Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1361

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1361/2014 tat- 18 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju Nri 3 u 13 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 40 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 365, 19.12.2014, p. 120–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1361/oj

    19.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 365/120


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1361/2014

    tat-18 ta' Diċembru 2014

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju Nri 3 u 13 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 40

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

    (2)

    Fit-12 ta' Diċembru 2013, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ippubblika l-“Annual Improvements to International Reporting Standards 2011-2013 Cycle” (it-titjib annwali), fil-qafas tal-proċess ta' titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jirrazzjonalizza u jiċċara l-istandards. L-għan tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett li beda fl-2011 f'oqsma ta' inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRSs) jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test. L-emendi fl-IFRS 3 u 13 huma kjarifiki jew korrezzjonijiet tal-istandards rispettivi. L-emendi fl-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) nru 40 jinvolvu tibdiliet fir-rekwiżiti eżistenti jew gwida addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti.

    (3)

    Dawk l-emendi fl-istandards eżistenti fihom xi referenzi għall-IFRS 9, li fil-preżent ma jistax jiġi applikat peress li l-IFRS 9 għadu ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqra bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: rikonoxximent u kejl.

    (4)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta' Esperti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rapportar Finanzjarju tikkonferma li t-titjib jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    L-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    L-IFRS 13 Kejl tal-Valur Ġust huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    (c)

    L-IAS 40 Proprjetà għall-Investiment huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    2.   Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament tinqra bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: rikonoxximent u kejl.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1), mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda [stipula l-ewwel jum tax-xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] jew wara.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


    ANNESS

    Titjib Annwali għall-IFRSs Ċiklu 2011-2013 (1)

    Emenda għal IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozju

    Il-paragrafu 2 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 64J.

    KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    2

    Dan l-IFRS japplika għal tranżazzjoni jew avveniment ieħor li jissodisfa d-definizzjoni ta' kombinament ta' negozji. Dan l-IFRS ma japplikax għal:

    (a)

    il-kontijiet għall-formazzjoni ta' arranġament konġunt fl-istqarrijiet finanzjarji tal-arranġament konġunt innifsu.

    (b)

    Data effettiva

    64J

    Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 2(a). Entità għandha tapplika dik l-emenda prospettivament għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

    Emenda għal IFRS 13 Kejl tal-valur ġust

    Il-paragrafu 52 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu C4.

    Applikazzjoni għal assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji b'pożizzjonijiet ta' tpaċija f'riskji tas-suq jew riskju tal-kreditu tal-kontroparti

    52

    L-eċċezzjoni fil-paragrafu 48 tapplika biss għal assi finanzjarji, obbligazzjonijiet finanzjarji u kuntratti oħrajn fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl jew IFRS 9 Strumenti Finanzjarji. Ir-referenzi għal assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji fil-paragrafi 48–51 u 53–56 għandhom jinftiehmu bħala li japplikaw għall-kuntratti kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IAS jew IFRS 9 u meqjusa skonthom, irrispettivament minn jekk ikunux koperti jew le mid-definizzjoni ta' assi finanzjarji jew ta' obbligazzjonijiet finanzjarji fl-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni.

    Appendiċi C

    Data effettiva u tranżizzjoni

    C4

    Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 52. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament mill-bidu tal-perjodu annwali fejn ġie applikat inizjalment l-IFRS 13. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

    Emenda għal IAS 40 Proprjetà ta' Investiment

    Tiżdied intestatura qabel il-paragrafu 6. Jiżdied il-paragrafu 14A. Wara l-paragrafu 84 jiżdiedu intestatura u l-paragrafi 84A u 85D.

    Klassifikazzjoni tal-proprjetà bħala proprjetà ta' investiment jew proprjetà okkupata minn sidha

    6

    Interess fi proprjetà li tkun miżmuma mill-kerrej taħt kiri operattiv jista' jiġi kklassifikat u meqjus bħala proprjetà għall-investiment jekk, u biss jekk, kieku kellu jkun mod ieħor il-proprjetà taqa' taħt id-definizzjoni ta' proprjetà għall-investiment u l-kerrej juża l-mudell tal-valur ġust li jinsab fil-paragrafi 33–55 għall-assi rikonoxxut. Din l-alternattiva ta' klassifikazzjoni hi disponibbli fuq il-merti individwali ta' kull proprjetà. Madanakollu, ġaladarba din l-alternattiva ta' klassifikazzjoni tintgħażel għal tali interess fi proprjetà waħda miżmuma taħt kiri operattiv, il-proprjetà kollha kklassifikata bħala proprjetà ta' investiment għandha titqies permezz tal-mudell tal-valur ġust. Meta tintgħażel din l-alternattiva ta' klassifikazzjoni, kull interess ikklassifikat b'dan il-mod ikun inkluż fid-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-paragrafi 74–78.

    14

    Huwa meħtieġ ġudizzju biex jiġi ddeterminat jekk proprjetà tikkwalifikax bħala proprjetà għall-investiment. Entità tiżviluppa kriterji biex tkun tista' teżerċita dak il-ġudizzju b'mod konsistenti u skont id-definizzjoni ta' proprjetà ta' investiment u bid-direzzjoni relatata fil-paragrafi 7–13. Il-paragrafu 75(c) jeħtieġ li entità tiżvela dawn il-kriterji meta l-klassifikazzjoni tkun diffiċli.

    14A

    Hemm bżonn ukoll ta' ġudizzju li jiddetermina jekk l-akkwist ta' proprjetà ta' investiment huwiex l-akkwist ta' assi jew grupp ta' assi jew kombinament ta' negozju fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozju. Trid issir referenza għall-IFRS 3 biex ikun iddeterminat jekk hux kombinament ta' negozju. Id-diskussjoni fil-paragrafi 7–14 ta' dan l-Istandard tirrigwarda jekk proprjetà tkunx okkupata minn sidha jew proprjetà ta' investiment u mhux biex jiġi ddeterminat jekk l-akkwist ta' proprjetà hux kombinament ta' negozju kif definit fl-IFRS 3. Id-determinazzjoni ta' jekk tranżazzjoni speċifika hix koperta mid-definizzjoni ta' kombinament ta' negozju kif definit fl-IFRS 3 u tinkludix proprjetà ta' investiment kif definita f'dan l-Istandard titlob l-applikazzjoni separata taż-żewġ Standards.

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    Mudell tal-kost

    Kombinamenti ta' Negozji

    84A

    Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, żied paragrafu 14A u intestatura qabel il-paragrafu 6. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament għall-akkwisti fi proprjetà ta' investiment mill-bidu tal-ewwel perjodu li qed tiġi adottata l-emenda għaliha. Għaldaqstant, akkwisti fi proprjetà ta' investiment li tqiesu f'perjodi preċedenti ma jiġux aġġustati. Madankollu, entità tista' tagħżel li tapplika l-emenda għal akkwisti ta' proprjetà ta' investiment li ġraw qabel il-bidu tal-ewwel perjodu annwali li jiġru dakinhar tad-data effettiva jew wara jekk, u biss jekk, l-informazzjoni meħtieġa biex tapplika l-emenda għal dawk it-tranżazzjonijiet preċedenti tkun disponibbli għall-entità.

    DATA EFFETTIVA

    85D

    Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, żied intestaturi qabel il-paragrafu 6 u wara l-paragrafu 84 u żied il-paragrafi 14A u 84A. Entità tapplika dawk l-emendi għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dak il-fatt.


    (1)  “Riproduzzjoni awtorizzata fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB mis-sit http://www.ifrs.org”


    Top