Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2026

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/2026 tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/4429

    ĠU L 325, 20.12.2018, p. 18–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/2026/oj

    20.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 325/18


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2026

    tad-19 ta' Diċembru 2018

    li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu.

    Billi:

    (1)

    Ġiet stabbilita skema ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009. L-għan tal-EMAS huwa li tippromwovi titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ġestjoni ambjentali mill-organizzazzjonijiet, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' sistemi bħal dawn, l-għoti ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, djalogu miftuħ mal-pubbliku u mal-partijiet interessati l-oħra, u l-involviment attiv tal-impjegati. Biex jintlaħaq dan l-għan, l-Annessi I sa IV tar-Regolament jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu osservati mill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jieħdu sehem fl-EMAS u jiksbu r-reġistrazzjoni tal-EMAS.

    (2)

    L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar ir-rappurtar ambjentali. Dak l-Anness jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi indirizzat it-titjib identifikat fid-dawl tal-esperjenza miksuba bit-tħaddim tal-EMAS. Minħabba l-għadd u n-natura ta' dawn l-emendi, fl-interessi taċ-ċarezza, huwa xieraq li l-Anness IV jinbidel kollu kemm hu.

    (3)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 jiġi emendat skont dan.

    (4)

    L-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS huma meħtieġa jħejju dikjarazzjoni ambjentali, jew jaġġornawha fuq bażi annwali, skont l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009. Ħlief fil-każ ta' organizzazzjonijiet żgħar li huma eżentati skont l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, id-dikjarazzjoni ambjentali jew d-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata trid tiġi vvalidata minn verifikatur ambjentali akkreditat jew liċenzjat bħala parti mill-verifika ta' dik l-organizzazzjoni skont l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament. L-organizzazzjonijiet li jkunu qegħdin jippreparaw għar-reġistrazzjoni fl-EMAS huma meħtieġa wkoll iressqu dikjarazzjoni ambjentali vvalidata bħala parti mill-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni. Għalhekk hu meħtieġ perjodu tranżizzjonali biex l-organizzazzjonijiet jingħataw biżżejjed żmien biex jindirizzaw it-tranżizzjoni għat-tibdil li sar permezz ta' dan ir-Regolament.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 huwa mibdul bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Jekk il-validazzjoni ta' dikjarazzjoni ambjentali jew ta' dikjarazzjoni ambjentali aġġornata tkun se ssir skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament iżda qabel id-9 ta' Jannar 2020, f'dak il-punt id-dikjarazzjoni tista', bil-qbil tal-verifikatur ambjentali u tal-Korp Kompetenti, tiġi vvalidata mingħajr ma titqies l-emenda li saret permezz tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Jekk dikjarazzjoni ambjentali mhux validata tkun se titressaq quddiem il-Korp Kompetenti skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament iżda qabel id-9 ta' Jannar 2020, f'dak il-punt id-dikjarazzjoni tista', bil-qbil tal-Korp Kompetenti, titħejja mingħajr ma titqies l-emenda li saret permezz tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.


    ANNESS

    “ANNESS IV

    RAPPURTAR AMBJENTALI

    A.   Introduzzjoni

    L-informazzjoni ambjentali għandha tiġi ppreżentata b'mod ċar u koerenti u preferibbilment tkun disponibbli f'forma elettronika. L-organizzazzjoni għandha tiddetermina l-aħjar format biex din l-informazzjoni ssir disponibbli lill-partijiet interessati b'mod faċli għall-utent.

    B.   Dikjarazzjoni ambjentali

    Id-dikjarazzjoni ambjentali għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin u għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi mniżżlin hawn taħt:

    (a)

    sommarju tal-attivitajiet u tal-prodotti u tas-servizzi tal-organizzazzjoni, u tar-relazzjoni tagħha ma' kull organizzazzjoni prinċipali kif xieraq u deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa tal-ambitu tar-reġistrazzjoni fl-EMAS li tinkludi lista tas-siti inklużi f'din ir-reġistrazzjoni

    (b)

    il-politika ambjentali u deskrizzjoni fil-qosor tal-istruttura ta' governanza li tappoġġa s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    (c)

    deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti kollha li jirriżultaw f'impatti ambjentali sinifikanti tal-organizzazzjoni u deskrizzjoni qasira tal-approċċ li jintuża biex jiġi determinat is-sinifikat tagħhom flimkien ma' spjega tan-natura tal-impatti kif relatati ma' dawn l-aspetti;

    (d)

    deskrizzjoni tal-għanijiet u l-miri ambjentali fir-rigward tal-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti;

    (e)

    deskrizzjoni tal-azzjonijiet implimentati u ppjanati biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali, jinkisbu l-għanijiet u jintlaħqu l-miri u tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi marbuta mal-ambjent.

