Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1125

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1125 tal-10 ta' Awwissu 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

    ST/11215/2018/INIT

    ĠU L 204, 13.8.2018, p. 48–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/1125/oj

    13.8.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/48


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1125

    tal-10 ta' Awwissu 2018

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel.

    (2)

    Fit-13 ta' Lulju 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2428 (2018) li notevolment timponi embargo fuq l-armi u żżid żewġ persuni mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

    (3)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1, paragrafu 2, huwa sostitwit bis-segwenti:

    “2.   Għandu jkun ipprojbit ukoll:

    (a)

    l-għoti, direttament jew indirettament, ta' għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, inkluż il-forniment ta' persunal merċenarju armat, relatati ma' attivitajiet militari jew relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel;

    (b)

    l-għoti, direttament jew indirettament, ta' finanzi jew għajnuna finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari jew relatati mal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi jew għall-użu fis-Sudan t'Isfel;

    (c)

    il-parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f'attivitajiet, li l-oġġett jew l-effett tagħhom huwa li jiġu evitati l-miżuri msemmijin fil-punt (a) jew (b).”;

    (2)

    l-Artikolu 2 huwa sostitwit bis-segwenti:

    “Artikolu 2

    L-Artikolu 1 m'għandux japplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta':

    (a)

    Armi u materjal relatat, kif ukoll taħriġ u assistenza, maħsuba biss għall-appoġġ ta' jew għall-użu mill-persunal tan-NU, inkluż il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza ta' Sigurtà Interim tan-Nazzjonijiet Uniti għal Abyei (UNISFA);

    (b)

    Tagħmir militari li ma joqtolx maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza jew taħriġ tekniku relatat, kif innotifikat minn qabel lill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 2206 (2015) (“il-Kumitat”);

    (c)

    Ilbies protettiv inkluż ġkieket antiprojettili u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Sudan t'Isfel minn persunal tan-NU, rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

    (d)

    Armi u materjal relatat esportati temporanjament lejn is-Sudan t'Isfel mill-forzi ta' Stat li jkun qed jieħu azzjoni, skont id-dritt internazzjonali, esklużivament u direttament biex jiffaċilita l-protezzjoni jew l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta' dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fis-Sudan t'Isfel, kif notifikat lill-Kumitat;

    (e)

    Armi u materjal relatat, kif ukoll taħriġ u assistenza tekniċi, għat-Task Force Reġjonali tal-Unjoni Afrikana jew b'appoġġ għaliha, maħsuba biss għal operazzjonijiet reġjonali għall-ġlieda kontra l-Lord's Resistance Army, kif notifikat bil-quddiem lill-Kumitat;

    (f)

    Armi u materjal relatat, kif ukoll taħriġ u assistenza tekniċi, unikament b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-termini tal-ftehim ta' paċi, kif approvat minn qabel mill-Kumitat;

    (g)

    Bejgħ jew forniment ieħor ta' armi u materjal relatat, jew l-għoti ta' assistenza jew persunal, kif approvat minn qabel mill-Kumitat.”;

    (3)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 2a

    1.   L-Istati Membri għandhom jispezzjonaw, f'konformità mal-awtoritajiet nazzjonali u l-leġislazzjoni tagħhom u b'mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, il-merkanzija kollha lejn is-Sudan t'Isfel fit-territorju tagħhom, inkluż il-portijiet u l-ajruporti, jekk ikollhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont l-Artikolu 1.

    2.   L-Istati Membri għandhom, ladarba jiskopru oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont l-Artikolu 1, jikkonfiskawhom u jeħilsu minnhom (pereżempju billi jeqirduhom, jagħmluhom inoperabbli, jaħżnuhom jew jittrasferixxuhom lil Stat ieħor, għajr dak minn fejn joriġinaw jew dak tad-destinazzjoni, għar-rimi).”

