Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0397

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 397/2014 tas- 16 ta' April 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    ĠU L 119, 23.4.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/397/oj

    23.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 119/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 397/2014

    tas-16 ta' April 2014

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 46(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta' Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012.

    (2)

    Permezz tas-sentenza tagħha tat-12 ta' Novembru 2013 fil-Kawża T-552/12 (2), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012 (3) fir-rigward tal-inklużjoni ta' North Drilling Company (NDC) fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012.

    (3)

    In-North Drilling Company (NDC) għandha terġa' tiġi inkluża fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi, abbażi ta' dikjarazzjoni ġdida tar-raġunijiet.

    (4)

    Entità waħda għandha titneħħa mil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi stipulati fl-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012.

    (5)

    Għaldaqstant ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu jiġi emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1.

    (2)  Kawża T-552/12 North Drilling Co. v Kunsill, sentenza tat-12 ta' Novembru 2013, għadha ma tniżżlitx fil-Ġabra.

    (3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012 tal-15 ta' Ottubru 2012 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, 16.10.2012, p. 16).


    ANNESS

    I.

    L-entità elenkata hawn taħt għandha titniżżel fil-lista li tinsab fil-Parti I, Taqsima B (Entitajiet), tal-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    118.

    North Drilling Company (NDC)

    No. 8 35th St.

    Alvand St.

    Argentine Sq.

    Tehran

    Iran

    Tel. (+ 98) 2188785083-8

    North Drilling tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran billi kienet indirettament proprjetà tal-Mostazafan Foundation, entità parastatali kbira Iranjana kkontrollata mill-Gvern tal-Iran. North Drilling hija entità importanti fis-settur tal-enerġija li tipprovdi dħul sostanzjali lill-Gvern tal-Iran. Barra minn hekk, North Drilling għandha tagħmir ewlieni importat għall-industrija taż-żejt u l-gass, inklużi oġġetti pprojbiti. Għalhekk, North Drilling tagħti appoġġ lill-attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni.

    23.4.2014

    II.

    L-entità elenkata hawn taħt, u l-entrata relatata, għandhom jitħassru mil-lista li tinsab fl-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 267/2012.

    Safa Nicu magħruf ukoll bħala “Safa Nicu Sepahan”, “Safanco Company”, “Safa Nicu Afghanistan Company”, “Safa Al Noor Company” u “Safa Nicu Ltd Company”.


    Top