    Fejn tkun disponibbli, għandha ssir referenza għall-aqwa prattiki ta' ġestjoni ambjentali ppreżentati fid-dokumenti ta' referenza settorjali msemmija fl-Artikolu 46;

    (f)

    sommarju tad-dejta disponibbli dwar il-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-aspetti ambjentali sinifikanti.

    Għandu jsir rapputar dwar l-indikaturi ta' prestazzjoni ambjentali ċentrali u l-indikaturi ta' prestazzjoni ambjentali speċifiċi kif jissemmew fit-Taqsima C. Fejn jeżistu għanijiet u miri ambjentali, id-dejta rispettiva għandha tiġi rrappurtata;

    (g)

    referenza għad-dispożizzjonijiet legali ewlenin li għandhom jitqiesu mill-organizzazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi marbuta mal-ambjent u stqarrija dwar il-konformità legali;

    (h)

    konferma dwar ir-rekwiżiti tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 25 u l-isem u l-akkreditazzjoni jew in-numru tal-liċenzja tal-verifikatur ambjentali u d-data tal-validazzjoni tagħhom. Minflok tista' tintuża d-dikjarazzjoni kif tissemma fl-Anness VII ffirmata mill-verifikatur ambjentali.

    Id-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin u għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi mniżżlin fil-punti (e) sa (h).

    L-organizzazzjonijiet jistgħu jiddeċiedu jintegraw fid-dikjarazzjoni ambjentali tagħhom tagħrif fattwali ieħor, marbut mal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tal-organizzazzjoni jew mal-konformità tagħhoma ma' rekwiżiti speċifiċi. L-informazzjoni kollha li tinsab fid-dikjarazzjoni ambjentali għandha tiġi vvalidata mill-verifikatur ambjentali.

    Id-dikjarazzjoni ambjentali tista' tiġi integrata f'dokumenti oħra ta' rappurtar tal-organizzazzjoni (eż. ir-rapporti tal-management, tas-sostenibbiltà jew dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva) Meta sseħħ din l-integrazzjoni fid-dokumenti tar-rappurtar, għandha ssir distinzjoni ċara bejn informazzjoni validata u oħra mhux validata. Id-dikjarazzjoni ambjentali għandha tiġi identifikata b'mod ċar (pereżempju billi jintuża l-logo tal-EMAS) u d-dokument għandu jinkludi spjega qasira tal-proċess ta' validazzjoni fil-kuntest tal-EMAS.

    C.   Rappurtar abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali u informazzjoni kwalitattiva

    1.   Introduzzjoni

    L-organizzazzjonijiet għandhom jirrappurtaw, kemm fid-dikjarazzjoni ambjentali, kif ukoll fid-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata, dwar l-aspetti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti permezz tal-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali ċentrali u l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali speċifiċi kif imniżżel hawn taħt. Fil-każ li ma tkun disponibbli l-ebda dejta kwantitattiva, l-organizzazzjonijiet għandhom jirrappurtaw dwar informazzjoni kwalitattiva kif deskritt fil-punt 4.

    Ir-rappurtar għandu jipprovdi dejta dwar l-input u l-output attwali. Jekk l-iżvelar jaffettwa b'mod negattiv il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali jew industrijali tal-organizzazzjoni, meta kunfidenzjalità bħal din hija stipulata fil-liġi nazzjonali jew Komunitarja biex ikun protett interess ekonomiku leġittimu, l-organizzazzjoni jista' jkollha permess biex telenka din l-informazzjoni fir-rappurtar tagħha, pereżempju billi tiġi stabbilita sena ta' bażi (bin-numru tal-indiċi 100) li minnu jidher l-iżvilupp tal-input/l-output.

