Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1755

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

    ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/09/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1755/oj

    2.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 257/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/1755

    tal-1 ta' Ottubru 2015

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi li tipprovdi għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u għall-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, entitajiet jew korpi responsabbli għall-imminar tad-demokrazija, jew li jostakolaw l-isforz għal soluzzjoni politika fil-Burundi, anke permezz ta' atti ta' vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, persuni, entitajiet jew korpi involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni, jew fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Burundi. Dawk il-persuni, entitajiet u korpi huma elenkati fl-Anness mad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763.

    (2)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763.

    (3)

    Huwa kunsiljabbli li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu proposta għal Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi.

    (4)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

    (5)

    Jinħtieġ li s-setgħa ta' modifika tal-lista fl-Anness I ta' dan ir-Regolament tkun eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà fir-reġjun maħluqa mis-sitwazzjoni fil-Burundi u sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni l-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1763.

    (6)

    Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tkun żgurata ċertezza legali massima fl-Unjoni, huwa tassattiv li jiġu ppubblikati l-ismijiet u dejta oħra rilevanti li jikkonċernaw lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikollhom jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament. Kull ipproċessar ta' dejta personali għandu jkun konformi mad-Direttiva 95/46/KE (2) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (3).

    (7)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ minnufih mal-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “pretensjoni” tfisser kull talba, kemm jekk asserita bi proċeduri legali kif ukoll jekk le, magħmula qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, taħt jew b'rabta ma' kuntratt jew tranżazzjoni, u b'mod partikolari tinkludi:

    (i)

    pretensjoni għall-eżekuzzjoni ta' kull obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom;

    (ii)

    pretensjoni għall-proroga jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kull forma;

    (iii)

    pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

    (iv)

    kontropretensjoni;

    (v)

    pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, ta' deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

    (b)

    “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kull tranżazzjoni irrispettivament mill-forma tagħha u irrispettivament mill-liġi applikabbli, li tikkonsisti f'kuntratt jew obbligi simili wieħed jew aktar magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew mhux, kif ukoll kull dispożizzjoni relatata li toriġina mit-tranżazzjoni jew tkun marbuta magħha;

    (c)

    “awtoritajiet kompetenti” tirriferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

    (d)

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

    (e)

    “iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, beni jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

    (f)

    “iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess għal, jew innegozjar ta' fondi b'mod li jwassal għal xi bidla fil-volum, l-ammont, il-post, il-proprjetà, il-pussess, il-karattru, id-destinazzjoni jew xi bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluża l-amministrazzjoni tal-portafolli;

    (g)

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

    (i)

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

    (ii)

    depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

    (iii)

    titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

    (iv)

    imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jirriżulta jew li hu ġġenerat minnhom;

    (v)

    kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

    (vi)

    ittri ta' kreditu, poloz ta' karigu, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

    (vii)

    dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

    (h)

    “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

    Artikolu 2

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew fil-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I.

    3.   L-Anness I jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala li:

    (a)

    qegħdin jimminaw id-demokrazija jew jostakolaw l-isforz għal soluzzjoni politika fil-Burundi, anke b'atti ta' vjolenza, repressjoni jew bl-inċitament għall-vjolenza;

    (b)

    huma involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni, jew fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Burundi; u

    (c)

    huma assoċjati mal-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

    Artikolu 3

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b'dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

    (d)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 4

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti għal deċiżjoni arbitrarja stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 iddaħħlu fil-lista fl-Anness I, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 5

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2(1) u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, b'dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; kif ukoll

    (b)

    il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 2(2).

    2.   L-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    1.   L-Artikolu 2(2) ma jwaqqafx l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, tal-entità jew tal-korp elenkati, dejjem jekk kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kull tranżazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

    2.   L-Artikolu 2(2) ma japplikax għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

    (c)

    ħlasijiet dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat;

    bil-kundizzjoni li kull imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet bħal dawn ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2(1).

    Artikolu 7

    1.   Bla preġudizju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi:

    (a)

    ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru lill-Kummissjoni; kif ukoll

    (b)

    jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex din l-informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod.

    2.   Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni tkun disponibbli għall-Istati Membri.

    3.   Kull informazzjoni mogħtija jew riċevuta skont dan l-Artikolu tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet riċevuta.

    Artikolu 8

    Il-parteċipazzjoni b'mod konxju u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artiklu 2 hija pprojbita.

    Artikolu 9

    1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fede abbażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma joħloqx responsabbiltà ta' kull tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

    2.   L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma jagħtux lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 10

    1.   Ebda talba b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet effettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, permezz tal-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħall-pretensjoni għal kumpens jew il-pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull għamla, ma tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

    (a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi nnominati, elenkati fl-Anness I;

    (b)

    kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li taġixxi permezz ta' waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li taġixxi f'isimhom, imsemmija fil-punt (a).

    2.   F'kull proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, ikun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nonadempiment ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin dwar il-miżuri meħuda b'dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

    (a)

    dwar il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3, 4 u 5;

    (b)

    fir-rigward ta' ksur u ta' problemi li jirrigwardaw l-infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 12

    Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

    Artikolu 13

    1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jagħmel persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), hu għandu jemenda l-Anness I skont il-każ.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont il-każ.

