Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0692

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/692 tas-7 ta' Mejju 2018 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva żoksammid skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/2653

    ĠU L 117, 8.5.2018, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/692/oj

    8.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 117/9


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/692

    tas-7 ta' Mejju 2018

    li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva żoksammid skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/119/KE (2) inkludiet iż-żoksammid bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

    (2)

    Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u qegħdin elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

    (3)

    Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva żoksammid tiskadi fil-31 ta' Jannar 2019.

    (4)

    Tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni taż-żoksammid skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) fil-perjodu taż-żmien previst f'dak l-Artikolu.

    (5)

    L-applikant ressaq il-fajls supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet sħiħa.

    (6)

    L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fil-5 ta' Awwissu 2016.

    (7)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll il-fajl tas-sommarju supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (8)

    Fil-21 ta' Awwissu 2017, l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jekk jistax ikun mistenni li ż-żoksammid jissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fis-26 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid għaż-żoksammid lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (9)

    L-applikant ingħata l-opportunità li jressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid. Fir-rigward tal-użu rappreżentattiv, wieħed jew aktar, ta' mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva żoksammid, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati.

    (10)

    Għalhekk, jixraq li l-approvazzjoni taż-żoksammid tiġġedded.

    (11)

    Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni taż-żoksammid hija bbażata fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-żoksammid. Għalhekk, jixraq li titneħħa r-restrizzjoni fuq l-użu esklussivament bħala fungiċida.

    (12)

    Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

    (13)

    Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (14)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/84 (7) estenda d-data ta' skadenza taż-żoksammid sal-31 ta' Jannar 2019 biex jippermetti li l-proċess ta' tiġdid jitlesta qabel ma tiskadi l-approvazzjoni ta' dik is-sustanza attiva. Madankollu, peress li laħqet ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid qabel dik id-data ta' skadenza estiża, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Lulju 2018.

    (15)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva żoksammid iġġeddet kif stabbilit fl-Anness I.

    Artikolu 2

    Emendi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/119/KE tal-5 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-mesosulfuron, il-propossikarbażon u l-żoksammid bħala sustanzi attivi (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 41).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

    (6)  EFSA Journal 2017;15(9):4980. Disponibbli online: www.efsa.europa.eu.

    (7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/84 tad-19 ta' Jannar 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi klorpirifos, klorpirifos-metil, klotijanidin, komposti tar-ram, dimoksistrobina, mankożeb, mekoprop-p, metiram, oksamil, petoksammid, propikonażol, propineb, propiżammid, piraklostrobina u żoksammid (ĠU L 16, 20.1.2018, p. 8).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Żoksammid

    Nru CAS 156052-68-5

    Nru CIPAC 640

    (RS)-3,5-dikloro-N-(3-kloro-1-etil-1-metil-2-ossopropil)-p-toluammid

    ≥ 953 g/kg

    fl-1 ta' Lulju 2018.

    fit-30 ta' Ġunju 2033.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar iż-żoksammid, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    lill-protezzjoni tal-ilma tal-pjan mill-metabolit RH-141455,

    lill-protezzjoni tan-naħal, l-organiżmi akkwatiċi u l-ħniex.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni ta' konferma dwar l-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jkun hemm fl-ilma tax-xorb lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sa mhux aktar tard minn sentejn wara li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument ta' gwida dwar l-evalwazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma tal-pjan.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, titħassar l-entrata 77 dwar iż-żoksammid;

    (2)

    fil-Parti B, tiżdied din l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “123

    Żoksammid

    Nru CAS 156052-68-5

    Nru CIPAC 640

    (RS)-3,5-dikloro-N-(3-kloro-1-etil-1-metil-2-ossopropil)-p-toluammid

    ≥ 953 g/kg

    fl-1 ta' Lulju 2018.

    fit-30 ta' Ġunju 2033.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar iż-żoksammid, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    lill-protezzjoni tal-ilma tal-pjan mill-metabolit RH-141455,

    lill-protezzjoni tan-naħal, l-organiżmi akkwatiċi u l-ħniex.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni ta' konferma dwar l-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jkun hemm fl-ilma tax-xorb lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sa mhux aktar tard minn sentejn wara li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokument ta' gwida dwar l-evalwazzjoni tal-effett tal-proċessi tat-trattament tal-ilma fuq in-natura tar-residwi li jinsabu fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma tal-pjan.”


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.


    Top