Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2089

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2089 tal-10 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 302, 19.11.2015, p. 107–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2089/oj

    19.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 302/107


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2089

    tal-10 ta' Novembru 2015

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lis-Slovenja biex teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 25 000.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE (2), is-Slovenja ġiet awtorizzata, sal-31 ta' Diċembru 2015, b'deroga mill-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, biex teżenta mill-VAT dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 50 000.

    (3)

    Permezz ta' ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2015 u fis-17 ta' Ġunju 2015, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni għal estensjoni tal-miżura ta' deroga mill-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkun tista' tkompli teżenta mill-VAT dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 50 000. Permezz ta' dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli jibqgħu jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew minnhom kollha, fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (4)

    Permezz ta' ittra datata 24 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tas-Slovenja. Permezz ta' ittra datata 25 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tqis it-talba.

    (5)

    Mill-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, fi tmiem l-2013, 51,45 % ta' dawk li jħallsu l-VAT kellhom fatturat taxxabbli ta' inqas minn EUR 50 000 u kien jirrappreżenta biss il-1 % tat-total tal-introjtu mill-VAT.

    (6)

    Peress li dan il-limitu ogħla rriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar u li dawn in-negozji xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f'konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, is-Slovenja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

    (7)

    Id-deroga ma għandha ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li s-Slovenja għandha twettaq kalkolu tal-kumpens f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (3).

    (8)

    Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/54/UE, id-data “31 ta' Diċembru 2015” hija sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2018”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. GRAMEGNA


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


    Top