Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0891

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/891 tat-28 ta' Mejju 2019 li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassi funzjonali “stabilizzaturi” u l-użu tal-lattat ferruż (E 585) fuq il-faqqiegħ Albatrellus ovinus bħala ingredjent tal-ikel fil-pâtés tal-fwied Żvediżi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/3853

    ĠU L 142, 29.5.2019, p. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/891/oj

    29.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 142/54


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/891

    tat-28 ta' Mejju 2019

    li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-klassi funzjonali “stabilizzaturi” u l-użu tal-lattat ferruż (E 585) fuq il-faqqiegħ Albatrellus ovinus bħala ingredjent tal-ikel fil-pâtés tal-fwied Żvediżi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi r-regoli dwar l-addittivi tal-ikel, il-klassijiet funzjonali tagħhom u jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel.

    (2)

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula l-klassijiet funzjonali tal-addittivi tal-ikel fl-ikel u tal-addittivi tal-ikel fl-addittivi tal-ikel u fl-enżimi tal-ikel.

    (3)

    Il-progress xjentifiku u l-iżvilupp teknoloġiku ppermettew fehim aħjar tal-funzjoni teknoloġika tal-addittiv tal-ikel “il-lattat ferruż (E 585)”. Meta applikat fuq il-faqqiegħ Albatrellus ovinus, il-lattat ferruż ma jagħtix il-kulur waħdu, u lanqas ma jintensifika l-lewn eżistenti tal-Albatrellus oenfvinus. Dan jaffettwa u jbiddel il-kulur tal-Albatrellus ovinus (minn abjad għal skur) billi jirreaġixxi ma' ċerti komponenti tat-tessut tal-faqqiegħ bħal polifenoli. Din il-karatteristika tal-lattat ferruż ma taqax taħt il-klassi funzjonali attwali ta' “stabilizzaturi” u kwalunkwe klassi funzjonali oħra elenkata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Għalhekk, jenħtieġ li l-klassi funzjonali ta' “stabilizzaturi” tiġi emendata billi titneħħa l-kelma “eżistenti” sabiex tkopri l-funzjoni teknoloġika tal-lattat ferruż (E 585) meta jiġi applikat fuq l-Albatrellus ovinus.

    (4)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (5)

    Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

    (6)

    Fil-25 ta' Ottubru 2016 tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-lattat ferruż (E 585) fuq il-faqqiegħ Albatrellus ovinus li jintuża bħala ingredjent tal-ikel fil-pâtés tal-fwied Żvediżi u saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (7)

    Fl-Iżvezja, ċertu pâtés tal-fwied (“leverpastej”) tradizzjonalment ikun fihom il-faqqiegħ Albatrellus ovinus bħala ingredjent tal-ikel. Qabel ma jiżdied dan il-faqqiegħ — li huwa abjad b'mod naturali — mal-pâtés tal-fwied, huwa neċessarju, mil-lat teknoloġiku, li jiġi ttrattat bil-lattat ferruż (E 585) sabiex jinkiseb il-kulur skur mixtieq.

    (8)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel kien ivvaluta s-sikurezza tal-użu tal-lattat ferruż (E 585) fuq iż-żebbuġ bħala aċċettabbli (3). Il-pâtés tal-fwied Żvediżi fihom biss madwar 0,5 % ta' faqqiegħ. L-esponiment addizzjonali għal-lattat ferruż meta dan jiżdied mal-faqqiegħ Albatrellus ovinus li jintuża bħala ingredjent tal-ikel fil-pâtés tal-fwied Żvediżi għalhekk għandu jkun negliġibbli.

    (9)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“L-Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

    (10)

    Billi l-awtorizzazzjoni tal-lattat ferruż (E 585) fil-faqqiegħ Albatrellus ovinus użat bħala ingredjent tal-ikel fil-patès tal-fwied Żvediżi tikkostitwixxi aġġornament tal-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel li mhux mistenni jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità.

    (11)

    Għalhekk, huwa xieraq li l-lattat ferruż (E 585) jiġi awtorizzat bħala stabilizzatur għall-faqqiegħ Albatrellus ovinus użat bħala ingredjent tal-ikel fil-pâtés tal-fwied Żvediżi.

    (12)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġu emendati skont dan.

    (13)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  Ir-Rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-25 serje, 1990.


    ANNESS

    Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Anness I l-entrata 24 “stabilizzaturi” hija sostitwita kif ġej:

    “24.

    “stabilizzaturi” huma sustanzi li jagħmlu possibbli li jinżamm l-istat fiżiko-kimiku ta' oġġett tal-ikel; l-istabbilizzaturi jinkludu sustanzi li jippermettu li jinżamm tixrid omoġenju ta' żewġ sustanzi jew aktar li ma jitħalltux f'oġġett tal-ikel, sustanzi li jistabbilizzaw, iżommu jew jintensifikaw kulur eżistenti ta' oġġett tal-ikel, u sustanzi li jżidu l-kapaċità ta' taqħqid tal-ikel, inkluża l-formazzjoni ta' rabtiet bejn il-proteini li jippermettu t-tagħqid ta' biċċiet tal-ikel f'ikel rikostitwit;”

    (2)

    Il-Parti E tal-Anness II qed tiġi emendata kif ġej:

    (a)

    Fil-kategorija tal-ikel 04.2.2 “Frott u ħxejjex fil-ħall, fiż-żejt jew fis-salmura”, l-entrata għall-lattat ferruż (E 585) tiġi sostiwita b'dan li ġej:

     

    “E 585

    Lattat ferruż

    150

    (56)

    il-faqqiegħ Albatrellus ovinus li jintuża bħala ingredjent tal-ikel fil-patès tal-fwied Żvediż u fiż-żebbuġ skurat bl-ossidazzjoni biss”

    (b)

    Fil-kategorija tal-ikel 04.2.3 “Frott u ħxejjex fil-laned u fil-fliexken”, l-entrata għall-addittiv E 585 tiġi sostitwita b'dan li ġej:

     

    “E 585

    Lattat ferruż

    150

    (56)

    il-faqqiegħ Albatrellus ovinus li jintuża bħala ingredjent tal-ikel fil-patès tal-fwied Żvediżi u fiż-żebbuġ skurat bl-ossidazzjoni biss”


    Top