Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0650

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/650 tal-24 ta' April 2019 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2019/2906

    ĠU L 110, 25.4.2019, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/650/oj

    25.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 110/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/650

    tal-24 ta' April 2019

    li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, minħabba l-possibbiltà ta' effetti dannużi fuq is-saħħa b'rabta mal-użu tal-Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille) u tal-preparati tagħha fl-ikel, u minħabba li hemm inċertezza xjentifika li tippersisti, din is-sustanza tqiegħdet taħt l-iskrutinju tal-Unjoni u ġiet inkluża fil-Parti C tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 permezz tar-Regolament (UE) 2015/403 (2).

    (2)

    Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, fi żmien erba' snin mid-data li fiha sustanza tkun ġiet elenkata fil-Parti C tal-Anness III, għandha tittieħed deċiżjoni sabiex b'mod ġenerali jiġi permess l-użu ta' sustanza elenkata fil-Parti C tal-Anness III jew sabiex din tiġi elenkata fil-Parti A jew B tal-Anness III, skont il-każ, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar kwalunkwe fajl sottomess għall-evalwazzjoni mill-operaturi tan-negozju tal-ikel, jew minn kwalunkwe parti oħra interessata kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).

    (3)

    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 307/2012 (3), dawk il-fajls biss li jkunu sottomessi fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni li tinkludi sustanza fil-Parti C tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, għandhom jiġu kkunsidrati mill-Awtorità bħala fajl validu għall-iskopijiet ta' deċiżjoni kif stabbilit fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

    (4)

    Jekk wieħed iqis li l-partijiet interessati ma bagħtux data xjentifika lill-Awtorità biex jagħtu prova tas-sikurezza ta' Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille) fil-limitu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 307/2012, jenħtieġ li Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille) u l-preparati tagħha jiġu inklużi fil-Parti A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, li jfisser li l-użu tagħhom fl-ikel se jiġi pprojbit.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, tiżdied l-entrata li ġejja:

    “Il-qoxra tas-siġra tal-Yohimbe u l-preparati magħmula minnha li joriġinaw mill-Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille)”;

    (2)

    fil-Parti C, tiżdied l-entrata li ġejja:

    “Il-qoxra tas-siġra tal-Yohimbe u l-preparati magħmula minnha li joriġinaw mill-Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille)”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/403 tal-11 ta' Marzu 2015 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-ispeċijiet Ephedra u Yohimbe (Pausinystalia yohimbe (K. Schum) Pierre ex Beille) (ĠU L 67, 12.3.2015, p. 4).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 307/2012 tal-11 ta' April 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU L 102, 12.4.2012, p. 2).


    Top