Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R2145

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/2145 tal-1 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

    ĠU L 333, 8.12.2016, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2145/oj

    8.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 333/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/2145

    tal-1 ta' Diċembru 2016

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bis-sentenza tagħha tas-7 ta' Settembru 2016 fil-Kawża C-113/14 (1), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) annullat l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li jiddetermina l-limiti ta' referenza għal ċerti prodotti agrikoli għar-raġuni li dawk il-limiti kien imisshom ġew adottati mill-Kunsill biss, fuq proposta tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

    (2)

    Il-Qorti annullat ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (3) li jiddetermina l-livell tal-prezzijiet ta' intervent pubbliku għar-raġuni li dak l-Artikolu huwa marbut b'mod inseparabbli mal-Artikolu 7 l-annullat tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (3)

    Il-Qorti ddikjarat li l-effetti legali tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 kellhom jinżammu għal perjodu massimu ta' ħames xhur mid-data tad-deċiżjoni.

    (4)

    Għaldaqstant jeħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jiġi emendat qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames xhur billi jiddaħħlu u jiġu emendati rispettivament id-dispożizzjonijiet dwar il-limiti ta' referenza u l-livelli tal-prezzijiet ta' intervent li ġew annullati mill-Qorti u billi jsiru xi aġġustamenti minħabba konsegwenzjali.

    (5)

    Fid-dawl tal-limitu taż-żmien stabbilit mill-Qorti fis-sentenza tagħha, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 1a

    Limiti ta' referenza

    1.   Il-limiti ta' referenza li ġejjin huma ffissati:

    (a)

    fis-settur taċ-ċereali: EUR 101,31/tunnellata, fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa ta' merkanzija li titwassal sal-maħżen, qabel ma tinħatt;

    (b)

    għar-ross fil-fosdqa: EUR 150/tunnellata għall-kwalità standard kif iddefinita fil-punt A tal-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa ta' merkanzija li titwassal sal-maħżen, qabel ma tinħatt;

    (c)

    għaz-zokkor ta' kwalità standard kif iddefinit fil-punt B tal-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għaz-zokkor mhux ippakkjat li jinħareġ mill-fabrika:

    (i)

    għaz-zokkor abjad: EUR 404,4/tunnellata;

    (ii)

    għaz-zokkor mhux raffinat: EUR 335,2/tunnellata;

    (d)

    għas-settur taċ-ċanga u l-vitella: EUR 2 224/tunnellata għall-karkassi ta' annimali tal-ifrat maskili tal-klassi ta' konformazzjoni/kisja ta' xaħam R3 kif stabbilit fl-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-annimali tal-ifrat li jkollhom tmien xhur jew aktar, imsemmija fil-punt A tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (e)

    għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib:

    (i)

    EUR 246,39 għal kull 100 kg ta' butir;

    (ii)

    EUR 169,80 għal kull 100 kg trab tal-ħalib xkumat;

    (f)

    għal-laħam tal-majjal: EUR 1 509,39/tunnellata għall-karkassi tal-majjal ta' kwalità standard iddefinita skont il-piż u l-kontenut ta' laħam dgħif kif stabbilit fl-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal imsemmija fil-punt B tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif ġej:

    (i)

    karkassi li jiżnu minn 60 kg sa anqas minn 120 kg: klassi E;

    (ii)

    karkassi li jiżnu minn 120 kg sa 180 kg: klassi R;

    (g)

    għas-settur taż-żejt taż-żebbuġa

    (i)

    EUR 1 779 t-tunnellata għaż-żejt taż-żebbuġa extra verġni;

    (ii)

    EUR 1 710 t-tunnellata għaż-żejt taż-żebbuġa verġni;

    (iii)

    EUR 1 524 t-tunnellata għaż-żejt taż-żebbuġa lampante b'żewġ gradi ta' aċidità ħielsa; dan l-ammont għandu jitnaqqas b'EUR 36,70 t-tunnellata għal kull grad ta' aċidità fuq iż-żewġ gradi.

    2.   Il-limiti ta' referenza previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu analizzati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu l-kriterji oġġettivi, b'mod partikolari l-iżviluppi fil-produzzjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni (partikolarment l-inputs), u x-xejriet tas-suq. Meta jeħtieġ, il-limiti ta' referenza għandhom jiġu aġġornati skont il-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 43(3) tat-TFUE fid-dawl tal-iżviluppi fil-produzzjoni u fis-swieq.

    3.   Ir-referenzi għal-limiti ta' referenza fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”.

    (2)

    L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Il-prezzijiet ta' intervent pubbliku

    1.   Il-livell tal-prezz ta' intervent pubbliku:

    (a)

    tal-qamħ komuni, tal-qamħ durum, tax-xgħir, tal-qamħirrum, tar-ross fil-fosdqa u tat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun ugwali għal-limitu ta' referenza rispettiv stabbilit fl-Artikolu 1a fil-każ ta' xiri sfurzat bi prezz fiss, u ma għandux ikun ogħla mil-limitu ta' referenza rispettiv fil-każ ta' xiri sfurzat b'sejħa għall-offerti;

    (b)

    tal-butir għandu jkun ugwali għal 90 % tal-limitu ta' referenza stabbilit fl-Artikolu 1a fil-każ ta' xiri sfurzat bi prezz fiss u ma għandux ikun aktar minn 90 % ta' dak il-limitu ta' referenza fil-każ ta' xiri sfurzat b'sejħa għall-offerti;

    (c)

    għal ċanga u vitella m'għandux jaqbeż 85 % tal-livell ta' referenza stabbilit fl-Artikolu 1a.

    2.   Il-prezzijiet ta' intervent pubbliku tal-qamħ komuni, tal-qamħ durum, tax-xgħir, tal-qamħirrum u tar-ross fil-fosdqa msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġustati b'żidiet jew bi tnaqqis fil-prezz għal dawk il-prezzijiet ibbażati fuq il-kriterji ta' kwalità prinċipali għall-prodotti.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta' implimentazzjoni li jiddeterminaw iż-żidiet jew it-tnaqqis fil-prezzijiet ta' intervent pubbliku tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu skont il-kondizzjonijiet stipulati fih. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).”.

    (3)

    Fl-Artikolu 8, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(b)

    il-prezz taz-zokkor żejjed li jkun disponibbli fis-suq tal-Unjoni, jew jekk ma jkunx hemm zokkor żejjed f'dak is-suq, il-limitu ta' referenza għaz-zokkor stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1a.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ÉRSEK


    (1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2016, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-113/14, ECLI:EU:C:2016:635.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).


    Top