This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0640
Commission Delegated Regulation (EU) No 640/2014 of 11 March 2014 supplementing Regulation (EU) No 1306/2013 of the European Parliament and of the Council with regard to the integrated administration and control system and conditions for refusal or withdrawal of payments and administrative penalties applicable to direct payments, rural development support and cross compliance
Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità
Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità
ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48–73
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2023
20.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/48 |
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 640/2014
tal-11 ta’ Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 63(4), 64(6), 72(5), 76, 77(7), 93(4), 101(1) u 120 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fost affarijiet oħra, iħassar u jissostitwixxi, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ dawn l-atti. Dawn l-atti b’mod partikolari għandhom jissostitwixxu r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (3). |
(2) |
B’mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta mal-funzjonament tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“is-sistema integrata”), il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għat-talbiet għal pagamenti, il-kundizzjonijiet għar-rifjut totali jew parzjali tal-għajnuna u l-irtirar totali jew parzjali ta’ għajnuna jew appoġġ mhux dovuti u d-determinazzjon tal-penali amministrattivi li jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità relatata mal-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt miżuri stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt il-miżuri ta’ żvilupp rurali stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u regoli dwar iż-żamma ta’ mergħat permanenti u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità. |
(3) |
Hemm bżonn ta’ definizzjonijiet supplimentari sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata, apparti d-definizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ddefiniti ċerti termini applikabbli għal regoli dwar il-kundizzjonalità. |
(4) |
L-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ, ipprovduti f’dan ir-Regolament ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli japplikaw penali kriminali nazzjonali, jekk il-liġi nazzjonali tistipula hekk. |
(5) |
L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jiddefinixxi ċerti każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Istati Membri. Għandhom jiġu stabbiliti regoli supplimentari li jippermettu lill-Istati Membri jirrikonoxxu każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali fir-rigward tal-pagamenti diretti, l-għajnuna għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità. Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ żmien sa meta l-benefiċjarju għandu jinnotifika każ bħal dan. |
(6) |
Hemm bżonn ukoll ta’ regoli supplimentari fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula art li se jitħaddmu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Skont dik id-dispożizzjoni, għandu jsir użu minn tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata (GIS). Huwa neċessarju li jiġi ċċarat liema huma r-rekwiżiti bażiċi u l-miri ta’ kwalità li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistema u li informazzjoni partikolari għandha tkun disponibbli fil-GIS sabiex ikunu żgurati kontroverifiki amministrattivi effettivi. Għaldaqstant, is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għandha tkun aġġornata b’mod regolari sabiex teskludi karatteristiċi u żoni li mhumiex eliġibbli b’mod ċar. Madankollu, biex jiġi evitat in-nuqqas ta’ stabbiltà tas-sistema, għandha tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri minħabba bidliet żgħar fiż-żona l-aktar eliġibbli minħabba l-inċertezza tal-interpretazzjoni fotografika, ikkawżata fost l-oħrajn mill-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħbula art ta’ referenza. |
(7) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod proattiv id-dgħufiji possibbli fis-sistema u jieħdu azzjoni ta’ rimedju meta jkun meħtieġ, il-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ ħbula art agrikoli għandha tiġi vvalutata kull sena. |
(8) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif imiss tal-iskema ta’ pagament bażiku u pagamenti relatati kif stipulat fit-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għad-drittijiet għall-pagament li tiżgura li d-drittijiet għall-pagament ikunu traċċabbli u li, fost l-oħrajn, tippermetti li jiġu kontroverifikati żoni ddikjarati għall-finijiet tal-iskema ta’ pagament bażiku mad-drittijiet għall-pagament disponibbli għal kull bidwi u bejn id-drittijiet għall-pagament differenti bħal dawn. |
(9) |
Sabiex ikun possibbli li jitwettaq kontroll effettiv u biex tiġi evitata l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet multipli għall-għajnuna lil aġenziji tal-ħlas differenti fi Stat Membru wieħed, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għal sistema waħda biex issir ir-reġistrazzjoni tal-identità tal-bdiewa li jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna soġġetti għas-sistema integrata. |
(10) |
L-esperjenza wriet li ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ tal-għelieqi, b’mod partikolari, is-sisien tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan tal-ġebel, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti miż-żona eliġibbli għall-pagamenti diretti relatati mal-erja. Hemm bżonn li tiġi ddefinita l-wisa’ aċċettabbli tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fl-għalqa. Minħabba ħtiġijiet ambjentali speċifiċi, jixraq li l-Istati Membri jingħataw xi ftit ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-limiti li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni meta r-rendiment reġjonali ġie stabbilit għall-fini tal-pagamenti skont l-erja preċedenti għall-għelejjel. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw metodu differenti għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ mifruxa u siġar fejn din l-għażla ma tapplikax. |
(11) |
Minħabba l-importanza tagħhom għal agrikoltura sostenibbli, il-karatteristiċi kollha tal-pajsaġġ li huma soġġetti għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jiffurmaw parti mill-erja totali ta’ ħabel art agrikolu għandhom jitqiesu eliġibbli. |
(12) |
Fir-rigward ta’ ħbula art agrikoli użati bħala raba’ jew bħala bwar permanenti li jkun fihom is-siġar, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-preżenza tas-siġar f’dawn iż-żoni u għall-impatt tagħhom fuq l-eliġibbiltà tat-tali żoni. Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, għandha tiġi stipulata densità massima ta’ siġar, li għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u r-raġunijiet ambjentali. |
(13) |
Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u biex tiġi favorita l-osservabbiltà u l-kontrollabbiltà tal-pagamenti diretti, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw sistema prorata sabiex jistabbilixxu ż-żona eliġibbli ta’ bur permanenti b’karatteristiċi ineliġibbli mferrxin, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ (u siġar, minbarra karatteristiċi tal-pajsaġġ soġġetti għar-rekwiżiti u l-istandards elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Iż-żona eliġibbli hija ddeterminata għal kull ħabel art ta’ referenza skont il-limiti stabbiliti minn qabel applikati fil-livell tat-tip ta’ kopertura omoġenja tal-art. Karatteristiċi mferrxin li jgħattu sa ċertu perċentwal tal-ħabel art ta’ referenza jistgħu jitqiesu li huma parti miż-żona eliġibbli. Għaldaqstant, għandu jkun stipulat li ma għandu għalfejn isir ebda tnaqqis għaż-żona b’karatteristiċi mferrxin fl-ewwel kategorija li tirrappreżenta l-inqas perċentwal ta’ żona ineliġibbli. |
(14) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jindirizzaw is-sitwazzjonijiet meta l-aħħar data għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, talbiet, dokumenti jew emendi varji taħbat festa pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd. |
(15) |
Huwa indispensabbli li jiġu rispettati l-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, talbiet għall-pagamenti u dikjarazzjonijiet oħra, għall-emenda tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-erja jew talbiet għall-pagamenti, u għal kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ, sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jipprogrammaw u, sussegwentement, iwettqu kontrolli effettivi dwar il-korrettezza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, it-talbiet għall-pagamenti jew dokumenti oħrajn. Għalhekk, għandhom jitfasslu regoli fir-rigward tal-limiti ta’ żmien li fihom l-applikazzjonijiet li jintbagħtu tard jistgħu jiġu aċċettati. Sabiex il-benefiċjarji jitħeġġu jirrispettaw il-limiti ta’ żmien, għandu jiġi applikat tnaqqis dissważiv f’każ ta’ preżentazzjoni tard, sakemm l-ittardjar ma jkunx dovut għal każijiet ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. |
(16) |
Il-preżentazzjoni fil-ħin tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, iż-żieda tal-valur tad-drittijiet għall-pagament mill-benefiċjarji hija essenzjali għall-Istati Membri bil-għan li jiġu stabbiliti fil-ħin id-drittijiet għall-pagament. Għalhekk, il-preżentazzjonijiet ta’ dawk l-applikazzjonijiet li saru tard għandhom jiġu permessi biss fl-istess limitu ta’ żmien addizzjonali bħal dak tal-preżentazzjonijiet ta’ kwalunkwe applikazzjoni għall-għajnuna li jkunu saru tard. Għandu jiġi applikat ukoll tnaqqis dissważiv dejjem jekk id-dewmien ma jkunx riżultat ta’ każijiet ta’ force majeure jew ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali. |
(17) |
Il-benefiċjarji li javżaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi kwalunkwe żmien b’applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-pagamenti inkorretti, ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi penali amministrattivi irrispettivament mir-raġuni tan-nuqqas ta’ konformità, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità tkun diġà infurmat lill-benefiċjarju bi kwalunwke nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament. |
