminożid, deltametrina, dimetenammid-p, diuron, fludioksonil, flufenaċet, flurtamon, fostijażat, indoksakarb, MCPA, MCPB, prosulfokarb, tijofanat-metil u tribenuron (ĠU L 238, 21.9.2018, p. 62).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    1-metilċiklopropen

    Nru tal-CAS 3100-04-7

    Nru tas-CIPAC 767

    1-metilċiklopropen

    ≥ 980 g/kg (konċentrat tekniku)

    L-impuritajiet li ġejjin huma ta' tħassib tossikoloġiku u ma għandhomx jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku (konċentrat tekniku):

    1-kloro-2-metilpropen: massimu ta' 0,2 g/kg,

    3-kloro-2-metilpropen: massimu ta' 0,2 g/kg.

    Għall-1-metilċiklopropen iġġenerat in situ, l-Ettan u l-metilċikloeżan huma impuritajiet tossikoloġikament rilevanti. Dawn l-impuritajiet jenħtieġ li jibqgħu taħt l-10 %.

    L-1 ta' Awwissu 2019

    Il-31 ta' Lulju 2034

    Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti għall-ħżin wara l-ħsad f'imħażen li jistgħu jiġu ssiġillati.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport dwar it-tiġdid għall-1-metilċiklopropen, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport dwar it-tiġdid.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A titħassar l-entrata 117 dwar il-1-metilċiklopropen;

    (2)

    fil-Parti B, tiżdied l-entrata li ġejja:

    Nru

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “136

    1-metilċiklopropen

    Nru tal-CAS 3100-04-7

    Nru tas-CIPAC 767

    1-metilċiklopropen

    ≥ 980 g/kg (konċentrat tekniku)

    L-impuritajiet li ġejjin huma ta' tħassib tossikoloġiku u ma għandhomx jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku (konċentrat tekniku):

    1-kloro-2-metilpropen: massimu ta' 0,2 g/kg,

    3-kloro-2-metilpropen: massimu ta' 0,2 g/kg.

    Għall-1-metilċiklopropen iġġenerat in situ, l-Ettan u l-metilċikloeżan huma impuritajiet tossikoloġikament rilevanti. Dawn l-impuritajiet jenħtieġ li jibqgħu taħt l-10 %.

    L-1 ta' Awwissu 2019

    Il-31 ta' Lulju 2034

    Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti għall-ħżin wara l-ħsad f'imħażen li jistgħu jiġu ssiġillati.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport dwar it-tiġdid għall-1-metilċiklopropen, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport dwar it-tiġdid.


    Top