Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0409

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/409 tat-8 ta' Marzu 2017 li japprova s-sustanza bażika perossidu tal-idroġenu skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/1468

ĠU L 63, 9.3.2017, p. 95–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/409/oj

9.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/95


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/409

tat-8 ta' Marzu 2017

li japprova s-sustanza bażika perossidu tal-idroġenu skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fid-9 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-perossidu tal-idroġenu bħala sustanza bażika. Ma' dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fit-13 ta' Settembru 2016 (2), l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' rieżami (3) kif ukoll abbozz ta' dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fis-6 ta' Diċembru 2016 u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dak il-Kumitat fl-24 ta' Jannar 2017.

(3)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li l-perossidu tal-idroġenu għandu jiġi approvat għall-użu bħala sustanza attiva fil-prodotti bijoċidali għall-iġjene tal-bniedem permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1730 (4). Is-sustanza ma tintużax b'mod predominanti għall-protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma. Konsegwentement, għandha titqies bħala sustanza bażika.

(4)

Minn bosta eżamijiet li saru deher li l-perossidu tal-idroġenu jista' jkun mistenni li jissodisfa, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-perossidu tal-idroġenu jiġi approvat bħala sustanza bażika.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ madankollu li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fid-dettall fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Is-sustanza perossidu tal-idroġenu kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2016; Outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for hydrogen peroxide for use in plant protection as fungicide and bactericide in seed treatment and for disinfecting cutting tools. (L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni tas-sustanza bażika għall-perossidu tal-idroġenu għall-użu fil-protezzjoni tal-pjanti bħala funguċida u batteriċida fit-trattamenti taż-żerriegħa u għad-diżinfettar tal-għodda tat-tqattigħ. EFSA supporting publication 2016:EN-1091. 39 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=MT

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1730 tat-28 ta' Settembru 2015 li japprova l-perossidu tal-idroġenu bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 1, 2, 3, 4, 5 u 6 (ĠU L 252, 29.9.2015, p. 27).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Perossidu tal-idroġenu

Nru CAS 7722-84-1

Perossidu tal-idroġenu

Soluzzjoni fl-ilma (< 5 %)

Il-perossidu tal-idroġenu użat għall-manifattura tas-soluzzjoni għandu jkollu purità skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-FAO JECFA.

Id-29 ta' Marzu 2017

Il-perossidu tal-idroġenu għandu jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar il-perossidu tal-idroġenu (SANTE/11900/2016) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“15

Perossidu tal-idroġenu

Nru CAS 7722-84-1

Perossidu tal-idroġenu

Soluzzjoni fl-ilma (< 5 %)

Il-perossidu tal-idroġenu użat għall-manifattura tas-soluzzjoni għandu jkollu purità skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-FAO JECFA.

Id-29 ta' Marzu 2017

Il-perossidu tal-idroġenu għandu jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar il-perossidu tal-idroġenu (SANTE/11900/2016) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(*1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


Top