(18) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli supplimentari għall-bażi tal-kalkolu tal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja, u għall-bażi tal-kalkolu tal-appoġġ volontarju akkoppjat imsejjes fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-annimali tal-irziezet skont skemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali fuq il-bażi ta’ talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali. |
(19) |
Għandhom jiġu stabbiliti l-penali amministrattivi filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċifiċi marbuta ma’ każijiet ta’ force majeure kif ukoll ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu ggradati skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni totali minn waħda jew minn bosta skemi ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja għal perjodu speċifikat. Dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra jew il-possibbiltà li benefiċjarju jaf ma jiddikjarax l-erjas kollha tiegħu jew joħloq artifiċjalment il-kundizzjoni li għandha tiġi eżentata mill-obbligi ta’ tħaddir. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati dissważivi biżżejjed biex jiskoraġġixxu nuqqas ta’ konformità intenzjonali. |
(20) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-verifiki b’mod effettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli dwar il-ħarsien tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġi previst l-obbligu tal-benefiċjarji li jiddikjaraw l-erjas kollha disponibbli għalihom kemm jekk huma jkunu qegħdin jitolbu għajnuna għal dawn l-erjas kif ukoll jekk mhumiex skont l-Artiklolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. |
(21) |
Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-erjas eliġibbli u biex jiġi kkalkolat t-tnaqqis applikabbli, jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-erjas li jaqgħu fi ħdan l-istess grupp ta’ għelejjel. Erja għandha titqies bosta drabi jekk din tiġi ddikjarata għall-għajnuna jew għal appoġġ taħt aktar minn skema ta’ għajnuna waħda jew minn miżura ta’ appoġġ waħda. Madankollu, għall-finijiet ta’ approċċ aktar ekoloġiku, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-gruppi ta’ għelejjel differenti. |
(22) |
Il-pagament ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jeħtieġ għadd ugwali ta’ drittijiet għall-pagament u ta’ ettari eliġibbli. Għall-finijiet ta’ din l-iskema jkun xieraq għalhekk li jiġi previst li l-kalkolu tal-pagament f’każ ta’ diskrepanzi bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata għandha tkun ibbażata fuq l-iżgħar ċifra. Sabiex jiġi evitat li l-kalkolu jiġi bbażat fuq drittijiet li mhumiex eżistenti, għandu jiġi previst li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament użati għall-kalkolu ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju. |
(23) |
Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-erja u/jew it-talbiet għall-pagament, in-nuqqasijiet ta’ konformità normalment jaffettwaw partijiet mill-erjas. Dikjarazzjonijiet eċċessivi fir-rigward ta’ ħabel art wieħed, jistgħu għalhekk, jibbilanċjaw id-dikjarazzjonijiet nieqsa ta’ ħbula art oħra tal-istess grupp ta’ għelejjel. Fi ħdan ċertu marġni ta’ tolleranza, għandu jiġi stipulat li l-penali amministrattivi jibdew japplikaw biss ladarba dan il-marġni jinqabeż. |
(24) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament għal pagamenti relatati mal-erja, id-differenzi bejn it-total tal-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament u t-total tal-erja stabbilit bħala eliġibbli huma ta’ spiss insinifikanti. Sabiex jiġi evitat għadd kbir ta’ aġġustamenti minuri ta’ applikazzjonijiet għandu jiġi previst li l-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament ma għandhomx jiġu aġġustati skont l-erja stabbilita, dejjem jekk ma jinqabiżx ċertu livell ta’ differenzi. |
(25) |
Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-iskema ta’ għajnuna għall-qoton, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għall-penali amministrattivi fir-rigward ta’ dik l-iskema. |
(26) |
Il-penali amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali jew negliġenti mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità għall-każijiet fejn benefiċjarju li japplika għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu. |
(27) |
Għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċjali marbuta mal-każijiet ta’ ċirkostanzi naturali. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu ggradati skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni totali minn waħda jew minn bosta skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ għal perjodu speċifikat. Fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti f’livell dissważiv biżżejjed li jiskoraġġixxu dikjarazzjoni eċċessiva intenzjonali. |
(28) |
Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat. Tnaqqis varju għandu jiġi stipulat sa mill-ewwel annimal li jinstab b’nuqqas ta’ konformità iżda, irrispettivament mil-livell ta’ tnaqqis, għandu jkun hemm penali amministrattiva inqas ħarxa meta tliet annimali jew inqas jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, is-severità tal-penali amministrattivi għandha tiddependi fuq il-perċentwal tal-annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. |
(29) |
Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-sistema integrata. L-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu penali nazzjonali addizzjonali, meta jkun hemm bżonn. |
(30) |
Il-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet bla ma jwasslu għall-penali amministrattivi pprovduta għall-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talba għall-pagament għandha tapplika wkoll fir-rigward ta’ dejta żbaljata li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata fir-rigward ta’ annimali bovini li għalihom it-tali nuqqasijiet ta’ konformità jikkostitwixxu ksur ta’ kriterju tal-eliġibbiltà, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie mgħarraf bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità ma tkunx għada għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament. |
(31) |
Rifjuti u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għal miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità. Ir-rifjut u l-irtirar tal-appoġġ għandhom ikunu kklassifikati abbażi tas-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jkun instab. Rifjut u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħrajn, iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi miżuri ta’ appoġġ. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju jew fil-każ li l-benefiċjarju jkun ipprovda evidenza falza sabiex ikun jista’ jirċievi l-appoġġ, l-appoġġ għandu jkun irrifjutat u tiġi imposta penali amministrattiva. Il-penali amministrattivi għandhom jaslu sal-esklużjoni sħiħa minn miżura waħda jew iktar ta’ appoġġ [jew tipi ta’ operazzjonijiet] għal perjodu speċifikat. |
(32) |
Għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, il-penali amministrattivi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-appoġġ affettwat min-nuqqas ta’ konformità. Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiddefinixxu l-każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun mistenni li jiġi indirizzat mill-benefiċjarju fi żmien raġonevoli. |
(33) |
L-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistabbilixxi, fir-rigward tas-snin 2015 u 2016, li r-regoli dwar il-kundizzjonalità jinkludu wkoll iż-żamma ta’ mergħat permanenti. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jkun speċifikat li l-Istati Membri għandhom ikomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-2015 u l-2016 skont il-proporzjon stabbilit fl-2014. |
(34) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex tiġi stabbilita bażi armonizzata għall-valutazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità u l-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi minħabba l-kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti indikazzjonijiet dwar it-tifsira tat-termini: ripetizzjoni, firxa, severità u permanenza ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk jeħtieġ li jkun spjegat meta jkun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità. |
(35) |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità, għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dawn għandhom jiġu applikati biss meta l-bidwi jkun ġab ruħu b’mod negliġenti jew intenzjonat u għandhom jiġu ggradati skont kemm ikun serju n-nuqqas ta’ konformità. |
(36) |
Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, minbarra l-iggradar tal-penali amministrattivi fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi stipulat li minn ċertu żmien, il-ksur ripetut tal-istess obbligu ta’ konformità għandu, wara twissija minn qabel lill-bidwi, jiġi ttrattat bħala nuqqas ta’ konformità intenzjonali. |
(37) |
Barra minn hekk, fejn f’kundizzjonijiet partikolari l-possibbiltà li ma jiġu applikati ebda penali amministrattivi għal nuqqasijiet ta’ konformità skont l-Artikoli 97(3) u 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 hija applikata minn Stat Membru, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward ir-rimedju tan-nuqqas ta’ konformità rilevanti. |
(38) |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ twissija bikrija, kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, f’każ li l-benefiċjarju ma jissodisfax l-obbligu li tittieħed azzjoni ta’ rimedju, it-tnaqqis għandu jiġi applikat b’mod retroattiv fir-rigward tas-sena li għaliha tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija. Il-kalkolu ta’ penali amministrattivi għandu jqis ukoll ir-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni fis-sena ta’ kontroll sussegwenti, jekk applikabbli. Sabiex tingħata ċertezza legali lill-benefiċjarji, għandu jiġi stabbilit limitu taż-żmien għall-applikazzjoni retroattiva ta’ penali amministrattivi. |
(39) |
Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-operazzjonijiet pluriennali li nbdew taħt programmi ta’ żvilupp rurali approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (6) u li huma taħt l-obbligi ta’ kundizzjonalità, għandu jiġi stabbilit li japplikaw is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi l-ġodda, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-awtoritajiet nazzjonali li huma inkarigati biex jivverifikaw il-konformità tagħhom u jiżguraw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri. |