    (4)

    fl-Artikolu 3(1), il-punt (a) huwa sostitwit bis-segwenti:

    “(a)

    iddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafi 6, 7, 8 u 9 tal-UNSCR 2206 (2015) u mal-paragrafu 14 tal-UNSCR 2428 (2018), kif elenkati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni;”;

    (5)

    fl-Artikolu 6(1), il-punt (a) huwa sostitwit bis-segwenti:

    “(a)

    il-persuni jew entitajiet iddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafi 6, 7, 8 u 12 tal-UNSCR 2206 (2015) u mal-paragrafu 14 tal-UNSCR 2428 (2018), kif elenkati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni;”.

    Artikolu 2

    L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. BLÜMEL


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52).


    ANNESS I

    Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740:

    “7.   Malek REUBEN RIAK RENGU (alias: a) Malek Ruben)

    Titolu: Logutenent Ġeneral

    Deżinjazzjoni: a) Viċi Kap tal-Persunal Ġenerali għal-Loġistika; b) Viċi Kap tal-Persunal tad-Difiża u Spettur Ġenerali tal-Armata

    Data tat-twelid: 1 ta' Jannar 1960

    Post tat-twelid: Yei, is-Sudan t'Isfel

    Nazzjonalità: Sudan t'Isfel

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 13 ta' Lulju 2018

    Informazzjoni oħra: Bħala Viċi Kap tal-Persunal tal-SPLA għal-Loġistika, Riak kien wieħed mill-uffiċjali għolja tal-Gvern tas-Sudan t'Isfel li ppjana u mexxa offensiva fl-istat ta' Unity fl-2015 li rriżultat f'qerda mifruxa u ċaqliq kbir tal-popolazzjoni.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Malek Ruben Riak iddaħħal fil-lista fit-13 ta' Lulju 2018 skont il-paragrafi 6, 7(a), u 8 tar-riżoluzzjoni 2206 (2015), kif affermat mill-ġdid fir-riżoluzzjoni 2418 (2018), għal “azzjonijiet jew linji ta' politika li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Sudan t'Isfel”; “Azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jkabbru jew jestendu l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel …,” u bħala mexxej “ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienet involuta, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”, u skont il-paragrafu 14 (e) ta' din ir-riżoluzzjoni għal “l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jinvolvu vjolenza sesswali u sessista fis-Sudan t'Isfel”.

    Skont ir-rapport mill-Bord ta' Esperti dwar is-Sudan t'Isfel f'Jannar 2016 (S/2016/70), Riak kien wieħed minn grupp ta' uffiċjali għolja tas-sigurtà li ppjanaw offensiva tal-istat ta' Unity kontra l-SPLM-IO li bdiet f'Jannar 2015, u sussegwentement ħa ħsieb l-eżekuzzjoni tagħha mill-aħħar ta' April 2015 'il quddiem. Il-Gvern tas-Sudan t'Isfel beda jarma liż-żgħażagħ ta' Bul Nuer fil-bidu tal-2015 biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-offensiva. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ ta' Bul Nuer diġà kellhom aċċess għall-azzarini awtomatiċi tad-disinn AK, iżda l-munizzjon kien kruċjali għas-sostenn tal-operazzjonijiet tagħhom. Il-Bord ta' Esperti rrapporta evidenza, inkluż xhieda minn sorsi militari, li l-munizzjon ġie fornut lil gruppi ta' żgħażagħ mill-kwartieri ġenerali tal-SPLA speċifikament għall-offensiva. F'dak iż-żmien kien Riak il-Viċi Kap tal-Persunal tal-SPLA għal-Loġistika. L-offensiva wasslet għal qerda sistematika ta' rħula u infrastruttura, iċ-ċaqliq sfurzat tal-popolazzjoni lokali, il-qtil indiskriminat u t-tortura ta' persuni ċivili, l-użu mifrux ta' vjolenza sesswali, inkluż kontra l-anzjani u t-tfal, u l-ħtif u r-reklutaġġ ta' tfal bħala suldati, u ċaqliq kbir tal-popolazzjoni. Wara l-qerda tal-biċċa l-kbira tal-partijiet ċentrali u tan-nofsinhar tal-istat, bosta organizzazzjonijiet umanitarji u tal-media, kif ukoll il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) ippubblikaw rapporti dwar l-iskala tal-abbużi li twettqu.

