Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2188

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2188 tal-11 ta' Awwissu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-deroga marbuta mar-rekwiżiti ta' fondi proprji għal ċerti bonds koperti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/5562

    ĠU L 310, 25.11.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/2188/oj

    25.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 310/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2188

    tal-11 ta' Awwissu 2017

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-deroga marbuta mar-rekwiżiti ta' fondi proprji għal ċerti bonds koperti

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 503(4) tiegħu.

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 496 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jeżentaw, għal ċerti bonds koperti u sal-31 ta' Diċembru 2017, il-livell limitu ta' 10 % msemmi fl-Artikolu 129(1)(d)(ii) ta' dak ir-Regolament u l-Artikolu 129(1)(f)(ii) ta' dak ir-Regolament.

    (2)

    L-Artikolu 503(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jobbliga lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-adegwatezza ta' din il-possibiltà għall-awtoritajiet kompetenti u tiddeċiedi jekk din il-possibiltà għandhiex issir permanenti. Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Bankarja Ewropea tipprovdi konsulenza teknika dwar din il-kwistjoni. Din it-talba rriżultat fir-“Report on EU Covered Bond Frameworks and Capital Treatment”(ir-Rapport dwar l-Oqfsa u t-Trattament tal-Kapital ta' Bonds Koperti fl-UE. Il-Kummissjoni użat dan ir-rapport biex tkompli tivvaluta l-arranġamenti superviżorji u regolatorji applikabbli għal bonds koperti u sussegwentement ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-Artikolu 503 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    (3)

    Minn dan ir-rapport, irriżulta li għadd limitat biss ta' oqfsa nazzjonali ta' bonds koperti jippermettu l-inklużjoni ta' titoli abbażi ta' ipoteka fuq proprjetà residenzjali jew kummerċjali jew strutturi intragrupp ta' bonds koperti miġburin f'daqqa. Madankollu, peress li xi istituzzjonijiet, fil-mudelli kummerċjali tagħhom, jiddependu fuq l-użu tad-deroga mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti, ikun xieraq, għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jestendu d-deroga msemmija fl-Artikolu 496(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 lil hinn mid-data msemmija f'din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 496(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat biex titħassar id-data msemmija f'din id-dispożizzjoni, bil-ftehim li madankollu jista' jkun li l-possibiltà għall-awtoritajiet kompetenti biex jagħtu deroga jkollha tiġi vvalutata mill-ġdid fil-kuntest ta' qafas futur ta' bonds koperti.

    (4)

    Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, ikun adegwat li tiġi prevista deroga permanenti li tibda mill-jum ta' wara l-iskadenza tad-deroga attwali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 496(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, is-sentenza introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

    “L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw kompletament jew parzjalment mil-limitu ta' 10 % lill-unitajiet prijoritarji maħruġa mill-Fonds Communs de Créances Franċiżi jew minn entitajiet ta' titolazzjoni li huma ekwivalenti għall-Fonds Communs de Créances Franċiżi stabbiliti fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 129(1), dment li jiġu sodisfatti ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Awwissu 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.


    Top