Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1160

    Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    PE/53/2019/REV/1

    ĠU L 188, 12.7.2019, p. 106–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1160/oj

    12.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 188/106


    DIRETTIVA (UE) 2019/1160 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-20 ta' Ġunju 2019

    li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    L-objettivi komuni tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jinkludu li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fost l-impriżi ta' investiment kollettiv u li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet u tal-ishma tal-impriżi ta' investiment kollettiv fl-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni aktar uniformi għall-investituri. Filwaqt li fil-parti l-kbira dawk l-objettivi ntlaħqu, ċerti ostakli għadhom qed irażżnu lill-maniġers ta' fondi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern.

    (2)

    Din id-Direttiva hija kkumplimentata mir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri addizzjonali li jikkonċernaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMs). Jenħtieġ li dak ir-Regolament u din id-Direttiva jikkoordinaw aktar b'mod kollettiv il-kundizzjonijiet għall-maniġers ta' fondi li joperaw fis-suq intern u jiffaċilitaw id-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi li jamministraw.

    (3)

    Hemm bżonn li titneħħa d-diskrepanza regolatorja fil-proċedura ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-tibdiliet fir-rigward tal-UCITS bil-proċedura ta' notifika stabbilita fid-Direttiva 2011/61/UE.

    (4)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1156 ikompli jsaħħaħ il-prinċipji applikabbli għall-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni rregolati bid-Direttiva 2009/65/KE u jestendi l-applikazzjoni ta' dawk il-prinċipji għall-AIFMs, u b'hekk jirriżulta fi standard għoli ta' protezzjoni tal-investituri, indipendentement mit-tip ta' investitur. Id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/65/KE relatati mal-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u mal-aċċessibbiltà tal-liġijiet u tar-regolamentazzjoni nazzjonali rilevanti għall-arranġament tal-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS għalhekk m'għadhomx neċessarji u jenħtieġ li jitħassru.

    (5)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, li jeħtieġu li l-UCITS jipprovdu faċilitajiet lill-investituri, kif implimentati minn ċerti ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, sfaw ta' piż. Barra minn hekk, il-faċilitajiet lokali rarament jintużaw mill-investituri kif maħsub mid-Direttiva. Il-metodu ppreferut ta' kuntatt inbidel għal interazzjoni diretta bejn l-investituri u l-maniġers ta' fond, jew b'mod elettroniku inkella bit-telefon, filwaqt li l-pagamenti u t-tifdijiet qed jiġu eżegwiti permezz ta' mezzi oħra. Filwaqt li dawk il-faċilitajiet lokali li qed jintużaw bħalissa għal finijiet amministrattivi bħall-irkupru transfruntier tat-tariffi regolatorji, jenħtieġ li tali kwistjonijiet jiġu indirizzati permezz ta' mezzi oħra li jinkludu l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli, li jimmodernizzaw u jispeċifikaw ir-rekwiżiti għall-provvista ta' faċilitajiet lil investituri fil-livell tal-konsumatur, u jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jeżiġu preżenza fiżika lokali għall-provvista ta' tali faċilitajiet. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li dawk ir-regoli jiżguraw li l-investituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni li huma intitolati għaliha.

    (6)

    Biex jiġi żgurat trattament konsistenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, hemm bżonn li r-rekwiżiti relatati mal-faċilitajiet jiġu applikati għall-AIFMs ukoll meta l-Istati Membri jawtorizzawhom jikkumerċjalizzaw unitajiet jew ishma ta' fondi ta 'investiment alternattivi (AIFs) lil investituri fil-livell tal-konsumatur fit-territorji tagħhom.