    8.   Paul MALONG AWAN (psewdonimu: a) Paul Malong Awan Anei, b) Paul Malong, c) Bol Malong)

    Titolu: Ġeneral

    Deżinjazzjoni a) Eks Kap tal-Persunal tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), b) Eks Gvernatur, l-Istat ta' Bahr el-Ghazal ta' Fuq

    Data tat-twelid: a) 1962, b) 4 ta' Diċembru 1960, c) 12 ta' April 1960

    Post tat-twelid: Malualkon, is-Sudan t'Isfel

    Nazzjonalità: a) is-Sudan t'Isfel b) l-Uganda

    Nru tal-passaport: a) is-Sudan t'Isfel numru S00004370, b) is-Sudan t'Isfel numru D00001369, c) is-Sudan numru 003606, d) is-Sudan numru 00606, e) is-Sudan numru B002606

    Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 13 ta' Lulju 2018

    Informazzjoni oħra: Bħala Kap tal-Persunal Ġenerali tal-SPLA, Malong kabbar jew estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u ksur tal-Ftehim tal-2015 dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS). Huwa allegatament mexxa sforzi biex jinqatel il-mexxej tal-oppożizzjoni Riek Machar. Ordna unitajiet tal-SPLA biex jipprevjenu t-trasport ta' provvisti umanitarji. Taħt it-tmexxija ta' Malong, l-SPLA attakkat persuni ċivili, skejjel u sptarijiet; sfurzat iċ-ċaqliq ta' persuni ċivili; wettqet għajbien sfurzat; arbitrarjament żammet detenuti persuni ċivili; u wettqet atti ta' tortura, u stupru. Huwa mmobilizza l-milizzja tribali Mathiang Anyoor Dinka, li tuża suldati tfal. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-SPLA irrestrinġiet l-aċċess lill-UNMISS, il-Kummissjoni Konġunta ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC) u CTSAMM għal siti biex jinvestigaw u jiddokumentaw l-abbużi.

    Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

    Paul Malong Awan ġie elenkat fit-13 ta' Lulju 2018 skont il-paragrafi 6, 7 (a), 7 (b), 7 (c), 7 (d), 7(f), u 8 tar-Riżoluzzjoni 2206 (2015), kif affermat mill-ġdid fir-riżoluzzjoni 2418 (2018) għal “azzjonijiet jew politiki li għandhom l-għan jew l-effett li jkabbru jew jestendu l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel jew li jostakolaw it-taħditiet jew il-proċessi ta' rikonċiljazzjoni jew paċi, inkluż ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet”; “azzjonijiet jew politiki li jheddu l-ftehimiet tranżizzjonali jew ixekklu l-proċess politiku fis-Sudan t'Isfel”; “il-mira ta' persuni ċivili, inkluż in-nisa u t-tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju, jew permezz ta' aġir li jikkostitwixxi abbuż serju jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali”; “ippjanar, tmexxija jew twettiq ta' atti bi ksur tal-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijet tal-bniedem, fis-Sudan t'Isfel”; “L-użu jew ir-reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati fil-kuntest tal-konflitt armat fis-Sudan t'Isfel”; “it-tfixkil tal-attivitajiet ta' missjonijiet ta' żamma tal-paċi internazzjonali, diplomatiċi, jew umanitarji fis-Sudan t'Isfel, inkluż il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Verifika tal-IGAD jew tal-kunsinna jew id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja jew l-aċċess għaliha; u bħala mexxej ta' kwalunkwe entità, inkluż kwalunkwe gvern, oppożizzjoni, milizzja, jew grupp ieħor tas-Sudan t'Isfel, li kienu involuti, jew li l-membri tagħha kienu involuti, fi kwalunkwe mill-attivitajiet deskritti fil-paragrafi 6 u 7”.

