Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0676

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/676 tad-29 ta' April 2019 li japprova s-sustanza attiva b'riskju baxx ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/3050

    ĠU L 114, 30.4.2019, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/676/oj

    30.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/12


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/676

    tad-29 ta' April 2019

    li japprova s-sustanza attiva b'riskju baxx ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-1 ta' April 2016 it-Task Force ABE-IT 56 ippreżentat lil Franza applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas- Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623) (minn hawn 'il quddiem “ABE-IT 56”).

    (2)

    F'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, Franza, bħala l-Istat Membru relatur, innotifikat lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni fil-25 ta' Mejju 2016.

    (3)

    Fl-20 ta' Ġunju 2017, l-Istat Membru relatur ippreżenta abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni, b'kopja lill-Awtorità, li fih ġie vvalutat jekk dik is-sustanza attiva hix mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (4)

    L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F'konformità mal-Artikolu 12(3) ta' dak ir-Regolament, hi talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. F'Mejju 2018 il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ġiet ippreżentata mill-Istat Membru relatur lill-Awtorità fil-format ta' abbozz aġġornat tar-rapport ta' valutazzjoni.

    (5)

    Fis-26 ta' Lulju 2018, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jekk is-sustanza attiva ABE-IT 56 hix mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (2). L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha.

    (6)

    Fit-23 ta' Ottubru 2018 il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ir-rapport ta' rieżami għall-ABE-IT 56 u fit-22 ta' Marzu 2019 abbozz ta' Regolament li jipprevedi l-approvazzjoni tal-ABE-IT 56.

    (7)

    L-applikant ingħata l-possibbiltà li jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta' rieżami.

    (8)

    Ġie stabbilit li l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta' użu rappreżentattiv wieħed jew aktar, ta' mill-anqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, u b'mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta' rieżami. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi approvata l-ABE-IT 56.

    (9)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-ABE-IT 56 hija sustanza attiva b'riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-ABE-IT 56 mhijiex sustanza ta' tħassib u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-ABE-IT 56 hija prodott ta' frazzjonament tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623. Is-Saccharomyces cerevisiae hija l-ħmira l-aktar użata fil-produzzjoni industrijali/kummerċjali tal-ikel u tax-xorb u tinsab kullimkien fl-ambjent. Mhijiex patoġenika għall-bnedmin jew għall-annimali, u lanqas mhi infettiva għall-bnedmin. Din ġeneralment isseħħ b'mod naturali u ma tikkostitwixxi riskju distint għall-ebda kompartiment ambjentali.

    (10)

    Għalhekk huwa xieraq li l-ABE-IT 56 tiġi approvata bħala sustanza b'riskju baxx għal perjodu ta' 15-il sena.

    (11)

    F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni tas-sustanza attiva

    Is-sustanza attiva ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ABE-IT 56 (components of lysate of Saccharomyces cerevisiae strain DDSF623). EFSA Journal 2018;16(9):5400, 14 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5400.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    L-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623)

    Mhux applikabbli

    1 000 g/kg (sustanza attiva)

    L-20 ta' Mejju 2019

    L-20 ta' Mejju 2034

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar l-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


    ANNESS II

    Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “16

    L-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623)

    Mhux Applikabbli

    1 000 g/kg (sustanza attiva)

    L-20 ta' Mejju 2019

    L-20 ta' Mejju 2034

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar l-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


    Top