    L-indikaturi għandhom:

    (a)

    jagħtu stima preċiża tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    (b)

    ikunu faċli biex jinftiehmu u ma jkunux ambigwi;

    (c)

    jippermettu li jsir paragun kull sena sabiex jiġi vvalutat jekk tkunx tjiebet il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni. biex ikun jista' jsir dan it-tqabbil, ir-rappurtar għandu jkopri tal-anqas tliet (3) snin ta' attività, bil-kundizzjoni li d-dejta tkun disponibbli;

    (d)

    jippermettu li jsir paragun mal-punti ta' riferiment settorjali, nazzjonali jew reġjonali kif xieraq;

    (e)

    jippermettu li jsir paragun mar-rekwiżiti regolatorji kif xieraq.

    B'appoġġ għal dan, l-organizzazzjoni għandha tiddefinixi fil-qosor il-kamp ta' applikazzjoni (inkluż il-limiti organizzattivi u materjali, l-applikabbiltà u l-metodoloġija tal-kalkolu) koperti minn kull indikatur.

    2.   L-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali ċentrali

    (a)

    L-indikaturi ċentrali jiffokaw fuq prestazzjoni fl-oqsma ambjentali ewlenin li ġejjin:

    (i)

    L-enerġija;

    (ii)

    Il-materjal

    (iii)

    L-ilma;

    (iv)

    L-iskart;

    (v)

    L-użu tal-art f'dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità; u

    (vi)

    L-emissjonijiet.

    Ir-rappurtar dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali ċentrali huwa obbligu. Madankollu, organizzazzjoni tista' tevalwa r-rilevanza ta' dawk l-indikaturi fil-kuntest tal-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti tagħha. Meta organizzazzjoni tikkonkludi li indikatur ċentrali wieħed jew aktar mhumiex relevanti għall-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti tagħha, dik l-organizzazzjoni tista ma tirrappurtax dwar dawk l-indikaturi ċentrali. F'dak il-każ, l-organizzazzjoni għandha tinkludi fid-dikjarazzjoni ambjentali spjega ċara u rraġunata għalfejn ma tkunx għamlet dan.

    (b)

    Kull indikatur ċentrali huwa magħmul minn:

    (i)

    iċ-ċifra A li tindika l-input/output annwali totali f'qasam partikolari;

    (ii)

    iċ-ċifra B li tindika l-valur referenzjarju annwali li jirrappreżenta l-attività tal-organizzazzjoni; u

    (iii)

    iċ-ċifra R li tindika l-proporzjon A/B;

    Kull organizzazzjoni għandha tirrapporta fuq it-3 elementi kollha għal kull indikatur.

    (c)

    L-indikazzjoni tal-input/output annwali totali f'qasam partikolari, iċ-ċifra A, għandha tiġi rappurtata kif ġej:

    (i)

    dwar l-Enerġija

    il-“konsum dirett totali tal-enerġija”, li jikkorrispondi għall-ammont annwali totali ta' enerġija kkunsmat mill-organizzazzjoni,

    il-“konsum totali tal-enerġija rinnovabbli”, li jikkorrispondi għall-ammont annwali totali ta' enerġija kkunsmat mill-organizzazzjoni li jkun ġie ġġenerat mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli,

    il-“ġenerazzjoni totali tal-enerġija rinnovabbli”, li tikkorrispondi għall-ammont annwali totali ta' enerġija ġġenerat mill-organizzazzjoni mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli,

    L-aħħar element għandu jiġi rrappurtat biss jekk l-ammont totali ta' enerġija ġġenerat mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jkun jeċċedi ferm l-ammont totali ta' enerġija rinnovabbli kkunsmat mill-organizzazzjoni, inkella jekk l-enerġija rinnovabbli ġġenerata mill-organizzazzjoni ma ġietx ikkunsmata minnha stess.

    Jekk jiġu kkunsmati tipi differenti ta' enerġija, inkella fil-każ tal-enerġija rinnovabbli, jekk jiġu ġġenerati (bħal elettriku, sħana, fjuwils jew oħrajn), il-konsum jew il-produzzjoni annwali tagħhom għandhom jiġu rrappurtati b'mod separat kif xieraq.

    L-enerġija għandha preferibbilment tiġi espressa f'kWh, Mwh, GJ jew metriċi oħra użati ta' spiss għar-rappurtar dwar it-tip ta' enerġija kkunsmata jew iġġenerata.