(40) |
Fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità, li għalihom ma ġewx applikati l-penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minimis ipprovduta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (7) jew ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, iżda li għalihom l-Istati Membri kellhom jassiguraw li l-benefiċjarji jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ konformità, għandhom jiġu stabbiliti regoli tranżitorji sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-obbligu ta’ segwitu li kien jeżisti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1306/2013 u r-regoli l-ġodda f’dak ir-rigward f’dak ir-Regolament. |
(41) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandu jitħassar. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 (8) għandu jitħassar. |
(42) |
Filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-pagamenti relatati mas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2015. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward ta’:
(a) |
il-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar parzjali jew totali tal-għajnuna jew tal-appoġġ; |
(b) |
l-identifikazzjoni tal-penali amministrattivi u l-iffissar tar-rata speċifika li għandha tkun imposta; |
(c) |
l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom ma tiġix applikata l-penali amministrattiva; |
(d) |
ir-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien li fihom id-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet jew emendi taħbat vaganza pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd; |
(e) |
id-definizzjonijiet speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata; |
(f) |
il-karatteristiċi bażiċi u r-regoli tekniċi għas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli u l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji; |
(g) |
il-karatteristiċi bażiċi, ir-regoli tekniċi u r-rekwiżiti tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament; |
(h) |
il-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, inklużi regoli dwar kif għandhom jiġu ttrattati ċerti każijiet li fihom iż-żoni eliġibbli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ jew siġar; |
(i) |
ir-regoli addizzjonali għall-intermedji bħal servizzi, korpi u organizzazzjonijiet, li huma involuti fil-proċedura tal-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ; |
(j) |
iż-żamma ta’ mergħat permanenti fir-rigward tal-kundizzjonalità; |
(k) |
bażi armonizzata għall-kalkolu ta’ penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità; |
(l) |
kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità; |
(m) |
żieda mar-regoli pprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli mħassra għar-regoli l-ġodda. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet tas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 67(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:
(1) |
“benefiċjarju” tfisser bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament, il-benefiċjarju soġġett għall-kundizzjonalità skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u/jew il-benefiċjarju li jirċievi appoġġ għal żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9); |
(2) |
“nuqqas ta’ konformità” tfisser:
|
(3) |
“applikazzjoni għal appoġġ” tfisser applikazzjoni għal appoġġ jew għad-dħul f’miżura taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013; |
(4) |
“talba għall-pagament” tfisser applikazzjoni minn benefiċjarju għal pagament mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013; |
(5) |
“dikjarazzjoni oħra” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument, minbarra l-applikazzjonijiet għal appoġġ jew it-talbiet għall-pagament, li għandhom jiġu ppreżentati jew miżmuma mill-benefiċjarju jew parti terza sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali; |
(6) |
“miżuri ta’ żvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata” tfisser il-miżuri ta’ appoġġ mogħtija skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u fejn ikun applikabbli l-Artikolu 35(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u l-miżuri skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispiża għall-istabbilment; |
(7) |
“sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali” tfisser is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u/jew is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini jew kaprini stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (11) rispettivament; |
(8) |
“tikketta tal-widna” tfisser it-tikketta tal-widna biex tidentifika lill-annimali bovini msemmija fl-Artikolu 3(a) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew it-tikketta tal-widna biex tidentifika l-annimali ovini u kaprini msemmija individwalment fil-punt A.3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament; |
(9) |
“bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali” tfisser il-bażi tad-dejta kompjuterizzata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru ċentrali jew il-bażi tad-dejta kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament; |
(10) |
“passaport tal-annimal” tfisser il-passaport tal-annimal li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(c) u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000; |
(11) |
“reġistru” fir-rigward tal-annimali tfisser ir-reġistru miżmum mill-indokraturi tal-annimali li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(d) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(1)(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament; |
(12) |
“kodiċi ta’ identifikazzjoni” tfisser il-kodiċi ta’ identifikazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew il-kodiċijiet li hemm referenza għalihom fil-punt A.2. tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament; |
(13) |
“skema ta’ għajnuna għall-annimali” tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali; |
(14) |
“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq l-għadd ta’ annimali jew l-għadd ta’ unitajiet ta’ bhejjem iddikjarati; |
(15) |
“applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; |
(16) |
“annimali ddikjarati” tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali; |
(17) |
“annimal potenzjalment eliġibbli” tfisser annimal li a priori jista’ potenzjalment jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jirċievi l-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew appoġġ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali fis-sena tat-talba inkwistjoni; |
(18) |
“annimal determinat” tfisser:
|
(19) |
“indokratur tal-annimali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-annimali kemm jekk fuq bażi permanenti kif ukoll jekk fuq bażi temporanja, inkluż matul it-trasport jew f’suq; |
(20) |
“skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja” tfisser il-pagamenti diretti relatati mal-erja skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament 1306/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-Gżejjer minuri tal-Eġew kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13); |
(21) |
“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq id-daqs tal-erja ddikjarata; |
(22) |
“użu” fir-rigward tal-erja tfisser l-użu ta’ erja f’termini tat-tip ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-tip ta’ bur permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(h) ta’ dak ir-Regolament, bwar permanenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 45(2)(a) ta’ dak ir-Regolament jew erjas ta’ bur, minbarra bur permanenti jew mergħa permanenti, jew kopertura ta’ art jew in-nuqqas ta’ għelejjel; |
(23) |
“erja determinata” tfisser:
|
(24) |
“Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika” (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “GIS”) tfisser it-tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013; |
(25) |
“ħabel art ta’ referenza” tfisser erja ġeografikament delimitata li żżomm identifikazzjoni unika kif reġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013; |
(26) |
“materjal ġeografiku” tfisser mapep u dokumenti oħrajn użati biex jiġi kkomunikat il-kontenut tal-GIS bejn l-applikanti għall-għajnuna jew l-appoġġ u l-Istati Membri. |
2. Għall-finijiet tat-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Barra minn hekk, “standards” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istandards kif iddefiniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 kif ukoll l-obbligi fir-rigward tal-mergħat permanenti kif stabbiliti fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 3
Applikazzjoni tal-penali kriminali
L-applikazzjoni tal-penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar tal-għajnuna jew l-appoġġ kif stipulat f’dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali kriminali, jekk il-liġi nazzjonali tkun tistipula hekk.
Artikolu 4
Force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali
1. Fir-rigward ta’ pagamenti diretti, jekk benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà jew obbligi oħra minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-għajnuna fir-rigward tal-erja jew tal-annimali eliġibbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-każ ta’ force majeure jew iċ-ċirkostanza eċċezzjonali.
Fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ tal-iżvilupp rurali skont l-Artikoli 28, 29, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jekk benefiċjarju ma setax jissodisfa l-impenn minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, il-pagament rispettiv għandu jiġi rtirat b’mod proporzjonali għas-snin li matulhom ikunu seħħew il-force majeure jew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-irtirar għandu jirrigwarda biss dawk il-partijiet tal-impenn li għalihom ma sarux spejjeż addizzjonali jew intilef dħul qabel seħħet il-force majeure jew qabel seħħew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-ebda irtirar ma għandu japplika fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u obbligi oħrajn u ma għandha tapplika l-ebda penali amministrattiva.
