Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L2235

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/2235. tas-16 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforzi ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni

    ST/14126/2019/INIT

    ĠU L 336, 30.12.2019, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/2235/oj

    30.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/10


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2019/2235.

    tas-16 ta’ Diċembru 2019

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa fir-rigward ta’ sforzi ta’ difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal merkanzija u servizzi fornuti lill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u oġġetti importati minnhom meta tali forzi jkunu qed jieħdu sehem fl-isforz ta’ difiża komuni barra l-Istat tagħhom stess.

    (2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (4) tipprevedi eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa maħsuba biex jintużaw mill-forzi armati ta’ kwalunkwe parti tal-Istat għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana għajr dak l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, soġġett għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti.

    (3)

    Tali eżenzjonijiet mhumiex disponibbli fejn il-forzi armati ta’ Stat Membru jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet taħt il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li tingħata prijorità lill-ħtieġa li jitjiebu l-kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tad-difiża u tal-immaniġġar ta’ kriżijiet u li jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni. Fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom tat-28 ta’ Marzu 2018 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni rrikonoxxa l-ħtieġa ġenerali li t-trattament tal-VAT tal-isforzi ta’ difiża jiġi allinjat fi ħdan il-qafas tal-Unjoni u l-umbrella tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO).

    (4)

    Sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK jinkludi missjonijiet u operazzjonijiet militari, attivitajiet tal-gruppi tattiċi, assistenza reċiproka, proġetti ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA). Madankollu, jenħtieġ li dan ma jinkludix attivitajiet taħt il-klawsola ta’ solidarjetà stabbilita fl-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe attività bilaterali jew multilaterali oħra bejn l-Istati Membri li ma jirrelatawx ma’ sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni mill-VAT biex tkopri l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi maħsuba jew għall-użu tal-forzi armati ta’ Stat Membru jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK barra l-Istat Membru tagħhom. Provvisti ta’ merkanzija jew servizzi għall-forzi armati tal-Istat Membru li fih jiġu fornuti dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi jenħtieġ li jiġu esklużi mill-eżenzjoni mill-VAT.

    (6)

    Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tiġi prevista eżenzjoni mill-VAT fejn oġġetti importati mill-forzi armati ta’ Stat Membru jkunu maħsuba għall-użu ta’ dawk il-forzi jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom, meta tali forzi jkunu qed jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività skont il-PSDK barra l-Istat Membru tagħhom.

    (7)

    Jenħtieġ li tiġi introdotta wkoll eżenzjoni mid-dazju tas-sisa biex tkopri l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa fornuti għall-użu tal-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru għajr l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK barra l-Istat Membru tagħhom.

    (8)

    Bħal fil-każ tal-eżenzjoni mill-VAT u d-dazju tas-sisa għall-isforzi ta’ difiża tan-NATO, l-eżenzjonijiet għall-isforzi ta’ difiża mwettqa għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-PSDK jenħtieġ li jkollhom kamp ta’ applikazzjoni limitat. Dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li japplikaw biss għal sitwazzjonijiet fejn il-forzi armati jwettqu kompiti marbuta direttament ma’ sforz ta’ difiża skont il-PSDK u jenħtieġ li ma jkoprux missjonijiet ċivili skont il-PSDK. Merkanzija jew servizzi fornuti għall-użu tal-persunal ċivili jistgħu għalhekk ikunu koperti biss mill-eżenzjonijiet meta l-persunal ċivili jkun qed jakkumpanja l-forzi armati li jwettqu kompiti direttament marbuta ma’ sforz ta’ difiża skont il-PSDK barra l-Istat Membru tagħhom. Il-kompiti mwettqa esklużivament mill-persunal ċivili jew imwettqa esklużivament bl-użu ta’ kapaċitajiet ċivili jenħtieġ li ma jkunux ikkunsidrati bħala sforz ta’ difiża. L-eżenzjonijiet jenħtieġ li, f’ebda ċirkostanza ma jkopru merkanzija jew servizzi li l-forzi armati jiksbu għall-użu ta’ dawk il-forzi jew il-persunal ċivili li jakkumpanjahom fl-Istat Membru tagħhom stess.

    (9)

    Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tallinja t-trattament tal-VAT u tad-dazju tas-sisa ta’ sforzi ta’ difiża taħt l-oqfsa tal-Unjoni u tan-NATO ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (10)

    F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (5), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti ta’ strumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

    (11)

    Id-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE jenħtieġ, għalhekk, li jiġu emendati skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE

    Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 22, jiddaħħal il-paragrafu li gej qabel l-ewwel paragrafu:

    “L-applikazzjoni mill-forzi armati ta’ Stat Membru li jkun qed jieħu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, għall-użu tagħhom jew għall-użu tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom, ta’ merkanzija li ma jkunux xtraw soġġett għar-regoli ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fis-suq domestiku ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata bħala akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija bi ħlas, fejn l-importazzjoni ta’ dik il-merkanzija ma tkunx eliġibbli għall-eżenzjoni prevista fil-punt (ga) tal-Artikolu 143(1).”;

    (2)

    fl-Artikolu 143(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ga)

    l-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Istati Membri mill-forzi armati ta’ Stati Membri oħra għall-użu ta’ dawk il-forzi, jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjawhom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni;”;

    (3)

    fl-Artikolu 151(1), jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(ba)

    il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru, maħsuba jew għall-forzi armati ta’ Stati Membri oħra għall-użu ta’ dawk il-forzi, jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża komuni mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni;

    (bb)

    il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi lil Stat Membru ieħor, maħsuba għall-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru, għajr l-Istat Membru tad-destinazzjoni nnifsu, għall-użu ta’ dawk il-forzi, jew tal-persunal ċivili li jakkumpanjahom, jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni;”.

    Artikolu 2

    Emenda għad-Direttiva 2008/118/KE

    Fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/118/KE, jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ba)

    mill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat Membru għajr dak l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom meta tali forzi jieħdu sehem fi sforz ta’ difiża mwettaq għall-implimentazzjoni ta’ attività tal-Unjoni skont il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni;”.

    Artikolu 3

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufihit-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

    Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2022.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LEPPÄ


    (1)  Opinjoni tas-26 ta’ Novembru 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tat-30 ta’ Ottubru 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).

    (5)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    Top