EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0476

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 476/2014 tat- 12 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

ĠU L 137, 12.5.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/476/oj

12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 476/2014

tat-12 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK ta' fis-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2014/145/CFSP tipprevedi restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Dawn il-persuni, entitajiet u korpi fiżiċi jew ġuridiċi, huma elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/CFSP u jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, u persuni, entitajiet jew korpi fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom.

(3)

Fi 12 ta' Mejju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/265/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u tipprevedi kriterji emendati ta' elenkar biex tinkludi, b'mod partikolari, persuni, entitajiet jew korpi ġuridiċi fil-Krimea jew f'Sevastopol li s-sjieda tagħhom ġiet trasferita kontra l-liġi tal-Ukraina jew persuni, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment, f'konformità mal-politika tan-nuqqas ta' rikonoxximent mill-Unjoni tal-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa.

(4)

Il-benefiċjarji tat-trasferiment ta' sjieda għandhom jiġu mifhuma bħala persuni, entitajiet jew korpi ġuridiċi li jkunu saru s-sidien ta' assi trasferiti kontra l-Liġi tal-Ukraina wara l-annessjoni tal-Krimea u Sebastopol.

(5)

Dawn l-emendi jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat u, għalhekk, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, tinħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.

2.   Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I.”.

(2)

L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi responsabbli għall-appoġġ b'mod attiv jew l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabilità jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw il-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita kontra l-liġi tal-Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tat-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/265/PESK tat-12 ta’ Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ara l-paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top