    (7)

    In-nuqqas ta' kundizzjonijiet ċari u uniformi tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma ta' UCITS jew AIF fi Stat Membru ospitanti, joħloq inċertezza legali u ekonomika għall-maniġers tal-fondi. Għalhekk, id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE jenħtieġ li jistabbilixxu kundizzjonijiet ċari li bihom tista' sseħħ denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' xi unitajiet jew ishma jew tagħhom kollha. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jibbilanċjaw, minn naħa waħda, l-abbiltà tal-impriżi ta' investiment kollettiv jew tal-maniġers tagħhom li jtemmu l-arranġamenti tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ishma jew tal-unitajiet tagħhom meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-investituri f'tali impriżi.

    (8)

    Il-possibbiltà li tieqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS jew tal-AIFs fi Stat Membru partikolari jenħtieġ li la tkun bi ħlas għall-investituri u lanqas tnaqqas is-salvagwardji tagħhom skont id-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom għal informazzjoni preċiża dwar l-attivitajiet issoktati ta' dawk il-fondi.

    (9)

    Hemm każijiet li fihom AIFM li jkun jixtieq jittestja l-aptit tal-investituri għal idea ta' investiment jew għal strateġija ta' investiment partikolari, jaffaċċja trattament diverġenti ta' prekummerċjalizzazzjoni f'ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti. Id-definizzjoni ta' prekummerċjalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet li taħthom hija permessa tvarja b'mod konsiderevoli bejn dawk l-Istati Membri fejn hija permessa, mentri fi Stati Membri oħrajn m'hemmx kunċett ta' prekummerċjalizzazzjoni affattu. Biex jiġu indirizzati dawk id-diverġenzi, jenħtieġ li tiġi pprovduta definizzjoni armonizzata tal-prekummerċjalizzazzjoni kif ukoll jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom AIFM tal-UE jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni.

    (10)

    Biex il-prekummerċjalizzazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala tali skont id-Direttiva 2011/61/UE, jenħtieġ li din tkun indirizzata lil investituri professjonali potenzjali u tikkonċerna idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment sabiex tittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment li jkun għadu ma ġiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda jkun għadu mhux notifikat għall-kummerċjalizzazzjoni f'konformità ma' dik id-Direttiva. Għaldaqstant, matul il-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li ma jkunx possibbli għall-investituri li jissottoskrivu ruħhom għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF u d-distribuzzjoni ta' formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili lil investituri professjonali potenzjali, kemm f'għamla ta' abbozz kif ukoll f'forma finali, jenħtieġ li ma jkunx permess. L-AIFMs tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa taħt id-Direttiva 2011/61/UE.

    Kwlaunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u jenħtieġ li tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fid-Direttiva 2011/61/UE. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kontroll fuq il-prekummerċjalizzazzjoni fl-Istat Membru tagħhom, AIFM tal-UE jenħtieġ li jibgħat, fi żmien ġimgħatejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu, li tispeċifika inter alia f'liema Stati Membri jkun qed iwettaq jew kien qed iwettaq prekummerċjalizzazzjoni, il-perjodi li matulhom qed isseħħ jew tkun seħħet il-prekummerċjalizzazzjoni u inkluż, fejn rilevanti, lista ta' AIFs u ta' kompartimenti tal-AIFs tiegħu li huma jew li kienu s-soġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE jenħtieġ li jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-AIFM tal-UE jkun qed iwettaq jew kien qed iwettaq prekummerċjalizzazzjoni.

    (11)

    L-AIFMs tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun dokumentata b'mod adegwat.

    (12)

    Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/61/UE u, b'mod partikolari, mar-regoli armonizzati dwar il-prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li bl-ebda mod ma jiżvantaġġaw lill-AIFMs tal-UE fil-konfront tal-AIFMs mhux tal-UE. Dan jirrigwarda kemm is-sitwazzjoni attwali li fiha l-AIFMs mhux tal-UE m'għandhomx drittijiet tal-passaportar, kif ukoll sitwazzjoni li fiha d-dispożizzjonijiet dwar tali passaportar fid-Direttiva 2011/61/UE jsiru applikabbli.

    (13)

    Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, hemm bżonn li jiġu ssinkronizzati d-dati ta' applikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2019/1156 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni.

