EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1115

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1115 tal-10 ta' Awwissu 2018 li jimplimenta l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

ST/11217/2018/INIT

ĠU L 204, 13.8.2018, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1115/oj

13.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1115

tal-10 ta' Awwissu 2018

li jimplimenta l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2015/735 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/735 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 748/2014 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2015/735.

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2428 (2018) li notevolment iżżid żewġ persuni mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi. Jenħtieġ għalhekk li dawn il-persuni jiġu miżjuda fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2015/735. Peress li dawn iż-żewġ persuni kienu diġà ddeżinjati taħt l-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735, jenħtieġ għalhekk li jitneħħew mill-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735 sabiex jiġu ddeżinjati taħt l-Anness I.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Annessi I u II għar-Regolament (UE) 2015/735 jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2015/735 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  ĠU L 117, 8.5.2015, p. 13.


ANNESS I

Il-persuni li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2015/735:

“7.   Malek REUBEN RIAK RENGU (alias: a) Malek Ruben)

Titolu: Logutenent Ġeneral

Deżinjazzjoni: a) Viċi Kap tal-Persunal Ġenerali għal-Loġistika; b) Viċi Kap tal-Persunal tad-Difiża u Spettur Ġenerali tal-Armata

Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1960

Post tat-twelid: Yei, is-Sudan t'Isfel

Nazzjonalità: Sudan t'Isfel

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 13 ta' Lulju 2018

Informazzjoni oħra: Bħala Viċi Kap tal-Persunal tal-SPLA għal-Loġistika, Riak kien wieħed mill-uffiċjali għolja tal-Gvern tas-Sudan t'Isfel li ppjana u mexxa offensiva fl-istat ta' Unity fl-2015 li rriżultat f'qerda mifruxa u ċaqliq kbir tal-popolazzjoni.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Malek Ruben Riak iddaħħal fil-lista fit-13 ta' Lulju 2018 skont il-paragrafi 6, 7(a), u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015), kif affermat mill-ġdid fir-riżoluzzjoni 2418 (2018), għal “azzjonijiet jew linji ta' politika li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel”; “Azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jkabbru jew jestendu l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel …,” u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienet involuta, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”, u skont il-paragrafu 14(e) ta' din ir-riżoluzzjoni għal “l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jinvolvu vjolenza sesswali u sessista fis-Sudan t'Isfel”.

Skont ir-rapport mill-Bord ta' Esperti dwar is-Sudan t'Isfel f'Jannar 2016 (S/2016/70), Riak kien wieħed minn grupp ta' uffiċjali għolja tas-sigurtà li ppjanaw offensiva tal-istat ta' Unity kontra l-SPLM-IO li bdiet f'Jannar 2015, u sussegwentement ħa ħsieb l-eżekuzzjoni tagħha mill-aħħar ta' April 2015 'il quddiem. Il-Gvern tas-Sudan t'Isfel beda jarma liż-żgħażagħ ta' Bul Nuer fil-bidu tal-2015 biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-offensiva. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ ta' Bul Nuer diġà kellhom aċċess għall-azzarini awtomatiċi tad-disinn AK, iżda l-munizzjon kien kruċjali għas-sostenn tal-operazzjonijiet tagħhom. Il-Bord ta' Esperti rrapporta evidenza, inkluż xhieda minn sorsi militari, li l-munizzjon ġie fornut lil gruppi ta' żgħażagħ mill-kwartieri ġenerali tal-SPLA speċifikament għall-offensiva. F'dak iż-żmien kien Riak il-Viċi Kap tal-Persunal tal-SPLA għal-Loġistika. L-offensiva wasslet għal qerda sistematika ta' rħula u infrastruttura, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni lokali, il-qtil indiskriminat u t-tortura ta' persuni ċivili, l-użu mifrux ta' vjolenza sesswali, inkluż kontra l-anzjani u t-tfal, u l-ħtif u r-reklutaġġ ta' tfal bħala suldati, u ċaqliq kbir tal-popolazzjoni. Wara l-qerda tal-biċċa l-kbira tal-partijiet ċentrali u tan-nofsinhar tal-istat, bosta organizzazzjonijiet umanitarji u tal-media, kif ukoll il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) ippubblikaw rapporti dwar l-iskala tal-abbużi li twettqu.

8.   Paul MALONG AWAN (psewdonimu: a) Paul Malong Awan Anei, b) Paul Malong, c) Bol Malong)

Titolu: Ġeneral

Deżinjazzjoni a) Eks Kap tal-Persunal tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), b) Eks Gvernatur, l-Istat ta' Bahr el-Ghazal ta' Fuq

Data tat-twelid: a) 1962, b) 4 ta' Diċembru 1960, c) 12 ta' April 1960

Post tat-twelid: Malualkon, is-Sudan t'Isfel

Nazzjonalità: a) is-Sudan t'Isfel b) l-Uganda

Nru tal-passaport: a) is-Sudan t'Isfel numru S00004370, b) is-Sudan t'Isfel numru D00001369, c) is-Sudan numru 003606, d) is-Sudan numru 00606, e) is-Sudan numru B002606

