Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0375

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/375 tat-2 ta' Marzu 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva prosulfuron, bħala kandidat għas-sostituzzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/1300

    ĠU L 58, 4.3.2017, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/04/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/375/oj

    4.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 58/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/375

    tat-2 ta' Marzu 2017

    li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva prosulfuron, bħala kandidat għas-sostituzzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2), l-approvazzjoni tas-sustanza attiva prosulfuron tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2017.

    (2)

    Tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-prosulfuron fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (4) fil-perjodu taż-żmien stipulat f'dak l-Artikolu.

    (3)

    L-applikant ressaq id-dossiers supplimentari meħtieġa skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet kompluta.

    (4)

    Fil-15 ta' Lulju 2013, l-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni.

    (5)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll is-sommarju tad-dossier supplimentari għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (6)

    Fil-25 ta' Awwissu 2014 l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (5) dwar jekk jistax jiġi mistenni li l-prosulfuron jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fid-29 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport ta' reviżjoni għall-prosulfuron lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (7)

    Ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 huma ssodisfati għal wieħed jew aktar mill-użi rappreżentattivi ta' mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva. Għalhekk, qed jitqies li dawk il-kriterji għall-approvazzjoni huma ssodisfati.

    (8)

    Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. Huwa xieraq, b'mod partikolari, li jiġi ristrett l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-prosulfuron sabiex titnaqqas l-espożizzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, bl-iffissar ta' doża massima ta' 20 g ta' sustanza attiva għal kull ettaru, kull tliet snin fl-istess għalqa u li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

    (9)

    Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-prosulfuron hija msejsa fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-prosulfuron. Għalhekk huwa xieraq li titneħħa r-restrizzjoni fuq l-użi bħala erbiċida.

    (10)

    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-prosulfuron huwa kandidat għas-sostituzzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-prosulfuron hija sustanza persistenti u tossika skont il-punti 3.7.2.1 u 3.7.2.3 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, billi n-nofs ħajja fl-ilma ħelu hija aktar minn 40 jum u l-konċentrazzjoni ta' bla effett osservat għal żmien twil għall-organiżmi tal-ilma ħelu hija inqas minn 0,01 mg/L. Għalhekk is-sustanza prosulfuron tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (11)

    Għaldaqstant, jixraq li l-approvazzjoni tal-prosulfuron bħala kandidat għas-sostituzzjoni tiġġedded.

    (12)

    Skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 13(4) tiegħu, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

    (13)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/549 (6) tawwal id-data tal-iskadenza tal-prosulfuron sabiex il-proċess ta' tiġdid ikun jista' jitlesta qabel ma tiskadi l-approvazzjoni ta' dik is-sustanza. Madankollu, minħabba li d-deċiżjoni dwar it-tiġdid laħqet ittieħdet qabel id-data ta' skadenza estiża, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2017.

    (14)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva bħala kandidat għas-sostituzzjoni

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva prosulfuron, bħala kandidat għas-sostituzzjoni, tiġġedded kif stabbilit fl-Anness I.

    Artikolu 2

    Emendi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2017.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).

    (5)  EFSA Journal (2014);12(9):3815. Disponibbli online fuq: www.efsa.europa.eu

    (6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/549 tat-8 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi bentażon, ċjalofop butil, dikwat, famoksadon, flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), metalaksil-M, pikolinafen, prosulfuron, pimetrożina, tijabendażol u tifensulfuron-metil (ĠU L 95, 9.4.2016, p. 4).


    ANNESS I

    Isem komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Prosulfuron

    Numru CAS 94125-34-5

    Numru CIPAC 579

    1-(4-metossi-6-metil-triażin-2-il)-3-[2-(3,3,3-trifluworopropil)-fenilsulfonil]-urea

    950 g/kg

    L-impurità 2-(3,3,3-trifluworo-propil)-benżen sulfonammid ma għandhiex taqbeż l-10 g/kg fil-materjal tekniku.

    L-1 ta' Mejju 2017

    It-30 ta' April 2024

    PARTI A

    L-użu għandu jkun limitat għal applikazzjoni waħda kull tliet snin fl-istess għalqa f'doża massima ta' 20 g ta' sustanza attiva għal kull ettaru.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-prosulfuron, u b'mod partikulari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil:

    il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u/jew kundizzjonijiet ta' klima vulnerabbli,

    ir-riskju għall-pjanti terrestri u akkwatiċi mhux fil-mira.

    Meta jkun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.

    L-applikant għandu jissottometti informazzjoni ta' konferma rigward il-potenzjal ġenotossiku tal-metabolit triażinammina (CGA150829), biex jikkonferma li dan il-metabolit mhuwiex ġenotossiku u mhuwiex rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sal-31 ta' Ottubru 2017.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta' reviżjoni.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, titħassar l-entrata 31 dwar il-prosulfuron;

    (2)

    fil-Parti E, tiżdied l-entrata li ġejja:

     

    Isem komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (*1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “6

    Prosulfuron

    Numru CAS 94125-34-5

    Numru CIPAC 579

    1-(4-metossi-6-metil-triażin-2-il)-3-[2-(3,3,3-trifluworopropil)-fenilsulfonil]-urea

    950 g/kg

    L-impurità 2-(3,3,3-trifluworo-propil)-benżen sulfonammid ma għandhiex taqbeż l-10 g/kg fil-materjal tekniku.

    L-1 ta' Mejju 2017

    It-30 ta' April 2024

    PARTI A

    L-użu għandu jkun limitat għal applikazzjoni waħda kull tliet snin fl-istess għalqa f'doża massima ta' 20 g ta' sustanza attiva għal kull ettaru.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-prosulfuron, u b'mod partikulari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil:

    il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u/jew kundizzjonijiet ta' klima vulnerabbli.

    ir-riskju għall-pjanti terrestri u akkwatiċi mhux fil-mira.

    Meta jkun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jissottometti informazzjoni konfermatorja rigward il-potenzjal ġenotossiku tal-metabolit triażinammina (CGA150829), biex jikkonferma li dan il-metabolit mhuwiex ġenotossiku u mhuwiex rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskju;

    L-applikant għandu jissottometti din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sal-31 ta' Ottubru 2017.”


    (*1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta' reviżjoni.


    Top