    4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

    Artikolu 14

    1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati.

    2.   L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 15

    1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

    Artikolu 16

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti.

    3.   Fejn dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha xorta oħra, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal din il-komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness II.

    Artikolu 17

    Dan ir-Regolament japplika:

    (a)

    fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

    (b)

    abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

    (c)

    għal kull persuna fiżika fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

    (d)

    għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta' Stat Membru;

    (e)

    għal kull persuna ġuridika, entità jew korpi fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

    Artikolu 18

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. SCHNEIDER


    (1)  Ara l-paġna 37 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


    ANNESS I

    Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 2

    Nru

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

    1.

    Godefroid BIZIMANA

    Data tat-Twelid: 23.4.1968

    Post tat-Twelid: NYAGASEKE, MABAYI, CIBITOKE

    Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: DP0001520

    Viċi Direttur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali, responsabbli li dgħajjef id-demokrazija billi ħa deċiżjonijiet operazzjonali li wasslu għal użu sproporzjonat ta' forza u atti ta' repressjoni vjolenti lejn dimostrazzjonijiet paċifiċi li bdew fis-26 ta' April 2015 wara li tħabbret il-kandidatura presidenzjali tal-President Nkurunziza.

    2.

    Gervais NDIRAKOBUCA psewdonimu NDAKUGARIKA

    Data tat-Twelid: 1.8.1970

    Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: DP0000761

    Kap tal-Kabinett tal-Amministrazzjoni Presidenzjali (Présidence) responsabbli minn kwistjonijiet relatati mal-Pulizija Nazzjonali. Responsabbli li fixkel it-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-Burundi billi ta struzzjonijiet li wasslu għal użu sproporzjonat ta' forza, atti ta' vjolenza, atti ta' repressjoni u ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra dimostranti waqt protesti mis-26 ta' April 2015 'il quddiem, wara li tħabbret il-kandidatura tal-President Nkurunziza, inkluż fis-26, 27 u t-28 ta' April fid-distretti ta' Nyakabiga u Musaga f'Bujumbura.

    3.

    Mathias/Joseph NIYONZIMA psewdonimu KAZUNGU

    Numru ta' reġistrazzjoni (SNR): O/00064

    Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: OP0053090

    Uffiċjal fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali. Responsabbli li fixkel it-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-Burundi billi inċita l-vjolenza u atti ta' repressjoni waqt il-protesti li bdew fis-26 ta' April 2015 wara li tħabbret il-kandidatura presidenzjali tal-President Nkurunziza. Responsabbli li għen iħarreġ, jikkoordina u jarma lill-milizzji paramilitari Imbonerakure, inkluż barra l-Burundi, li huma responsabbli għal atti ta' vjolenza, repressjoni u abbużi serji kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi.

    4.

    Léonard NGENDAKUMANA

    Data tat-Twelid: 24.11.1968

    Nazzjonalità Burundjana. Numru tal-passaport: DP0000885

    Ex-“Chargé de Missions de la Présidence” u ex ġeneral tal-armata. Responsabbli li fixkel it-tfittxija għal soluzzjoni politika fil-Burundi billi ħa sehem fit-tentattiv ta' kolp ta' stat fit-13 ta' Mejju 2015 biex iwaqqa' l-Gvern Burundjan. Responsabbli għal atti ta' vjolenza — attakki bil-granati — imwettqa fil-Burundi, kif ukoll għal inċitament għall-vjolenza. Il-Ġeneral Léonard Ngendakumana pubblikament appoġġa l-vjolenza bħala mezz biex jintlaħqu għanijiet politiċi.


    ANNESS II

    Siti elettroniċi għal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u indirizz biex tiġi nnotifikata l-Kummissjoni Ewropea

    IL-BELĠJU

    http://www.diplomatie.be/eusanctions

    IL-BULGARIJA

    http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA

    http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

    ID-DANIMARKA

    http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

    ILĠERMANJA

    http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

    L-ESTONJA

    http://www.vm.ee/est/kat_622/

    L-IRLANDA

    http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

    IL-GREĊJA

    http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

    SPANJA

    http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

    FRANZA

    http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

    IL-KROAZJA

    http://www.mvep.hr/sankcije

    ITALJA

    http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

    ĊIPRU

    http://www.mfa.gov.cy/sanctions

    IL-LATVJA

    http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

    IL-LITWANJA

    http://www.urm.lt/sanctions

    IL-LUSSEMBURGU

    http://www.mae.lu/sanctions

    L-UNGERIJA

    http://2010-2014.kormany.hu/download/b/3b/70000/ENSZBT-ET-szankcios-tajekoztato.pdf

    MALTA

    https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

    IN-NETHERLANDS

    http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

    L-AWSTRIJA

    http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

    IL-POLONJA

    http://www.msz.gov.pl

    IL-PORTUGALL

    http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

    RUMANIJA

    http://www.mae.ro/node/1548

    IS-SLOVENJA

    http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

    IS-SLOVAKKJA

    http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

    IL-FINLANDJA

    http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

    L-IŻVEZJA

    http://www.ud.se/sanktioner

    IR-RENJU UNIT

    https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

    INDIRIZZ GĦAL NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI EWROPEA:

    European Commission

    Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

    EEAS 02/309

    1049 Brussels

    Belgium

    Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu


    Top