    (14)

    Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (6), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

    Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 17(8), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Meta, skont tibdil kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-kumpanija maniġerjali fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali kif xieraq.

    Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun ġiet trasmessa informazzjoni f'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali mingħajr dewmien żejjed tal-miżuri meħuda.”;

    (2)

    l-Artikolu 77 huwa mħassar;

    (3)

    fl-Artikolu 91, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

    (4)

    l-Artikolu 92 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 92

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li UCITS tagħmel disponibbli, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebha tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipproċessaw l-ordnijiet ta' sottoskrizzjoni, ta' riakkwist u ta' tifdija u jagħmlu pagamenti oħra lit-titolari ta' unitajiet relatati mal-unitajiet tal-UCITS, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti meħtieġa skont il-Kapitolu IX;

    (b)

    jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

    (c)

    jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni u l-aċċess għall-proċeduri u l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 15 marbuta mal-eżerċizzju min-naħa tal-investituri tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-UCITS fl-Istat Membru fejn il-UCITS hi kkummerċjalizzata;

    (d)

    jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont il-Kapitolu IX disponibbli għall-investituri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94, għall-finijiet tal-ispezzjoni u l-kisba tal-kopji tagħhom;

    (e)

    jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li jwettqu l-faċilitajiet f'mezz durabbli; u

    (f)

    jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

    2.   L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li UCITS ikollha preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li taħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

    3.   Il-UCITS għandha tiżgura li l-faċilitajiet biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

    (a)

    bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-UCITS tkun ikkummerċjalizzata jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

    (b)

    mill-UCITS stess, minn parti terza li hija soġġetta għal regolament u superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

    Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-UCITS u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand il-UCITS.”;

    (5)

    l-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ittra ta' notifika għandha tinkludi wkoll id-dettalji neċessarji, inkluż l-indirizz, għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 92(1).”;

    (b)

    il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “8.   Fl-eventwalità ta' tibdil fl-informazzjoni fl-ittra ta' notifika sottomessa skont il-paragrafu 1, jew tibdil li jirrigwarda l-klassijiet tal-ishma li jkunu se jiġu kummerċjalizzati, il-UCITS għandha tagħti notifika bil-miktub ta' dan lill-awtoritajiet kompetenti kemm tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS kif ukoll lill-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mill-inqas xahar qabel ma timplimenta tali tibdil.

    Meta, skont tibdil kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinformaw lill-UCITS fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hi ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS kif xieraq.

    Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun ġiet trasmessa informazzjonif'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, li jinkludu, fejn meħtieġ, il-projbizzjoni espliċita tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mingħajr dewmien żejjed tal-miżuri meħuda.”;

    (6)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 93a

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li UCITS tkun tista' tiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet, inkluż, fejn relevanti, fir-rigward ta' klassijiet ta' ishma, fi Stat Membru li fir-rigward tiegħu tkun għamlet notifika skont l-Artikolu 93, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f'dak l-Istat Membru ospitanti li l-identità tagħhom tkun magħrufa;

    (b)

    l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni ta' tali unitajiet f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-UCITS;

    (c)

    kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji finanzjarji jew delegati huma modifikati jew itterminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, tal-unitajiet identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

    L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiddeskrivi b'mod ċar il-konsegwenzi għall-investituri jekk ma jaċċettawx l-offerta ta' tifdija jew tar-riakkwist tal-unitajiet tagħhom.

    L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fir-rigward tiegħu l-UCITS tkun għamlet notifika skont l-Artikolu 93 jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru. Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-UCITS għandha twaqqaf kwalunkwe offerta jew tpoġġija ta' unitajiet ġodda jew ulterjuri, diretti jew indiretti li kienu s-soġġett ta' denotifika f'dak l-Istat Membru.

    2.   L-UCITS għandha tissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-UCITS f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

    Hekk kif tiġi trażmessa n-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw minnufih lill-UCITS dwar din it-trażmissjoni.