Rigward miżuri oħrajn ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu r-rimborż parzjali jew sħiħ tal-appoġġ f’każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Fil-każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, ir-rimborż tal-appoġġ riċevut fis-snin ta’ qabel ma għandux ikun meħtieġ u l-impenn jew il-pagament għandu jkompli fis-snin ta’ wara skont it-tul oriġinali tiegħu.
Meta n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn din il-force majeure jew miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jikkonċerna l-kundizzjonalità, il-penali amministrattivi korrispondenti msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhomx jiġu applikati.
2. Il-każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu notifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti, bl-evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, fi żmien ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-benefiċjarju, jew il-persuna intitolata permezz tiegħu, tkun f’pożizzjoni biex tagħmel dan.
TITOLU II
IS-SISTEMA INTEGRATA TA’ AMMINISTRAZZJONI U KONTROLL
KAPITOLU I
REKWIŻITI TAS-SISTEMI
Artikolu 5
Identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli
1. Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha topera fil-livell ta’ ħabel art ta’ referenza. Ħabel art ta’ referenza għandu jkun fih unità ta’ art li tirrappreżenta żona agrikola kif definita fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Fejn ikun xieraq, ħabel art ta’ referenza għandu jinkludi wkoll żoni kif imsemmija fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u art agrikola kif imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw il-ħabel art ta’ referenza b’tali mod li jiżguraw li l-ħabel art ta’ referenza jista’ jitkejjel, jippermetti l-lokalizzazzjoni unika u mhux ambigwa ta’ kull ħabel art agrikolu ddikjarat kull sena u bħala prinċipju, huwa stabbli maż-żmien.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ħbula art agrikoli li huma ddikjarati jkunu identifikati b’mod affidabbli. Dawn għandhom b’mod partikolari jeħtieġu li tintbagħat l-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament flimkien ma’ dokumenti speċifikati mill-awtorità kompetenti li jippermettu li jinstab u jitkejjel kull ħabel art. Għal kull ħabel art ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom:
(a) |
jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; |
(b) |
jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-miżuri relatati mal-erja msemmija fl-Artikoli 28 sa 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013; |
(c) |
isibu u jiddeterminaw id-daqs ta’ dawk iż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika elenkati fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li dwarhom l-Istat Membru jkun iddeċieda li jitqiesu bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta’ konverżjoni u/jew ta’ ponderazzjoni stipulati fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn xieraq; |
(d) |
jiddeterminaw jekk id-dispożizzjonijiet għaż-żoni muntanjużi, żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali konsiderevoli u żoni oħrajn affetwati minn limitazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, iż-żoni ta’ Natura 2000, żoni koperti mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni miżmuma b’mod naturali fi stat ta’ mergħa jew għat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni magħżula mill-Istati Membri għall implimentazzjoni reġjonali u/jew kollettiva ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika skont l-Artikoli 46(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni li ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni koperti bi bwar permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (15) jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE Nru 1307/2013 u/jew żoni magħżula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament japplikawx. |
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żona l-aktar eliġibbli skont il-ħabel art ta’ referenza kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) hija kkwantifikata b’mod korrett f’marġni ta’ massimu 2 %, u b’hekk jikkunsidraw il-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħabel art ta’ referenza.
4. Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) u l-Artikoli 30 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art soġġetta għall-appoġġ meta dik l-art tkun miksija bil-foresti.
5. Il-GIS għandha topera abbażi ta’ sistema nazzjonali ta’ referenza ta’ koordinati kif iddefinita fid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li tippermetti l-kejl standardizzat u l-identifikazzjoni unika tal-ħbula art agrikoli fl-Istat Membru kollu kkonċernat. Fejn jintużaw sistemi ta’ koordinati differenti, dawn għandhom ikunu reċiprokament esklussivi u kull waħda minnhom għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-punti ta’ informazzjoni li jirreferu għall-istess post.
Artikolu 6
Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli
1. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw kull sena l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għall-fini tal-iskema ta’ pagament bażiku u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kif imsemmi fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Din il-valutazzjoni għandha tinkludi żewġ klassijiet ta’ konformità.
L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:
(a) |
il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli; |
(b) |
il-proporzjon u d-distribuzzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx l-erja agrikola; |
(c) |
l-okkorrenza ta’ ħbula art ta’ referenza b’difetti kritiċi. |
L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:
(a) |
il-kategorizzazzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli, fejn ma tqisx l-erja agrikola jew tikxef difett kritiku; |
(b) |
il-proporzjon ta’ erja ddikjarata relattiva mal-erja massima eliġibbli fil-ħbula art ta’ referenza; |
(c) |
il-perċentwal ta’ ħbula art ta’ referenza li kienu soġġetti għal bidla, akkumulata matul is-snin. |
Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet fis-sistema, l-Istat Membru għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju xierqa.
2. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kampjun ta’ ħbula art ta’ referenza li għandu jintgħażel u jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Għandhom jużaw dejta li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali fuq l-art.
3. Rapport ta’ valutazzjoni u, fejn xieraq, l-azzjonijiet ta’ rimedju u l-iskeda tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jinbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ wara is-sena kalendarja relatata.
Artikolu 7
Identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament
1. Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-pagament stipulata fl-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 għandha tkun reġistru elettroniku f’livell ta’ Stat Membru u għandha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroverifiki previsti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, tiżgura traċċabbiltà effettiva tad-drittijiet għall-pagamenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li ġejjin:
(a) |
id-detentur; |
(b) |
il-valuri annwali; |
(c) |
id-data tat-twaqqif; |
(d) |
id-data tal-aħħar attivazzjoni; |
(e) |
l-oriġini, partikolarment fir-rigward tal-attribuzzjoni, ir-riżerva oriġinali, nazzjonali jew reġjonali kif ukoll ix-xiri, il-kiri u l-wirt tiegħu; |
(f) |
meta jiġi applikat l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-drittijiet imħaddna bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni; |
(g) |
fejn applikabbli, restrizzjonijiet reġjonali. |
2. L-Istati Membri li fihom hemm aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda jistgħu jiddeċiedu li jħaddmu r-reġistru elettroniku fil-livell tal-aġenzija tal-pagamenti. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li r-reġistri differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin.
Artikolu 8
Identifikazzjoni tal-benefiċjarji
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72(3) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013, is-sistema unika għar-reġistrazzjoni tal-identità ta’ kull benefiċjarju kif previst fl-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament għandha tiggarantixxi identifikazzjoni unika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament kollha jew dikjarazzjonijiet oħrajn ippreżentati mill-istess benefiċjarju.
KAPITOLU II
ĦBULA ART AGRIKOLI B’KARATTERISTIĊI TAL-PAJSAĠĠ U SIĠAR
Artikolu 9
Determinazzjoni taż-żoni li fihom il-ħbula art agrikoli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar
1. Meta ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ, b’mod partikolari s-sies tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan, ikunu tradizzjonalment parti minn prattiki agrikoli tajbin ta’ kultivazzjoni jew użu f’żona agrikola f’ċerti reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona korrispondenti għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ ħabel art agrikolu skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 diment li din ma taqbiżx il-wisa’ totali li għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun ikkonċernat u ma għandux jaqbeż iż-żewġ metri.
Madankollu, meta l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni qabel id-9 ta’ Diċembru 2009 b’wisa’ akbar minn żewġ metri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (18), dik il-wisa’ xorta waħda tista’ tiġi applikata.
L-ewwel u t-tieni subparagrafu ma għandhomx japplikaw għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxa jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.
2. Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jagħmlu parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ dak il-ħabel art agrikolu.
