Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0836

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 836/2014 tal- 31 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

    ĠU L 230, 1.8.2014, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R1165

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/836/oj

    1.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 230/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 836/2014

    tal-31 ta' Lulju 2014

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2) jippermetti eċċezzjonalment, sal-31 ta' Diċembru 2014, taħt ċerti kundizzjonijiet u meta ma jkunx hemm disponibbli għawwietaq imrobbija b'mod organiku, għawwietaqmhux imrobbija b'mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta' mhux aktar minn 18-il ġimgħa biex jiddaħħal f'unità ta' bhejjem organiċi.

    (2)

    L-iżvilupp ta' regoli armonizzati tal-produzzjoni organika għat-tjur żgħar fil-livell tal-Unjoni huwa kumpless, peress li l-opinjonijiet dwar il-ħtiġijiet tekniċi jvarjaw ħafna. Sabiex ikun hemm iżjed żmien biex jiġu stabbiliti regoli ddettaljati għall-produzzjoni ta' għawwietaq organiċi, id-disposizzjoni eċċezzjonali dwar l-użu ta' għawwietaq mhux organiċi tiġi estiża għal tliet snin.

    (3)

    L-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jippermetti b'mod eċċezzjonali, għas-snin 2012, 2013 u 2014, ammont massimu ta' 5 % ta' għalf mhux organiku tal-proteini biex jintuża għall-ispeċi porċina u tat-tjur.

    (4)

    Il-provvista tal-proteini organiċi ma kienitx disponibbli fis-suq tal-Unjoni b'kwalità u kwantità suffiċjenti sabiex tilħaq il-ħtiġijiet ta' nutriment tal-ħnieżer u tat-tjur imrobbija fi rziezet organiċi. Il-produzzjoni tal-għelejjel organiċi tal-proteini għadha lura meta mqabbla mad-domanda. Għalhekk jixraq li tiġi estiża l-possibbiltà eċċezzjonali ta' użu ta' proporzjon limitat ta' għalf mhux organiku tal-proteini għal perjodu ta' żmien limitat.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 889/2008

    Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 42(b) id-data “31 ta' Diċembru 2014” tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2017”.

    (2)

    Fl-Artikolu 43, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    “Il-perċentwal massimu ta' għalf mhux organiku tal-proteini awtorizzat għal kull perjodu ta' 12-il xahar għal dawk l-ispeċi għandu jkun ta' 5 % għas-snin 2015, 2016 u 2017.”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).


    Top