This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R2228
Commission Regulation (EU) 2017/2228 of 4 December 2017 amending Annex III to Regulation (EC) No 1223/2009 of the European Parliament and of the Council on cosmetic products
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2228 tal-4 ta' Diċembru 2017 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2228 tal-4 ta' Diċembru 2017 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi
C/2017/7993
ĠU L 319, 5.12.2017, p. 2–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
5.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 319/2 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2228
tal-4 ta' Diċembru 2017
li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Dan l-aħħar kien hemm diversi Stati Membri li indikaw problemi ta' sikurezza fir-rigward tal-użu taż-żejt tal-karawett, l-estratti tiegħu u d-derivattivi tiegħu fil-prodotti kożmetiċi. Tqajjem tħassib dwar is-sensitizzazzjoni għall-karawett li tista' tiġi kkaġunata permezz tal-espożizzjoni tal-ġilda għaż-żejt tal-karawett permezz tal-użu ta' prodotti kosmetiċi. |
(2) |
Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (“SCCS”) irrikonoxxa dan it-tħassib fl-opinjoni riveduta tiegħu tat-23 ta' Settembru 2014 (2). F'dik l-opinjoni, il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur ikkonkluda li m'hemmx biżżejjed dejta biex tiddefinixxi livell sikur ta' espożizzjoni tal-ġilda fil-popolazzjoni mhux sensitizzata. Madankollu, wieħed irid iżid li fid-dawl tal-livelli sikuri dokumentati ta' doża orali tal-proteini tal-karawett f'individwi sensitizzati u fid-dawl tal-kapaċità tal-industrija li tirfina ż-żejt tal-karawett għal-livelli ta' proteina ta' 0,5 ppm jew anqas, dan il-valur jista' jiġi aċċettat bħala l-konċentrazzjoni massima permissibbli fiż-żejt (irfinut) tal-karawett, l-estratti tiegħu u d-derivattivi tiegħu li jintużaw fil-prodotti kożmetiċi. |
(3) |
Diversi Stati Membri indikaw ukoll problemi ta' sikurezza fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi li jkun fihom proteini tal-qamħ idrolizzata. Ġew irrappurtati għadd ta' każijiet ta' urtikarja minn kuntatt pprovokata minn tali prodotti kożmetiċi, segwita minn xokk anafilattiku wara l-inġestjoni tal-ikel li jkun fih proteini mill-qamħ. |
(4) |
Fl-opinjoni riveduta tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 (3), il-SCCS qies li l-użu tal-proteini tal-qamħ idrolizzati fil-prodotti kożmetiċi huwa sikur għall-konsumaturi, kemm-il darba l-piż molekolari medju massimu tal-peptidi fl-idrolisati huwa 3,5 kDa. |
(5) |
Fid-dawl tal-opinjonijiet mogħtija mill-SCCS, l-użu tal-prodotti kożmetiċi li jkun fihom żejt tal-karawett, l-estratti tiegħu u d-derivattivi tiegħu u l-użu tal-prodotti kożmetiċi li jkun fihom proteini tal-qamħ idrolizzati jippreżenta riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza ta' dawk il-prodotti kożmetiċi għas-saħħa tal-bniedem, jixraq li tiġi stabbilita konċentrazzjoni massima ta' 0,5 ppm għall-proteini tal-karawett fiż-żejt tal-karawett, fl-estratti tiegħu u fid-derivattivi tiegħu li jintużaw fil-prodotti kożmetiċi u biex jiġi ristrett il-piż medju molekulari tal-peptidi fil-proteini tal-qamħ idrolizzati użata fil-prodotti kożmetiċi għal massimu ta' 3,5 kDa. |
(6) |
L-industrija għandha tingħata perjodu raġonevoli ta' żmien biex tadatta għar-rekwiżiti l-ġodda billi tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-formulazzjonijiet tal-prodott tagħha sabiex tiżgura li l-prodotti li jikkonformaw biss ma' dawk ir-rekwiżiti jiġu mqiegħda fis-suq. L-industrija għandha tingħata wkoll perjodu raġonevoli ta' żmien biex tirtira mis-suq dawk il-prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti l-ġodda. |
(7) |
Għaldaqstant, l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
(8) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Mill-25 ta' Settembru 2018, il-prodotti kożmetiċi li fihom wieħed mis-sustanzi jew aktar restritti minn dan ir-Regolament u ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.