    4.   Il-UCITS għandha tipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fil-UCITS kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 68 sa 82 u skont l-Artikolu 94.

    5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(2).

    6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS kif stipulat fl-Artikolu 21(2), fl-Artikolu 97(3) u fl-Artikolu 108. Mingħajr preġudizzju għal attivitajiet oħra ta' monitoraġġ u setgħat superviżorji kif imsemmija fl-Artikolu 21(2) u fl-Artikolu 97, sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jeħtieġu li l-UCITS ikkonċernata turi konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

    7.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4, dment li l-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni jkunu disponibbli għall-investituri bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih jinsab l-investitur jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55).”;"

    (7)

    fl-Artikolu 95(1), il-punt (a) huwa mħassar.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

    Id-Direttiva 2011/61/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 4(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(aea)

    “prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, diretta jew indiretta, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn AIFM tal-UE, jew f'ismu, lill-investituri professjonali potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju irreġistrat fl-Unjoni biex jittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment, li għadu mhuwiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda għadu mhux innotifikat għal kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 31 jew 32, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali jkunu ddomiċiljati jew ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, u li f'kull każ ma jirriżultax f'offerta jew fi pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvestu fl-unitajiet jew fl-ishma ta' dak l-AIF jew f'kompartiment tiegħu;”;

    (2)

    fil-bidu tal-Kapitolu VI jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 30a

    Kundizzjonijiet għall-prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni minn AIFM tal-UE

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat ikun jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, għajr meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri professjonali potenzjali:

    (a)

    hi suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jixtru unitajiet jew ishma ta' AIF partikolari;

    (b)

    tikkostitwixxi formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili sew jekk f'forma ta' abbozz jew f'forma finali; jew

    (c)

    tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' AIF li għadu mhuwiex stabbilit f'forma finali.

    Meta jiġi pprovdut abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandhomx ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment, u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

    (a)

    ma jikkostitwux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni għal unitajiet jew ishma ta' AIF; u

    (b)

    l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex tintuża bħal likieku hija affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE ma jkunx meħtieġ jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kontenut jew id-destinatarji ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni jew rekwiżit għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

    2.   L-AIFMs tal-UE għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu biss jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 31 jew 32.

    Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar mill-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għal unitajiet jew għal ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni, u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikoli 31 u 32.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jibgħat, fi żmien ġimgħatejn wara li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri li fihom u l-perjodi li matulhom ser issir jew saret il-prekummerċjalizzazzjoni, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluż informazzjoni dwar l-istrateġiji tal-investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-AIFs u kompartimenti tal-AIFs li huma jew kienu s-suġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom l-AIFM tal-UE huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun qed sisir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE sabiex jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li tkun qed issir jew li tkun saret fit-territorju tiegħu.

    3.   Parti terza għandha twettaq biss prekummerċjalizzazzjoni f'isem AIFM tal-UE awtorizzat fejn hija awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala AIFM skont din id-Direttiva, jew taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    4.   AIFM tal-UE għandhom jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata adegwatament.

    (*2)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

    (*3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 32(7), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi jiġu sostitwiti b'li ġej:

    “Jekk, wara bidla ppjanata, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont il-każ.

    Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b' xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.

    Jekk it-tibdiliet ma jinfluwenzawx il-konformità tal-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma' din id-Direttiva, jew, b'xi mod ieħor, il-konformità mill-AIFM ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw fi żmien xahar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM dwar dawn it-tibdiliet.”;

    (4)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 32a

    Denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta' AIFs tal-UE fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jkun jista' jiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet jew ta' ishma ta' xi AIFs jew kollha fi Stat Membru fejn tkun intbagħtet notifika skont l-Artikolu 32, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    ħlief fil-każ ta' AIFs tat-tip magħluq u fondi regolati mir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f'dak l-Istat Membru li l-identità tagħhom tkun magħrufa;

    (b)

    l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni jew ishma ta' xi AIFs tagħha jew kollha f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-AIF;

    (c)

    kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji jew delegati finanzjarji huma modifikati jew terminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

    Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-AIFM għandu jwaqqaf kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma tal-AIF li jimmaniġġja fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu huwa jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 2.

