Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0768

Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/768 tal-11 ta' Mejju 2015 li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”)

ĠU L 121, 14.5.2015, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/768/oj

14.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/768

tal-11 ta' Mejju 2015

li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità mal-proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-programm Pericles 2020 u jissostitwixxi l-programm Pericles stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE (2), jipprovdi li huwa applikabbli fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati. L-Artikolu 139 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li miżuri li jirregolaw l-użu tal-euro msemmija fl-Artikolu 133 tiegħu m'għandhomx japplikaw għall-Istati Membri b'deroga.

(2)

Madankollu, l-iskambju tal-informazzjoni u l-persunal u l-miżuri ta' assistenza u taħriġ implimentati taħt il-programm Pericles 2020 għandhom ikunu uniformi fl-Unjoni kollha u għalhekk għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun garantit l-istess livell ta' protezzjoni għall-euro fl-Istati Membri b'deroga.

(3)

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 għandha għalhekk tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex Stati Membri parteċipanti kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 (3).

(4)

Huwa xieraq li tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn il-programm Pericles u l-programm Pericles 2020 u huwa xieraq li t-tul ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat mar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 għandha tiġi estiża għall-Istati Membri li mhumiex l-Istati Membri parteċipanti kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu kkunsidrati bħala korpi eliġibbli għal finanzjament fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 331/2014.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DŪKLAVS


(1)  Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta' Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


Top