This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0781
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/781 of 5 May 2017 withdrawing the approval of the active substance methyl nonyl ketone, in accordance with Regulation (EC) No 1107/2009 of the European Parliament and of the Council concerning the placing of plant protection products on the market, and amending Commission Implementing Regulation (EU) No 540/2011 (Text with EEA relevance. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/781 tal-5 ta' Mejju 2017 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/781 tal-5 ta' Mejju 2017 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/2875
ĠU L 118, 6.5.2017, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
6.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 118/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/781
tal-5 ta' Mejju 2017
li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet il-metilnonilketon bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 (4) kien jeħtieġ li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġiet inkluża l-metilnonilketon irid jipprovdi aktar informazzjoni ta' konferma dwar (a) l-ispeċifikazzjoni tal-materjal ittestjat fl-istudji tat-tossikoloġija u l-ekotossikoloġija tal-mammiferi, (b) l-ispeċifikazzjoni b'dejta ta' appoġġ tal-lott u metodi vvalidati ta' analiżi, (c) valutazzjoni xierqa tad-destin u l-imġiba ta' dik is-sustanza u l-prodotti potenzjalment trasformattivi tagħha fl-ambjent u (d) ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi u għall-organiżmi li jgħixu fil-ħamrija. Din l-informazzjoni kellha tintbagħat sat-30 ta' April 2013 għall-punti (a) u (b) u sal-31 ta' Diċembru 2015 għal punti (c) u (d). |
(2) |
Is-sustanzi attivi li hemm fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u qegħdin elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5). |
(3) |
In-notifikant naqas milli jippreżenta informazzjoni ta' konferma dwar il-punti (c) u (d) tal-premessa (1) sal-31 ta' Diċembru 2015. In-notifikatur naqas ukoll milli jwieġeb ittra mill-Kummissjoni li tagħtu l-opportunità li jispjega l-pożizzjoni tiegħu qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi rtirata s-sustanza. |
(4) |
Konsegwentement, huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-metilnonilketon. |
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan. |
(6) |
L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza. Huwa xieraq li jiġi limitat it-tul massimu tal-perjodu ta' grazzja mogħti minn Stati Membri b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva. |
(7) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Irtirar tal-approvazzjoni
L-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon hija rtirata.
Artikolu 2
Emenda għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 238 dwar il-metilnonilketon.
Artikolu 3
Miżuri tranżitorji
L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metilnonilketon bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mis-26 ta' Awwissu 2017.
Artikolu 4
Perjodu ta' grazzja
Il-perjodu ta' grazzja li jingħata mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mis-26 ta' Awwissu 2018.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 tas-6 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ (ĠU L 177, 7.7.2012, p. 19).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal- 25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).