Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1532

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1532 tat-12 ta' Ottubru 2018 li jikkonċerna n-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva dikwat, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/6461

    ĠU L 257, 15.10.2018, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1532/oj

    15.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 257/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1532

    tat-12 ta' Ottubru 2018

    li jikkonċerna n-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva dikwat, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/21/KE (2) inkludiet id-dikwat bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

    (2)

    Is-sustanzi attivi li hemm fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u qegħdin elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

    (3)

    Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva dikwat tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2019.

    (4)

    Tressqu żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-inklużjoni tad-dikwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (5), u fil-perjodu ta' żmien previst f'dak l-Artikolu.

    (5)

    L-applikant ressaq id-dossiers supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjonijiet kienu sħaħ.

    (6)

    L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fid-19 ta' Settembru 2014.

    (7)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikanti u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll id-dossier tas-sommarju supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (8)

    Fit-12 ta' Novembru 2015, l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jekk jistax ikun mistenni li d-dikwat jissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-awtorità identifikat riskju għoli għal ħaddiema, persuni fil-qrib u residenti. L-Awtorità u applikant wieħed kellhom diskussjoni teknika dwar il-valutazzjoni tar-riskju mhux alimentari wara l-pubblikazzjoni ta' din il-konklużjoni. F'Novembru 2017, l-EFSA informat lill-applikanti li l-evalwazzjoni ġiet iffinalizzata filwaqt li tqies l-aktar approċċ xjentifiku xieraq iżda li l-Kummissjoni tista' tikkunsidra l-ħtieġa li jiġi vvalutat mill-ġdid l-esponiment mhux alimentari għad-dikwat billi tibgħat mandat lill-EFSA. Il-Kummissjoni tat mandat lill-EFSA għal valutazzjoni mill-ġdid tal-esponiment mhux alimentari tad-dikwat fid-19 ta' Frar 2018. Fis-17 ta' April 2018 (7), l-Awtorità kkonfermat ir-riskju għoli għall-persuni fil-qrib u għar-residenti għax-xenarji kollha. Ġie identifikat ukoll riskju għoli għall-għasafar (8).

    (9)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-konklużjoni tal-Awtorità, id-dikjarazzjoni mill-Awtorità tal-2018 u, f'konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010, dwar l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni. L-applikanti bagħtu l-kummenti tagħhom, li ġew eżaminati bir-reqqa.

    (10)

    Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikanti, it-tħassib relatat mas-sustanza ma setax jiġi eliminat.

    (11)

    B'konsegwenza ta'dan, fir-rigward tal-użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih id-dikwat, ma ġiex stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Huwa għalhekk xieraq li ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tad-dikwat f'konformità mal-Artikolu 20(1)(b) ta' dak ir-Regolament.

    (12)

    L-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom d-dikwat.

    (13)

    Rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-dikwat, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-4 ta' Frar 2020.

    (14)

    Dan ir-Regolament ma jipprevenix is-sottomissjoni ta' applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tad-dikwat b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (15)

    Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Att ta' implimentazzjoni tqies bħala neċessarju u l-presidenza ssottomettiet l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat ta' appell ma tax opinjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni ta' sustanza attiva

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva dikwat ma ġietx imġedda.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżitorji

    L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-dikwat bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mill-4 ta' Mejju 2019.

    Artikolu 3

    Perjodi ta' grazzja

    Kwlaunkwe perjodu ta' grazzja li jistgħu jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-4 ta' Frar 2020.

    Artikolu 4

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 15 dwar id-dikwat.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/21/KE tal-5 ta' Marzu 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-amitrol, id-dikwat, il-piridat u t-tijabendazol bħala sustanzi attivi (ĠU L 69, 10.3.2001, p. 17).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).

    (6)  EFSA (European Food Safety Authority), 2015. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance diquat. EFSA Journal 2015;13(11):4308, 127 pp.

    (7)  EFSA (European Food Safety Authority), 2018. Statement on non-dietary exposure on diquat. EFSA Journal 2018;16(4):5260, 111 pp.

    (8)  EFSA (European Food Safety Authority), 2015. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance diquat. EFSA Journal 2015;13(11):4308, 127 pp.


    Top