Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1203

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1203 tal-5 ta' Lulju 2017 li jemenda d-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) u l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) miżjuda mal-ikel u użati fil-manifattura ta' supplimenti tal-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4509

ĠU L 173, 6.7.2017, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1203/oj

6.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1203

tal-5 ta' Lulju 2017

li jemenda d-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) u l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) miżjuda mal-ikel u użati fil-manifattura ta' supplimenti tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE jistabbilixxi l-lista ta' vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta' supplimenti tal-ikel.

(2)

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/46/KE, dispożizzjonijiet dwar vitamini u sustanzi minerali fis-supplimenti tal-ikel li jista' jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(3)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jistabbilixxi l-lista ta' vitamini u sustanzi minerali, u għal kull waħda minnhom il-forom, li jistgħu jiżdiedu mal-ikel.

(4)

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, modifiki għal-lista pprovduta fl-Anness II tal-istess Regolament għandhom jiġu adottati filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Awtorità.

(5)

Wara talba biex is-siliċju organiku bħala sors ta' siliċju jiġi miżjud fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE, fid-9 ta' Marzu 2016 l-Awtorità adottat Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol; MMST) bħala ingredjent ġdid tal-ikel għal użu bħala sors ta' siliċju fis-supplimenti tal-ikel u bħala sors ta' bijodisponibbiltà ta' aċidu ortosiliċiku mis-sors (3).

(6)

Minn dik l-opinjoni jirriżulta li l-użu tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) f'supplimenti tal-ikel ma joħloqx tħassib ta' sikurezza bħala sors ta' siliċju, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(7)

Filwaqt li titqies l-opinjoni favorevoli tal-Awtorità, is-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) għandu jiġi inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE.

(8)

Wara talba biex l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) bħala sors ta' kalċju jiġu miżjuda fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u fil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, fis-26 ta' April 2016 l-Awtorità adottat Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza tal-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) bħala sors ta' kalċju miżjud mal-ikel, mas-supplimenti tal-ikel u ma' ikel għal skopijiet mediċi speċjali għal għanijiet nutrizzjonali (4).

(9)

Minn dik l-opinjoni jirriżulta li ż-żieda ta' oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) mal-ikel, kif ukoll l-użu tagħhom f'supplimenti tal-ikel, ma joħolqux tħassib ta' sikurezza bħala sors ta' kalċju, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(10)

Filwaqt li titqies l-opinjoni favorevoli tal-Awtorità, l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) għandhom jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u fil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

(11)

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti, u l-kummenti li tressqu ġew ikkunsidrati.

(12)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 għandhom jiġu emendati skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.

(2)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(3)  EFSA Journal 2016;14(4):4436

(4)  EFSA Journal 2016;14(6):4488


ANNESS

1.

Il-Punt B tal-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE huwa emendat kif ġej:

a)

tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni għal “aċidu siliċiku”:

“siliċju organiku (monometilsilanetrijol)”;

b)

tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni “sulfat tal-kalċju”:

“oligosakkaridi tal-kalċju fosforil”.

2.

Fil-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni “sulfat tal-kalċju”:

“oligosakkaridi tal-kalċju fosforil”.


Top