Mill-25 ta' Diċembru 2018, il-prodotti kożmetiċi li fihom wieħed mis-sustanzi jew aktar restritti minn dan ir-Regolament u ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament ma għandhom ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih jiġi ppublikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.
(2) SCCS/1526/14.
(3) SCCS/1534/14.
ANNESS
Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, fit-tabella, jiżdiedu ż-żewġ annotazzjonijiet li ġejjin:
In-numru ta' referenza |
L-identifikazzjoni tas-sustanza |
Restrizzjonijiet |
Liema kliem għandu jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet |
|||||
L-isem kimiku/INN |
L-isem tal-Glossarju ta' Ingredjenti Komuni |
In-numru CAS |
In-numru KE |
It-tip ta' prodott, il-partijiet tal-ġisem |
Il-konċentrazzjoni massima fi preparazzjoni lesta għall-użu |
Oħrajn |
||
a |
b |
c |
d |
e |
f |
g |
h |
i |
“X |
Iż-żejt tal-karawett, l-estratti u d-derivati |
Iż-żejt tal-Arachis Hypogaea |
8002-03-7 |
232-296-4 |
|
|
Il-konċentrazzjoni massima ta' 0,5 ppm (*1) |
|
L-estratt tal-qoxra taż-żerriegħa tal-Arachis Hypogaea |
8002-03-7 |
232-296-4 |
||||||
Id-dqiq tal-Arachis Hypogaea |
8002-03-7 |
232-296-4 |
||||||
L-estratt tal-frotta tal-Arachis Hypogaea |
8002-03-7 |
232-296-4 |
||||||
L-estratt tan-nibet tal-Arachis Hypogaea |
|
|
||||||
Iż-żejt tal-karawett idroġenat |
68425-36-5 |
270-350-9 |
||||||
L-aċidu tal-karawett |
91051-35-3 |
293-087-1 |
||||||
Il-gliċeridi tal-karawett |
91744-77-3 |
294-643-6 |
||||||
L-esteri PEG-6 taż-żejt tal-karawett |
68440-49-3 |
|
||||||
Il-Peanutamide MEA |
93572-05-5 |
297-433-2 |
||||||
Il-Peanutamide MIPA |
|
|
||||||
Il-Peanutate tal-potassju |
61789-56-8 |
263-069-8 |
||||||
Il-Peanutamfoaċetate tas-sodju |
|
|
||||||
Il-Peanutate tas-sodju |
61789-57-9 |
263-070-3 |
||||||
Iż-żejt tal-karawett issulfat |
73138-79-1 |
277-298-6 |
||||||
Y |
Il-proteina tal-qamħ idrolizzata |
Il-Proteina tal-Qamħ Idrolizzata |
94350-06-8 / 222400-28-4 / 70084-87-6 / 100209-50-5 |
305-225-0 |
|
|
Il-piż medju molekulari massimu tal-peptidi fl-idrolisati: 3,5 kDa (*2)”. |
|
309-358-5 |
(*1) Mill-25 ta' Settembru 2018 il-prodotti kożmetiċi li fihom iż-żejt tal-karawett, l-estratti u d-derivati u ma jikkonformawx ma' dik ir-restrizzjoni ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mill-25 ta' Diċembru 2018 il-prodotti kożmetiċi il-prodotti kożmetiċi li fihom iż-żejt tal-karawett, l-estratti u d-derivati u ma jikkonformawx ma' dik ir-restrizzjoni ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.
(*2) Mill-25 ta' Settembru 2018 il-prodotti kożmetiċi li fihom il-proteina tal-qamħ idrolizzata u ma jikkonformawx ma' dik ir-restrizzjoni ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mill-25 ta' Diċembru 2018 il-prodotti kożmetiċi li fihom il-proteina tal-qamħ idrolizzata u ma jikkonformawx ma' dik ir-restrizzjoni ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.