3. Ħabel art agrikolu li fih siġar imferrxin għandu jitqies bħala żona eliġibbli diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-attivitajiet agrikoli jistgħu jitwettqu b’mod simili bħal fi ħbula art mingħajr siġar fl-istess żona; u |
(b) |
l-għadd ta’ siġar għal kull ettaru ma jaqbiżx id-densità massima. |
Id-densità massima msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri u nnotifikata abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u raġunijiet ambjentali. Din ma għandhiex taqbeż il-100 siġra għal kull ettaru. Madankollu, dak il-limitu ma għandux japplika b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal siġar tal-frott imferrxin li jrendu ħsad ripetut, għal siġar imferrxin li jistgħu jintużaw għall-mergħat f’bur permanenti u għal bur permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxin jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.
Artikolu 10
Sistema prorata għal bwar permanenti li jkun fihom karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar
1. Fir-rigward tal-bwar permanenti b’karatteristiċi mferrxin ineliġibbli, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw sistema prorata sabiex jiddeterminaw iż-żona eliġibbli fil-ħabel art ta’ referenza.
Is-sistema prorata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti f’kategoriji differenti ta’ tipi ta’ kopertura omoġenja tal-art li għalihom jiġi applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis fiss ibbażat fuq il-perċentwal taż-żona ineliġibbli. Il-kategorija li tirrappreżenta l-aktar perċentwal baxx ta’ erja ineliġibbli ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-erja ineliġibbli u ma għandu jiġi applikat ebda koeffiċjent ta’ tnaqqis għal dik il-kategorija.
2. Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li tagħmel parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli.
3. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal bwar permanenti li jkun fihom siġar tal-frott li jroddu ħsad ripetut.
KAPITOLU III
APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA U TALBIET GĦAL PAGAMENTI
Artikolu 11
L-applikazzjoni unika
L-applikazzjoni unika għandha mill-inqas tkopri l-applikazzjoni għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u skemi ta’ għajnuna oħra relatati mal-erja.
Artikolu 12
Deroga għad-data finali għall-preżentazzjoni
B’deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (19), meta d-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna, applikazzjoni għal appoġġ, talba għall-pagament jew dikjarazzjonijiet oħra jew kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ), jew id-data finali għall-emendi tal-applikazzjoni unika, tkun btala pubblika, jew tkun is-Sibt jew il-Ħadd, din għandha titqies li taqa’ fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.
L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll għall-aħħar data possibbli għal preżentazzjoni mressqa tard kif stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u għall-aħħar data possibbli għal preżentazzjoni tard kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14 għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn benefiċjarji għal allokazzjoni jew żieda ta’ drittijiet għall-pagament.
Artikolu 13
Preżentazzjoni tard
1. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament skont dan ir-Regolament wara d-data finali ta’ din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li l-benefiċjarju kien ikun intitolat għalihom kieku l-applikazzjoni jew it-talba kienet ippreżentata fi ħdan il-limitu taż-żmien.
Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet oħra li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti meta tali applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati.
Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni jew it-talba għandha titqies bħala inammissibbli u ma għandhom jingħataw ebda għajnuna jew appoġġ lill-benefiċjarju.
2. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, fejn il-benefiċjarju tal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) li huwa wkoll soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma jissottomettix il-formola ta’ applikazzjoni unika sad-data finali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol. It-tnaqqis massimu għandu jkun limitat għal 25 %. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri taħt l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.
3. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ emenda għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament wara d-data finali għal din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti relatati mal-użu reali tal-ħbula art agrikoli kkonċernati.
Emendi għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom ikunu ammissibbli biss sal-aħħar data possibbli għat-tressiq tard tal-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif hemm speċifikat fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1. Madankollu, meta dik id-data tkun qabel jew l-istess bħad-data finali għall-preżentazzjoni ta’ emenda fl-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-emendi għall-applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom jitqiesu bħala mhux ammissibbli wara dik id-data.
Artikolu 14
Preżentazzjoni tard ta’ applikazzjoni relatata mad-drittijiet għall-pagament
Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal allokazzjoni jew, meta jkun applikabbli, ta’ żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament wara d-data finali ffissata għal dan il-għan mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal f’dik is-sena għal tnaqqis ta’ 3 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li għandhom jitħallsu fir-rigward tad-drittijiet għall-pagament, jew, fejn ikun applikabbli, fir-rigward taż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.
Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli u l-ebda dritt għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, l-ebda żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament ma għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.
KAPITOLU IV
KALKOLU TAL-GĦAJNUNA U TAL-PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-ISKEMI TA’ PAGAMENTI DIRETTI U MIŻURI GĦALL-IŻVILUPP RURALI FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAS-SISTEMA INTEGRATA
TAQSIMA 1
Regoli ġenerali
Artikolu 15
Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi
1. Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.
2. L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali.
Artikolu 16
Nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-erjas kollha
1. Jekk, għal sena partikolari, benefiċjarju ma jiddikjarax il-ħbula art agrikoli relatati mal-erja msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u d-differenza bejn l-erja kumplessiva ddikjarata fl-applikazzjoni unika u/jew talba għall-pagament minn naħa u l-erja ddikjarata flimkien mal-erja kumplessiva tal-ħbula art mhux iddikjarati, min-naħa l-oħra, hija aktar minn 3 % tal-erja ddikjarata, l-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti u/jew l-appoġġ relatat mal-erja taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja pagabbli lil dak il-benefiċjarju għal dik is-sena għandu jitnaqqas b’mhux aktar minn 3 % skont is-severità tal-ommissjoni.
Il-penali kkalkulata skont l-ewwel subparagrafu għandha titnaqqas bl-ammont ta’ kwalunkwe penali amministrattiva applikata skont l-Artikolu 28(2).
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal pagamenti relatati mal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament Nru 1308/2013, fejn il-benefiċjarju huwa soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.
3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-pagamenti taħt l-iskema tal-bdiewa żgħar kif stipulat fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
TAQSIMA 2
Skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, ħlief il-pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja
Artikolu 17
Prinċipji ġenerali
1. Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:
(a) |
erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-finijiet li jingħata l-pagament uniku skont l-erja; |
(b) |
grupp għal kull waħda mill-erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ kull skema oħra ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, li għalih tapplika rata differenti ta’ għajnuna jew appoġġ; |
(c) |
erjas iddikjarati skont l-intestatura “użi oħra”. |
2. Meta l-istess erja sservi bħala l-bażi għal applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-pagament taħt aktar minn skema waħda ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull waħda minn dawk l-iskemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ.
Artikolu 18
Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ pagamenti relatati mal-erja
1. Fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema tal-bdiewa żgħar, il-pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, il-pagament għall-erjas b’restrizzjonijiet naturali u, fejn applikabbli, l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ u meta l-Istati Membri japplikaw l-iskema ta’ pagament bażiku, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:
(a) |
jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju. |
(b) |
jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa. |
Dan il-paragrafu ma għandux japplika fl-ewwel sena ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament.
2. Fil-każ tal-pagament għal bdiewa żgħażagħ u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 50(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata skont l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż il-limitu stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 50(9), l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.
3. F’każ ta’ pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament tal-erja unika taqbeż il-limiti stabbiliti mill-Istat Membru skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.
4. Fil-każ ta’ pagament għal erjas b’restrizzjonijiet naturali u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż in-numru massimu stabbilit mill-Istat Membru, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak in-numru.
5. F’każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk jiġi stabbilit li l-erja tal-grupp ta’ għelejjel stabbilita hija akbar minn dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-għajnuna jew l-appoġġ.
6. Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi skont l-Artikolu 19, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk l-erja ddikjarata taqbeż l-erja stabbilita għal grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita għal dak il-grupp ta’ għelejjel.
Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk id-differenza bejn l-erja totali stabbilita u l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti fit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-erja tkun ta’ 0.1 ettaru jew inqas minn hekk, l-erja stabbilita għandha tiġi ffissata daqs l-erja ddikjarata. Għal dan il-kalkolu għandhom jitqiesu biss id-dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erjas fil-livell ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1).
It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta dik id-differenza tirrappreżenta aktar minn 20 % tal-erja totali ddikjarata għall-pagamenti.
7. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, għandha titqies il-medja tal-valuri tad-drittijiet għall-pagament differenti skont l-erja rispettiva ddikjarata.
Artikolu 19
Penali amministrattivi f’każijiet ta’ dikjarazzjoni eċċessiva
1. Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja, tkun taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18, l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ aktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja stabbilita.
Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernat.
2. Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, ma għandha tingħata ebda għajnuna jew appoġġ relatat mal-erja għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna jew appoġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18.
3. Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1 u 2 ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.
Artikolu 20
Penali amministrattivi li jikkonċernaw il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton
Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fejn jiġi stabbilit li l-benefiċjarju ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 61(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (21), il-benefiċjarju għandu jitlef id-dritt għaż-żieda fl-għajnuna prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, l-għajnuna għall-qoton għal kull ettaru eliġibbli skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha titnaqqas bl-ammont taż-żieda li l-benefiċjarju kieku kien jingħata skont l-Artikolu 60(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 21
Penali amministrattivi, minbarra dikjarazzjonijiet eċċessivi tal-erjas, li jikkonċernaw il-pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ skont il-Kapitolu V tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
1. Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19, fejn huwa stabbilit li l-benefiċjarju ma jikkonformax mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ ma għandhiex titħallas jew inkella għandha tiġi rtirata kompletament. Barra minn hekk, meta jkun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza għall-finijiet li jagħti prova tal-konformità mal-obbligi, għandha tiġi applikata penali li tikkorrispondi għal 20 % tal-ammont li jkun irċieva, jew li kieku kien jirċievi l-benefiċjarju, bħala pagament għal bdiewa żgħażagħ skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
2. Jekk l-ammont tal-pagamenti eċċessivi u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux jistgħu jiġu bbilanċjati għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.
TAQSIMA 3
Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent
Artikolu 22
Prinċipji ġenerali
1. Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:
(a) |
kull grupp ta’ erjas iddikjarati bħala għelejjel partikolari kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; |
(b) |
erjas iddikjarati bħala bwar permanenti u li huma sensittivi ambjentalment kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; |
(c) |
erjas oħra minbarra dawk imsemmija fil-punt (b) iddikjarati bħala bwar permanenti; u |
(d) |
żoni ddikjarati bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif imsemmi fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. |
2. Meta l-istess erja tkun iddikjarata għal aktar minn grupp ta’ għelejjel wieħed, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull wieħed minn dawk il-gruppi ta’ għelejjel.
Artikolu 23
Bażi tal-kalkolu tal-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent fir-rigward tal-ettari eliġibbli ddikjarati taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja
1. Meta l-Istat Membru japplika l-iskema ta’ pagament bażiku, għandu japplika dan li ġej:
(a) |
jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju; |
(b) |
jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa. |
2. Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, jekk l-erja ddikjarata f’applikazzjoni unika għall-pagament bażiku jew il-pagament uniku skont l-erja taqbeż l-erja stabbilita, l-erja stabbilita għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalih bħala “il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku”.
Madankollu, jekk l-erja stabbilita għall-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja tinstab li hija akbar mill-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku.
Artikolu 24
Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel
1. Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li l-għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba’, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-grupp ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 75 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit immultiplikat bil-proporzjon ta’ differenza.
Il-proporzjon tad-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tal-erja tal-grupp ta’ għelejjel prinċipali li jmur lil hinn minn 75 % tar-raba’ totali stabbilit fl-erja totali meħtieġa għall-gruppi l-oħrajn ta’ għelejjel.
2. Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li ż-żewġ għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għaż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 95 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit immultiplikat bil-proporzjon ta’ differenza.
Il-proporzjon ta’ differenza msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tal-erja taż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin li jmur lil hinn minn 95 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit fl-erja totali meħtieġa għall-gruppi l-oħra ta’ għelejjel.
3. Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li l-għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit u ż-żewġ għelejjel ewlenin ma għandhomx ikopru aktar minn 95 %, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 75 % u l-erja li tkun ġiet stabbilita għaż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 95 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit, immultiplikata bil-proporzjon tad-differenza.
Il-proporzjon tad-differenza msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ qabel għandu jkun it-total tal-proporzjonijiet tad-differenza kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2. Madankollu, il-valur ta’ dan il-proporzjon ma għandux jaqbeż 1.
4. Meta benefiċjarju jinstab li għal tliet snin ma kienx konformi mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel kif deskritt f’dan l-Artikolu, l-erja li trid titnaqqas għas-snin sussegwenti, skont il-paragrafi 1, 2 u 3, mill-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandha tkun daqs l-erja totali ta’ raba’ mmultiplikata bil-proporzjon tad-differenza applikabbli.
Artikolu 25
Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ bwar permanenti
1. Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-erja stabbilita bħala mhux konformi mar-rekwiżiti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
2. Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kif imsemmi fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas biż-żona stabbilita bħala li ma tikkonformax mal-obbligi kif imsemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014.
3. In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “stabbiliti” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe tip ta’ kontroll imwettaq skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, l-aġenzija tal-pagamenti, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.
Artikolu 26
Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika
1. Iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa”, għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi taż-żona totali tar-raba’ stabbilita u li tinkludi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.
2. Jekk iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika taqbeż iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika stabbilita wara li titqies il-ponderazzjoni taż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika previsti fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tar-raba’ totali stabbilita u li tinkludi, jekk ikun applikabbli skont l-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament, immoltiplikati bil-proporzjon tad-differenza.
Il-proporzjon tad-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tad-differenza bejn iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa u ż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika stabbilita fiż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa.
3. Meta benefiċjarju jinstab li għal tliet snin ma kienx konformi mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif deskritt f’dan l-Artikolu, l-erja li trid titnaqqas skont il-paragrafu 2, mill-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għas-snin sussegwenti, għandha tkun daqs l-erja totali ta’ raba’ magħżula u tinkludi, jekk dan ikun skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erjas magħżula kif imsemmija fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament immultiplikati bil-proporzjon ta’ differenza applikabbli.
Artikolu 27
Tnaqqis massimu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku
1. L-għadd tat-tnaqqis ikkalkolat skont l-Artikoli 24 u 26 f’ettari ma għandux jaqbeż in-numru totali ta’ ettari ta’ raba’ stabbilit inklużi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.
2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, it-tnaqqis totali kkalkolat skont l-Artikoli 24 sa 26 ma għandux jaqbeż il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku kkalkolat skont l-Artikolu 23.
Artikolu 28
Il-penali amministrattivi fir-rigward tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku
1. Jekk iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 tkun differenti miż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27, il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandu jiġi kkalkolat fuq din iż-żona msemmija l-aħħar imnaqqas bid-doppju tad-differenza stabbilita jekk dik id-differenza tkun iktar minn 3 % jew żewġ ettari, iżda mhux iktar minn 20 % taż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.
Jekk id-differenza hija aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna.
Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna li jikkorrespondi għad-differenza bejn iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 u ż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.
2. Jekk, il-benefiċjarju ma jiddikjarax l-erja kollha tiegħu bħala raba’ bir-riżultat li kien jiġi eżentat mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 44, 45 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u/jew ma jiddikjarax il-bur permanenti kollu tiegħu li huwa ambjentalment sensittiv skont l-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament, u ż-żona mhux iddikjarata hija aktar minn 0,1 ettaru, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’10 % oħra.
3. Skont l-Artikolu 77(6) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi applikata għas-snin tat-talbiet 2015 u 2016. Il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2 għandha tiġi diviża b’5 u limitata sa 20 % tal-ammont tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku li l-bidwi kkonċernat kien ikun intitolat għalih skont l-Artikolu 23 fis-sena tat-talba 2017, u diviż b’4 u limitat għal 25 % tal-istess ammont għas-snin tat-talba 2018 ‘il quddiem.
4. Jekk l-ammont tal-penali amministrattivi kkalkolat skont il-paragrafi 1, 2, 3 ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.
Artikolu 29
Regoli applikabbli għal prattiki ekwivalenti
Din it-Taqsima għandha tapplika mutatis mutandis għall-prattiki ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
TAQSIMA 4
Appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali
Artikolu 30
Bażi tal-kalkolu
1. Fl-ebda każ ma għandha tingħata għajnuna jew appoġġ għal għadd ta’ annimali akbar minn dak muri fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament.