    (ii)

    dwar il-Materjali

    il-“fluss tal-massa annwali tal-materjali ewlenin li jintużaw” (minbarra t-trasportaturi tal-enerġija u l-ilma), preferibbilment espress f'unitajiet ta' piż (eż. kilogrammi jew tunnellati) inkella volum (eż. m3) jew metriċi oħra li jintużaw ta' spiss fis-settur.

    Meta jintużaw tipi differenti ta' materjali, il-fluss tal-massa annwali tagħhom jenħtieġ li jiġi rrappurtat separatament kif xieraq.

    (iii)

    dwar l-Ilma

    l-“użu totali annwali tal-ilma”, espress f'unitajiet ta' volum (eż. litri jew m3),

    (iv)

    dwar l-Iskart

    il-“ġenerazzjoni totali annwali tal-iskart” imqassma skont it-tip, preferibbilment espressa f'unitajiet ta' piż (eż. kilogrammi jew tunnellati) inkella volum (eż. m3), jew metriċi oħra li jintużaw ta' spiss fis-settur.

    il-“ġenerazzjoni totali annwali tal-iskart perikoluż” preferibbilment espressa f'unitajiet ta' piż (eż. kilogrammi jew tunnellati) jew m3 jew metriċi oħra li jintużaw ta' spiss fis-settur.

    (v)

    dwar l-Użu tal-art f'dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità

    it-tipi ta' użu tal-art fir-rigward tal-bijodiversità espressi f'unitajiet tal-erja (eż m2 jew ha):

    l-użu totali tal-art

    l-erja totali ssiġillata

    l-erja totali taż-żoni orjentati lejn in-natura fis-sit

    l-erja totali taż-żoni orjentati lejn in-natura barra mis-sit

    “Żona orjentata lejn in-natura” hija żona ddedikata primarjament għall-preżervazzjoni jew ir-restawr tan-natura. Iż-żoni orjentati lejn in-natura jistgħu jkunu jinsabu fis-sit u jinkludu saqaf, faċċata, sistemi għall-iskular tal-ilma jew elementi oħra li jkunu ġew iddisinjati, adattati jew li huma ġestiti sabiex jippromwovu l-bijodiversità. Iż-żoni orjentati lejn in-natura jistgħu jkunu jinsabu wkoll barra mis-sit tal-organizzazzjoni bil-kundizzjoni li ż-żona tkun il-proprjetà jew titmexxa mill-organizzazzjoni u tkun iddedikata primarjament għall-promozzjoni tal-bijodiversità. Żoni ta' ġestjoni konġunta ddedikati għall-promozzjoni tal-bijodiversità jistgħu wkoll jiġu deskritti bil-kundizzjoni li l-ambitu tal-ġestjoni konġunta jkun deskritt b'mod ċar.

    “Żona ssiġillata” tfisser kwalunkwe żona fejn il-ħamrija oriġinali tkun ġiet mgħottija (pereżempju bit-toroq) biex tkun saret impermeabbli. Din in-nonpermeabbiltà tista' tħalli impatti ambjentali.

    (vi)

    dwar l-Emissjonijiet

    l-“emissjonijiet totali annwali ta' gassijiet b'effett ta' serra” inklużi għall-inqas l-emissjonijiet tas-CO2, tas-CH4, tal-N2O, tal-HFCs, tal-PFCs, tal-NF3 u tal-SF6 espressi f'tunnellati ekwivalenti ta' CO2;

    L-organizzazzjoni jenħtieġ tikkonsidra tirrapporta dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont metodoloġija stabbilita, bħalma hu l-Protokoll tal-Gassijiet Serra.

    “it-total annwali ta' emissjonijiet tal-arja”, inklużi għall-inqas l-emissjonijiet tal-SO2, tal-NOx u tal-PM, espress f'kilogrammi jew tunnellati;

    (d)

    L-indikazzjoni tal-valur referenzjarju annwali li jirrappreżenta l-attività tal-organizzazzjoni, iċ-ċifra B, għandha tintgħażel u għandu jsir rappurtar dwarha abbażi tar-rekwiżiti li ġejjin:

    Iċ-ċifra B għandha:

    (i)

    tkun tinftiehem;

    (ii)

    tkun ċifra li tirrappreżenta bl-aħjar mod l-attività annwali globali tal-organizzazzjoni;

    (iii)

    tippermetti deskrizzjoni korretta tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni;