    Malong serva bħala Kap tal-Persunal Ġenerali tal-SPLA mit-23 ta' April, 2014, sa Mejju 2017. Fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala l-Kap tal-Persunal Ġenerali, huwa kabbar jew estenda l-kunflitt fis-Sudan t'Isfel permezz ta' ksur tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ostilitajiet u ksur tal-Ftehim tal-2015 dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS). Minn kmieni f'Awwissu 2016, Malong allegatament mexxa sforzi biex jinqatel il-mexxej tal-oppożizzjoni tas-Sudan t'Isfel, Riek Machar. Malong, filwaqt li konxjament mar kontra l-ordnijiet tal-President Salva Kiir, ordna l-attakki tal-10 ta' Lulju 2016 bit-tankijiet, ħelikopters armati, u bl-infanterija fuq ir-residenza ta' Machar u fuq il-bażi “Jebel” tal-Moviment għal-Liberazzjoni tal-Popli tas-Sudan fl-Oppożizzjoni (SPLM-IO). Malong personalment mexxa l-isforzi mill-kwartieri ġenerali tal-SPLA biex jinterċetta lil Machar. Minn kmieni f'Awwissu 2016, Malong ried lill-SPLA tattakka l-pożizzjoni suspettata ta' Machar immedjatament u informa lill-kmandanti tal-SPLA li ma kellhomx jaqbdu lil Machar ħaj. Barra minn hekk, kmieni fl-2016 l-informazzjoni tindika li Malong ordna lill-unitajiet tal-SPLA jipprevjenu t-trasport ta' provvisti umanitarji għan-naħa l-oħra tax-Xmara Nil, fejn għexieren ta' eluf ta' persuni ċivili kienu qed jiffaċċjaw il-ġuħ, fejn sostna li l-għajnuna alimentari kienet ser tingħata lill-gruppi tal-milizzja minflok lill-persuni ċivili. Kaġun tal-ordnijiet ta' Malong il-provvisti tal-ikel inżammu milli jaqsmu n-Nil għal mill-inqas ġimagħtejn.

    Matul iż-żmien tiegħu bħala Kap tal-Persunal Ġenerali tal-SPLA, Malong kien responsabbli għall-SPLA u l-forzi alleati tagħha fit-twettiq ta' abbużi serji inkluż attakki fuq persuni ċivili, ċaqliq sfurzat, għajbien furzat, detenzjonijiet arbitrarji, tortura u stupru. Taħt it-tmexxija ta' Malong, l-SPLA nediet attakki diretti kontra l-popolazzjoni ċivili u qatlet intenzjonalment persuni ċivili mhux armati li kienu qed jaħarbu. Fiż-żona ta' Yei biss, in-NU ddokumentat il-qtil ta' 114-il persuna ċivili mill-SPLA u l-forzi alleati tagħha bejn Lulju 2016 u Jannar 2017. L-SPLA intenzjonalment attakkat skejjel u sptarijiet. F'April 2017, Malong allegatament ordna lill-SPLA biex tneħħi lil kulħadd, inkluż persuni ċivili, miż-żona madwar Wau. Malong allegatament ma skoraġġiex il-qtil ta' persuni ċivili minn truppi tal-SPLA, u persuni suspettati li qed jaħbu ribelli kienu kkunsidrati miri leġittimi.

    Skont rapport tal-15 ta' Ottubru 2014 tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan t'Isfel, Malong kien responsabbli għall-mobilizzazzjoni tal-massa tal-milizzja tribali Mathiang Anyoor Dinka, li skont kif iddokumentat mill-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ dwar Arranġamenti tas-Sigurtà ta' Transizzjoni u ta' Waqfien mill-Ġlied (CTSAMM) tuża suldati tfal.

    Taħt it-tmexxija ta' Malong tal-SPLA, il-forzi tal-gvern regolarment irrestrinġew l-aċċess lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan t'Isfel (UNMISS), il-Kummissjoni Konġunta ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC), u CTSAMM meta ppruvaw jinvestigaw u jiddokumentaw l-abbużi. Pereżempju, fil-5 ta' April, 2017, pattulja konġunta tan-NU u CTSAMM ippruvat taċċessa Pajok iżda ntbagħtet lura minn suldati tal-SPLA.”


    ANNESS II

    L-entrati tal-persuni msemmija hawn taħt huma mħassra fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740:

    1.

    Paul Malong;

    3.

    Malek Reuben Riak.


    Top