2. L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. L-annimali identifikati jistgħu jinbidlu mingħajr ma jintilef id-dritt għall-pagament tal-għajnuna jew l-appoġġ, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx għadu ġie infurmat mill-awtorità kompetenti b’nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni jew it-talba jew ma jkunx għadu ngħata avviż dwar l-intenzjoni tal-awtorità li twettaq verifika fuq il-post. Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz li ma hemmx dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet jew it-talbiet tal-benefiċjarji.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.
4. Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:
(a) |
annimal bovin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef waħda miż-żewġ tikketti tal-widnejn għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit sakemm ikun identifikat b’mod ċar u individwalment bl-elementi l-oħrajn tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000; |
(b) |
meta annimal bovin wieħed li jkun preżenti fl-impriża agrikola jkun tilef żewġ tikketti tal-widnejn, għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat mir-reġistru, mill-passaport tal-annimal, mill-bażi tad-dejta jew mezz ieħor stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u sakemm l-indokratur tal-annimali jkun jista’ jipprovdi evidenza li huwa kien diġà ħa azzjoni biex jirrimedja għas-sitwazzjoni qabel in-notifika tal-verifika fuq il-post; |
(c) |
meta n-nuqqasijiet ta’ konformità misjuba jirrigwardaw entrati inkorretti fir-reġistru jew fil-passaporti tal-annimali, l-annimal ikkonċernat għandu jiġi kkunsidrat biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu żbalji bħal dawn f’mill-anqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-bhejjem ikkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba. |
L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini u n-notifiki li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.
5. Annimal ovin jew kaprin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef tikketta tal-widnejn waħda għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat permezz tal-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini.
Artikolu 31
Penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali
1. Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna taħt skema ta’ għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta’ talba għall-pagament li taqa’ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l-Artikolu 30(3), l-ammont totali ta’ għajnuna li għaliha l-benefiċjarju jkun intitolat taħt dik l-iskema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jkunx hemm aktar minn tliet annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.
2. Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali b’nuqqasijiet ta’ konformità, l-ammont totali ta’ għajnuna jew appoġġ li jkun intitolat għalihom il-benefiċjarju taħt l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:
(a) |
bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ma jkunx aktar minn 10 %; |
(b) |
bid-doppju tal-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ikun iktar minn 10 % iżda mhux aktar minn 20 %. |
Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom ikun intitolat il-benfiċjarju skont l-Artikolu 30(3) taħt l-iskema ta’ għajnuna jew taħt il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.
Barra minn hekk, f’każ li l-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun aktar minn 50 %, il-benefiċjarju ma għandu jingħata ebda għajnuna jew appoġġ li kieku kien ikollu dritt għalih/a skont l-Artikolu 30(3) taħt l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbilit skont l-Artikolu 30(3). Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.
3. Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-għadd ta’ annimali ddikjarati taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali u li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali stabbilit għal dik l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament għas-sena tat-talba kkonċernata.
Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-annimali potenzjalment eliġibbli li nstabu li ġew identifikati jew irreġistrati b’mod mhux korrett fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali għandhom jgħoddu bħala annimali li nstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.
Artikolu 32
Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi f’każijiet ta’ ċirkostanzi naturali
Il-penali amminstrattivi previsti fl-Artikolu 31 ma għandhomx japplikaw f’każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra bħala riżultat ta’ ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa, diment li huwa jkun informa bil-miktub lill-awtorità kompetenti fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mis-sejba tiegħu bi kwalunkwe tnaqqis fl-għadd ta’ annimali.
Mingħajr ħsara għaċ-ċirkostanzi propji li għandhom jitqiesu fil-każijiet individwali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa li jikkonsistu minn
(a) |
il-mewt ta’ annimal b’konsegwenza ta’ marda jew |
(b) |
il-mewt ta’ annimal wara inċident li għalihom il-benefiċjarju ma jistax jinżamm responsabbli. |
Artikolu 33
Penali u miżuri addizzjonali
1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu penali nazzjonali addizzjonali li għandhom jiġu applikati lill-intermedjarji, involuti fil-proċedura għall-kisba ta’ għajnuna jew appoġġ, sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kontroll inkluż il-ħarsien tal-obbligi ta’ notifika.
2. Fir-rigward tal-evidenza provduta minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet ħlief mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(c) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk jinstab li ngħatat evidenza żbaljata minħabba negliġenza jew b’mod intenzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika penali xierqa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Meta nuqqasijiet ta’ konformità bħal dawn jinstabu għat-tieni darba, is-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni involuta għandhom jiġu esklużi għal perjodu ta’ mill-inqas sena mid-dritt li tipprovdi evidenza valida għal skopijiet ta’ appoġġ.
Artikolu 34
Emendi u aġġustamenti għall-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini
Fir-rigward ta’ annimali bovini ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u ommissjonijiet fir-rigward tal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini magħmulin minn dak il-ħin meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pgament.
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-MIŻURI TA’ APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP RURALI
Artikolu 35
Nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra d-daqs tal-erja jew l-għadd ta’ annimali, l-impenji jew obbligi oħrajn
1. L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat b’mod sħiħ f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ eliġibbiltà.
2. L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat kollu jew parti minnu, f’każ li ma jitħarsux l-impenji jew obbligi oħrajn li ġejjin:
(a) |
impenji stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali; jew |
(b) |
fejn ikun rilevanti, obbligi oħrajn tal-operazzjoni stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali fil-programm ta’ żvilupp rurali, b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u standards u rekwiżiti obbligatorji oħrajn. |
3. Meta jiddeċiedi r-rata ta’ rifjut jew irtirar ta’ appoġġ wara n-nuqqas ta’ konformità mal-impenji jew obbligi oħra msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jqis is-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità marbuta mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2.
Is-severità tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-impenji jew l-obbligi li ma jkunux intlaħqu.
Il-firxa tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tiegħu fuq il-ħidma kollha kemm hi.
It-tul għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li matulu jdum jinħass l-effett jew fuq il-possibbiltà li dan l-effett jintemm b’mezzi raġonevoli.
L-okkorrenza mill-ġdid għandha tiddependi fuq jekk instabux nuqqasijiet ta’ konformità simili fl-aħħar erba’ snin preċedenti jew waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni sħiħ 2014-2020 fil-każ tal-istess benefiċjarju u l-istess miżura [jew tip ta’ operazzjoni] jew fil-każ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-istess miżura.
4. F’każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, l-irtirar ibbażat fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għall-ammonti li diġà tħallsu fis-snin preċedenti għall-istess operazzjoni.
5. F’każ li l-valutazzjoni globali bbażata fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 twassal biex jiġi stabbilit nuqqas serju ta’ konformità, l-appoġġ għandu jiġi rifjutat jew inkella għandu jiġi rtirat bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.
6. Fejn ikun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza bil-għan li jirċievi l-appoġġ jew jonqos li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa minħabba negliġenza, l-appoġġ għandu jiġi rrifjutat jew irtirat kollu. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.
7. Jekk l-irtirar u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 6 ma jkunux jistgħu jiġu bbilanċjati għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.
Artikolu 36
Sospensjoni tal-appoġġ
L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi l-appoġġ relatat ma’ ċertu nfiq fejn jiġi skopert nuqqas ta’ konformità li jirriżulta f’penali amministrattiva. Is-sospensjoni għandha titneħħa mill-aġenzija tal-pagamenti malli l-benefiċjarju jagħti provi sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li s-sitwazzjoni ġiet irrimedjata. Il-perjodu massimu tas-sospensjoni ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll perjodi massimi iqsar ta’ żmien skont it-tip ta’ operazzjonijiet u l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni.
L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi biss l-appoġġ fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għan globali tal-operazzjoni kkonċernata, u jekk ikun mistenni li l-benefiċjarju jkun jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni matul il-perjodu massimu ddefinit.
TITOLU IV
SISTEMA TA’ KONTROLL U PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-KUNDIZZJONALITÀ
KAPITOLU I
ŻAMMA TA’ MERGĦAT PERMANENTI
Artikolu 37
Obbligi ta’ mergħat permanenti
1. Fejn huwa stabbilit li l-proporzjon li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ikun naqas fl-2014 fil-livell nazzjonali jew reġjonali, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jistipula l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għal kwalunkwe għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex ma jikkonvertux art li hija mergħa permanenti mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.