    (iv)

    tkun valur referenzjarju komuni għas-settur li l-organizzazzjoni qiegħda taħdem fih, bħal pereżempju:

    l-output fiżiku annwali totali

    l-għadd totali ta' impjegati

    l-iljieli totali maħduma

    l-għadd totali ta' abitanti f'żona (fil-każ ta' amministrazzjoni pubblika)

    it-tunnellati ta' skart ipproċessati (għal organizzazzjonijiet attivi fis-settur tal-ġestjoni tal-iskart)

    l-enerġija totali prodotta (għal organizzazzjonijiet attivi fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija)

    (v)

    l-iżgurar tal-komparabbiltà tal-indikaturi inklużi fir-rapport maż-żmien. Ladarba tiġi definita, iċ-Ċifra B għandha tintuża f'dikjarazzjonijietambjentali li jmiss.

    Bidla fiċ-Ċifra B għandha tiġi spjegata fid-dikjarazzjoni ambjentali. Fil-każ ta' bidla fiċ-Ċifra B, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li ċ-ċifra tkun tista' titqabbel fuq perjodu ta' mhux inqas minn 3 snin billi jerġgħu jiġu kkalkulati l-indikaturi għas-snin preċedenti skont iċ-Ċifra B definita mill-ġdid.

    3.   L-indikaturi speċifiċi tal-prestazzjoni ambjentali

    Kull organizzazzjoni għandha tirrapporta wkoll fuq bażi annwali dwar il-prestazzjoni tagħha rigward l-aspetti u l-impatti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti li jkunu relatati mal-attivitajiet kummerċjali ewlenin tagħha, li jkunu jistgħu jitkejlu u jiġu vverifikati, u li mhumiex diġà koperti mill-indikaturi ċentrali.

    Ir-rappurtar dwar dawk l-indikaturi għandu jsir skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-introduzzjoni għal din it-taqsima.

    Fejn ikunu disponibbli, l-organizzazzjoni għandha tqis id-dokumenti ta' referenza settorjali kif jissemmew fl-Artikolu 46 sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' indikaturi rilevanti speċifiċi għas-settur.

    4.   Rappurtar dwar aspetti ambjentali sinifikanti abbażi ta' informazzjoni kwalitattiva

    F'każ li ma tkun disponibbli l-ebda dejta kwantitattiva għar-rappurtar dwar l-aspetti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti, l-organizzazzjonijiet għandhom jirrappurtaw dwar il-prestazzjoni tagħhom abbażi ta' informazzjoni kwalitattiva

    D.   Kontabbiltà lokali

    L-organizzazzjonijiet li jirreġistraw fl-EMAS jistgħu jkunu jixtiequ jipproduċu dikjarazzjoni ambjentali korporattiva waħda, li tkopri numru ta' lokazzjonijiet geografiċi differenti.

    Billi l-intenzjoni tal-EMAS hija li tiżgura kontabbiltà lokali, l-organizzazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-impatti ambjentali sinifikanti ta' kull sit jiġu identifikati b'mod ċar u rappurtati fid-dikjarazzjoni ambjentali korporattiva.

    E.   Disponibbiltà għall-pubbliku

    L-organizzazzjoni għandha tiżgura li hija kapaċi turi lill-verifikatur ambjentali li kull min hu interessat fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni jista' faċilment u liberament jikseb aċċess għall-informazzjoni meħtieġa skont it-taqsima B u C. Għall-finijiet ta' din it-trasparenza, id-dikjarazzjoni ambjentali jenħtieġ preferibbilment tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-organizzazzjoni.

    L-organizzazzjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni fuq sit individwali jew organizzazzjoni tkun disponibbli f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru jew pajjiż terz li fih jinsab is-sit jew tinsab l-organizzazzjoni.

    Barra minn hekk, fil-każ ta' dikjarazzjoni ambjentali korporattiva, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li (għal skopijiet ta' reġistrazzjoni), din l-informazzjoni tkun disponibbli f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membri li fih hija rreġistrata l-organizzazzjoni inkella f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, bi qbil mal-Korp Kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni.

    Id-dikjarazzjoni ambjentali tista' wkoll tkun disponibbli f'lingwi addizzjonali, bil-kundizzjoni li l-kontenut tad-dokument tradott ikun konsistenti mal-kontenut tad-dikjarazzjoni ambjentali oriġinali vvalidata mill-verifikatur ambjentali u li tgħid biċ-ċar li hija traduzzjoni tad-dokument validat.


    Top