Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1154

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1154 tal-14 ta' Lulju 2015 li japprova s-sustanza attiva sulfosulfuron, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 187, 15.7.2015, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1154/oj

    15.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 187/18


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1154

    tal-14 ta' Lulju 2015

    li japprova s-sustanza attiva sulfosulfuron, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod parikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfosulfuron, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2), tieqaf tgħodd fil-31 ta' Diċembru 2015.

    (2)

    Tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-inklużjoni tas-sulfosulfuron fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (4) fiż-żmien stipulat f'dak l-Artikolu.

    (3)

    L-applikant ressaq id-dossiers supplimentari f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010, flimkien ma' spjegazzjoni fir-rigward tar-rilevanza ta' kull studju ġdid imressaq. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet sħiħa.

    (4)

    L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem: “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju 2013.

    (5)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-osservazzjonijiet u għaddiet l-osservazzjonijiet li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll il-fajl supplimentari sommarju għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (6)

    Fit-3 ta' Lulju 2014, l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jistax jiġi mistenni li s-sulfosulfuron jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fit-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tar-rapport tal-evalwazzjoni għas-sulfosulfuron lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (7)

    Fir-rigward ta' użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' minn tal-anqas prodott wieħed għall-ħarsien tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, kien stabbilit li ntlaħqu l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4. Għaldaqstant, dawk il-kriterji għall-approvazzjoni jistgħu jitqiesu li huma sodisfatti.

    (8)

    Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sulfosulfuron huwa bbażat fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sulfosulfuron. Għaldaqstant huwa xieraq li ma tinżammx ir-restrizzjoni għal użi bħala erbiċida.

    (9)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li l-approvazzjoni tas-sulfosulfuron tiġi mġedda.

    (10)

    F'konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 13(4) tal-istess Regolament, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat.

    (11)

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum ta' wara l-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfosulfuron kif imsemmi fil-premessa 1.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-tiġdid tal-approvazzjoni ta' sustanza attiva

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfosulfuron, kif speċifikat fl-Anness I, hija mġedda, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Sulfosulfuron

    Nru tal-CAS: 141776-32-1

    Nru CIPAC: 601

    1-(4,6-dimetossipirimidin-2-il)-3-(2-etilsulfonilimidażo[1,2-a]piridina-3-ilsulfonil)urea

    ≥ 980 g/kg

    L-impurità rilevanti li ġejja ma għandhiex taqbeż ċertu livell limitu fil-materjal tekniku:

    Fenol: < 2 g/kg

    fl-1 ta' Jannar 2016

    fil-31 ta' Diċembru 2030

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar is-sulfosulfuron, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    lill-ħarsien tal-ilma tal-pjan, meta s-sustanza tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u/jew kundizzjonijiet tal-klima vulnerabbli;

    lir-riskju għal makroorganiżmi tal-ħamrija mhux fil-mira għajr għall-ħniex, għall-pjanti terrestri mhux fil-mira u għall-organiżmi akkwatiċi.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti A, titħassar l-entrata 32 dwar is-sulfosulfuron.

    (2)

    Fil-Parti B, tiżdied l-entrata 89 li ġejja:

     

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (*)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “89

    Sulfosulfuron

    Nru tal-CAS: 141776-32-1

    Nru CIPAC: 601

    1-(4,6-dimetossipirimidin-2-il)-3-(2-etilsulfonilimidażo[1,2-a]piridina-3-ilsulfonil)urea

    ≥ 980 g/kg

    L-impurità rilevanti li ġejja ma għandhiex taqbeż ċertu livell limitu fil-materjal tekniku:

    Fenol: < 2 g/kg

    fl-1 ta' Jannar 2016.

    fil-31 ta' Diċembru 2030.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar is-sulfosulfuron, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    lill-ħarsien tal-ilma tal-pjan, meta s-sustanza tiġi applikata f'reġjuni b'ħamrija u/jew kundizzjonijiet tal-klima vulnerabbli;

    lir-riskju għal makroorganiżmi tal-ħamrija mhux fil-mira għajr għall-ħniex, għall-pjanti terrestri mhux fil-mira u għall-organiżmi akkwatiċi.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


    Top