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 13 ta' Lulju 2018

Informazzjoni oħra: Bħala Kap tal-Persunal Ġenerali tal-SPLA, Malong kabbar jew estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u ksur tal-Ftehim tal-2015 dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS). Huwa allegatament mexxa sforzi biex jinqatel il-mexxej tal-oppożizzjoni Riek Machar. Ordna unitajiet tal-SPLA biex jipprevjenu t-trasport ta' provvisti umanitarji. Taħt it-tmexxija ta' Malong, l-SPLA attakkat persuni ċivili, skejjel u sptarijiet; sfurzat iċ-ċaqliq ta' persuni ċivili; wettqet għajbien sfurzat; arbitrarjament żammet detenuti persuni ċivili; u wettqet atti ta' tortura, u stupru. Huwa mmobilizza l-milizzja tribali Mathiang Anyoor Dinka, li tuża suldati tfal. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-SPLA irrestrinġiet l-aċċess lill-UNMISS, il-Kummissjoni Konġunta ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC) u CTSAMM għal siti biex jinvestigaw u jiddokumentaw l-abbużi.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Paul Malong Awan ġie elenkat fit-13 ta' Lulju 2018 skont il-paragrafi 6, 7(a), 7(b), (c), 7(d), 7(f), u 8 tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015), kif affermat mill-ġdid fir-riżoluzzjoni 2418 (2018) għal “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jkabbru jew jestendu l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jostakolaw it-taħditiet jew il-proċessi ta' rikonċiljazzjoni jew paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “azzjonijiet jew politiki li jheddu l-ftehimiet tranżizzjonali jew ixekklu l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż in-nisa u t-tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; “ippjanar, tmexxija jew twettiq ta' atti bi ksur tal-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijet tal-bniedem, fis-Sudan t'Isfel”; “L-użu jew ir-reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati fil-kuntest tal-konflitt armat fis-Sudan t'Isfel”; “it-tfixkil tal-attivitajiet ta' missjonijiet ta' żamma tal-paċi internazzjonali, diplomatiċi, jew umanitarji fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD jew tal-kunsinna jew id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja jew l-aċċess għaliha; u bħala mexxej ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienu involuti, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

Malong serva bħala Kap tal-Persunal Ġenerali tal-SPLA mit-23 ta' April, 2014, sa Mejju 2017. Fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala l-Kap tal-Persunal Ġenerali, huwa kabbar jew estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u ksur tal-Ftehim tal-2015 dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS). Minn kmieni f'Awwissu 2016, Malong allegatament mexxa sforzi biex jinqatel il-mexxej tal-oppożizzjoni tas-Sudan t'Isfel, Riek Machar. Malong, filwaqt li konxjament mar kontra l-ordnijiet tal-President Salva Kiir, ordna l-attakki tal-10 ta' Lulju 2016 bit-tankijiet, ħelikopters armati, u bl-infanterija fuq ir-residenza ta' Machar u fuq il-bażi “Jebel” tal-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Popli tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLM-IO). Malong personalment mexxa l-isforzi mill-kwartieri ġenerali tal-SPLA biex jinterċetta lil Machar. Minn kmieni f'Awwissu 2016, Malong ried lill-SPLA tattakka l-pożizzjoni suspettata ta' Machar immedjatament u informa lill-kmandanti tal-SPLA li ma kellhomx jaqbdu lil Machar ħaj. Barra minn hekk, kmieni fl-2016 l-informazzjoni tindika li Malong ordna lill-unitajiet tal-SPLA jipprevjenu t-trasport ta' provvisti umanitarji għan-naħa l-oħra tax-Xmara Nil, fejn għexieren ta' eluf ta' persuni ċivili kienu qed jiffaċċjaw il-ġuħ, fejn sostna li l-għajnuna alimentari kienet ser tingħata lill-gruppi tal-milizzja minflok lill-persuni ċivili. Kaġun tal-ordnijiet ta' Malong il-provvisti tal-ikel inżammu milli jaqsmu n-Nil għal mill-inqas ġimagħtejn.

Matul iż-żmien tiegħu bħala Kap tal-Persunal Ġenerali tal-SPLA, Malong kien responsabbli għall-SPLA u l-forzi alleati tagħha fit-twettiq ta' abbużi serji inkluż attakki fuq persuni ċivili, ċaqliq sfurzat, għajbien furzat, detenzjonijiet arbitrarji, tortura u stupru. Taħt it-tmexxija ta' Malong, l-SPLA nediet attakki diretti kontra l-popolazzjoni ċivili u qatlet intenzjonalment persuni ċivili mhux armati li kienu qed jaħarbu. Fiż-żona ta' Yei biss, in-NU ddokumentat il-qtil ta' 114-il persuna ċivili mill-SPLA u l-forzi alleati tagħha bejn Lulju 2016 u Jannar 2017. L-SPLA intenzjonalment attakkat skejjel u sptarijiet. F'April 2017, Malong allegatament ordna lill-SPLA biex tneħħi lil kulħadd, inkluż persuni ċivili, miż-żona madwar Wau. Malong allegatament ma skoraġġiex il-qtil ta' persuni ċivili minn truppi tal-SPLA, u persuni suspettati li qed jaħbu ribelli kienu kkunsidrati miri leġittimi.

Skont rapport tal-15 ta' Ottubru 2014 tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan t'Isfel, Malong kien responsabbli għall-mobilizzazzjoni tal-massa tal-milizzja tribali Mathiang Anyoor Dinka, li skont kif iddokumentat mill-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ dwar Arranġamenti tas-Sigurtà ta' Transizzjoni u ta' Waqfien mill-Ġlied (CTSAMM) tuża suldati tfal.

Taħt it-tmexxija ta' Malong tal-SPLA, il-forzi tal-gvern regolarment irrestrinġew l-aċċess lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan t'Isfel (UNMISS), il-Kummissjoni Konġunta ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC), u CTSAMM meta ppruvaw jinvestigaw u jiddokumentaw l-abbużi. Pereżempju, fil-5 ta' April, 2017, pattulja konġunta tan-NU u CTSAMM ippruvat taċċessa Pajok iżda ntbagħtet lura minn suldati tal-SPLA.”


ANNESS II

L-entrati tal-persuni msemmija hawn taħt huma mħassra fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2015/735:

1.

Paul Malong;

3.

Malek Reuben Riak.


Top