Fejn huwa stabbilit li dak il-proporzjon ikun naqas b’aktar minn 5 % fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistipula tali obbligu.
Jekk l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-erja ta’ art hija stabbilita bħala mergħa permanenti, art bħal din għandha, sa mill-ewwel ġurnata tal-konverżjoni, tiġi kkunsidrata bħala mergħa permanenti permezz ta’ deroga mid-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dik l-erja għandha tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għall-ħames snin konsekuttivi wara d-data ta’ konverżjoni.
2. L-obbligu tal-benefiċjarji stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-benefiċjarji jkunu ħolqu art li taqa’ taħt mergħa permanenti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 (22), (KE) Nru 1257/1999 (23) u (KE) Nru 1698/2005.
3. Fejn huwa stabbilit li l-obbligu li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ma jistax jiġi żgurat fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu, apparti l-miżuri li għandhom jittieħdu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistipula, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għall-għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex jikkonvertu lura l-art f’art li taqa’ taħt mergħa permanenti.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal benefiċjarji li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn art li taqa’ taħt mergħa permanenti f’art għal użi oħra.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika fir-rigward ta’ erja ta’ art ikkonvertita b’dan il-mod mid-data tal-bidu għall-perjodu ta’ 24 xahar qabel id-data li fiha kellhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet uniċi skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fl-Istat Membru kkonċernat.
F’dak il-każ, il-bdiewa għandhom jikkonvertu lura perċentwal ta’ dik l-erja f’mergħa permanenti jew jistabbilixxu dak l-ammont ta’ erja bħala mergħa permanenti. Dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont tal-erja kkonvertita b’dan il-mod mill-bidwi u l-ammont tal-erja li hija meħtieġa biex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ.
Madankollu, meta erja bħal din tkun soġġetta għal trasferiment wara li tkun ġiet konvertita f’art għal użu ieħor, l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss jekk it-trasferiment ikun twettaq wara is-6 ta’ Mejju 2004.
L-erjas konvertiti mill-ġdid jew stabbiliti bħala mergħa permanenti għandhom, sa mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid jew l-istabbiliment jitqiesu bħala “mergħa permanenti” permezz ta’ deroga mill-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dawk l-erjas għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għal ħames snin konsekuttivi wara d-data tal-konverżjoni tagħhom.
4. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss matul is-sena 2015.
5. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli fl-2015 u fl-2016 sabiex jiżguraw li l-paragrafi 1 u 3 ikunu rrispettati.
KAPITOLU II
KALKOLU U APPLIKAZZJONI TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI
Artikolu 38
Regoli ġenerali dwar in-nuqqas ta’ konformità
1. Ir-“ripetizzjoni” ta’ nuqqas ta’ konformità tfisser nuqqas ta’ konformità mal-istess rekwiżit jew standard iddeterminat aktar minn darba waħda f’perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin kalendarji, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat b’nuqqas ta’ konformità preċedenti u, skont kif ikun il-każ, kellu l-possibbiltà li jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm dak in-nuqqas ta’ konformità preċedenti. Għall-fini ta’ determinazzjoni tar-ripetizzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, nuqqasijiet ta’ konformità misjuba skont ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, u b’mod partikolari, KAAT 3, kif elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandu jitqies ekwivalenti għal SMR 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fil-verżjoni tiegħu li tkun fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2013.
2. Il-“firxa” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi ddeterminata billi jitqies, partikolarment, jekk in-nuqqas ta’ konformità kellux impatt mifrux ħafna jew jekk dan kienx limitat għar-razzett innifsu.
3. Is-“severità” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità billi jitqiesu l-għanijiet tar-rekwiżit jew tal-istandard ikkonċernat.
4. Jekk nuqqas ta’ konformità jkunx ta’ “permanenza” jew le għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal li jiġu tterminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.
5. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontroll mwettaq skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-pagament, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.
Artikolu 39
Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ negliġenza
1. Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-benefiċjarju, għandu jiġi applikat tnaqqis. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 3 % tal-ammont totali li jirriżulta minn pagamenti u primjums annwali indikati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi ta’ stima tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll filwaqt li tqis il-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % tal-ammont totali imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew, fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżit jew l-istandard inkwistjoni jħallu marġni biex in-nuqqas ta’ konformità misjub ma jkomplix iseħħ jew fil-każi li għalihom jingħata appoġġ skont l-Artikoli 17(5) u 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li ma timponi l-ebda tnaqqis.
2. Meta Stat Membru jiddeċiedi li ma japplikax penali amministrattiva skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi applikata l-penali amministrattiva.
Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.
3. Meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandu jiġi applikat b’mod retroattiv tnaqqis ta’ mill-inqas 1 % kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’relazzjoni mas-sena tas-sejba inizjali meta tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija, jekk in-nuqqas ta’ konformità jinstab li ma jkunx ġie rrimedjat matul perjodu massimu ta’ tliet snin kalendarji konsekuttivi kkalkolati minn u inkluż dik is-sena.
Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.
Nuqqas ta’ konformità li ma jkunx ġie rimedjat mill-benefiċjarju fiż-żmien stipulat ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ konformità għall-finijiet li jistabbilixxi ripetizzjoni skont il-paragrafu 4.
4. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat fir-rigward tal-ewwel ripetizzjoni tal-istess nuqqas ta’ konformità skont il-paragrafu 1 għandu jiġi mmultiplikat bil-fattur ta’ tlieta.
F’każ ta’ ripetizzjoni ulterjuri, il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta għandu jiġi applikat kull darba għar-riżultat tat-tnaqqis iffissat fir-rigward tar-ripetizzjoni preċedenti. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont totali li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1.
Ladarba l-perċentwal massimu ta’ 15 % jintlaħaq, l-awtorità tal-pagament għandha tinforma lill-benefiċjarju kkonċernat li jekk jerġa’ jiġi determinat l-istess nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju jitqies li huwa jkun ġab ruħu intenzjonalment skont it-tifsira tal-Artikolu 40.
Artikolu 40
Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata
Fejn in-nuqqas ta’ konformità ddeterminat ikun twettaq b’mod intenzjonali mill-benefiċjarju, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont totali msemmi fl-Artikolu 39(1) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont totali.
Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi tal-valutazzjoni tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll fid-dawl tal-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi li tnaqqas dak il-perċentwal għal mhux inqas minn 15 % jew li żżid dak il-perċentwal sa 100 % ta’ dak l-ammont totali.
Artikolu 41
Akkumulazzjoni ta’ penali amministrattivi
F’każ li nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jikkostitwixxi anke nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), il-penali amministrattivi għandhom jiġu applikati skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 77(8)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
TITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 42
Regoli tranżitorji fir-rigward tal-kundizzjonalità
1. Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-benefiċjarji tal-miżuri implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, għandhom japplikaw ir-regoli dwar is-sistema ta’ kontroll kif ukoll dwar il-penali amministrattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
2. Għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità li għalihom ma ġewx applikati penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minims imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 rispettivament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu japplika fir-rigward tal-obbligu fuq l-awtorità ta’ kontroll li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tivverifika li l-benefiċjarju għamel tajjeb għas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità.
Artikolu 43
Tħassir
Ir-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.
Madankollu, dawk ir-Regolamenti (KE) għandhom ikomplu japplikaw għal:
(a) |
l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti mressqa fir-rigward ta’ perjodi ta’ primjums li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2015; |
(b) |
it-talbiet għall-pagamenti magħmula b’rabta mas-sena 2014; u |
(c) |
is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-bdiewa taħt l-Artikoli 85t u 103z tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (24). |
Artikolu 44
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-pagament relatati mas-snin ta’ talbiet għal pagament jew il-perjodi tal-primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).
(13) Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).
(14) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(15) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.).
(16) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(17) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(18) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18).
(19) Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
(20) Ir-Regolament UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(21) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(22) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 85).
(23) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzij (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80).
(24) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1–149).