    2.   L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-AIFM f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

    Kif tintbagħat in-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinnotifikaw minnufih lill-AIFM dwar din it-trażmissjoni.

    Għal perjodu ta' 36 xahar mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-AIFM ma għandux jagħmel prekummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma tal-AIFs tal-UE msemmija fin-notifika, jew fir-rigward ta' strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment simili, fl-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

    4.   l-AIFM għandu jipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fl-AIF tal-UE kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 22 u 23.

    5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-Anness IV.

    6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif stabbilit fl-Artikolu 45.

    7.   Mingħajr preġudizzju għal setgħat superviżorji oħra msemmija fl-Artikolu 45(3), sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ma għandhomx jeħtieġu li l-AIFM ikkonċernat juri konformità mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

    8.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li jintuża kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4.

    (*4)  Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98)."

    (*5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55).”;"

    (5)

    fl-Artikolu 33(6), it-tieni u t-tielet subparagrafi huma ssostitwiti b'dan li ġej:

    “Jekk, wara tibdil ippjanat, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil.

    Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46 u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM mingħajr dewmien żejjed.”;

    (6)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 43a

    Faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur

    1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/760, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM iqiegħed għad-dispożizzjoni, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma ta' AIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipproċessaw l-ordnijiet tal-investituri ta' sottoskrizzjoni, ta' pagament, ta' riakkwist u ta' tifdija relatati mal-unitajiet jew mal-ishma tal-AIF, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti tal-AIF;

    (b)

    jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

    (c)

    jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-investituri li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-AIF fl-Istat Membru fejn hu kkummerċjalizzat l-AIF;

    (d)

    jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 22 u 23 disponibbli għall-investituri għall-finijiet ta' spezzjoni u l-kisba ta' kopji tagħhom;

    (e)

    jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li huma mwettqa mill-faċilitajiet f'mezz durabbli kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE; u

    (f)

    jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

    2.   L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li AIFM ikollu preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li jaħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

    3.   L-AIFM għandu jiżgura li l-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

    (a)

    bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun ikkummerċjalizzat l-AIF jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

    (b)

    mill-AIFM stess, minn parti terza li hija soġġetti għal regolament u għal superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

    Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-AIFM u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand l-AIFM.”;

    (7)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 69a

    Valutazzjoni tar-reġim tal-passaport

    Qabel id-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 67(6) li skonthom ir-regoli stipulati fl-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 isiru applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tqis ir-riżultat ta' valutazzjoni tar-reġim tal-passaport ipprovdut f'din id-Direttiva inkluża l-estensjoni ta' dak ir-reġim għall-AIFMs mhux tal-UE. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.”;

    (8)

    fl-Anness IV, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(i)

    id-dettalji meħtieġa, inkluż l-indirizz għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

    (j)

    informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43a.”;

    Artikolu 3

    Traspożizzjoni

    1.   Sat-2 ta' Awwissu 2021, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-2 ta' Awwissu 2021,

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Evalwazzjoni

    Sat-2 ta' Awwissu 2024, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Sat-2 ta' Awwissu 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Rieżami

    Sat-2 ta' Awwissu 2023, il-Kumissjoni għandha tippreżenta rapport li għandu jivvaluta, inter alia, il-merti tal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS li jittestjaw l-interess tal-investituri f'idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment partikolari, u jekk ikunux meħtieġa emendi għad-Direttiva 2009/65/KE għal dan il-għan.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2019.

    (3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

    (4)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (Ara l-paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    Top