Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0059

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 59/2014 tat- 23 ta’ Jannar 2014 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tad-diossidu tal-kubrit u tas-sulfiti (E220 sa E228) fil-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 21, 24.1.2014, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 21, 24.1.2014, p. 2–4 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/59/oj

    24.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 21/9


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 59/2014

    tat-23 ta’ Jannar 2014

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tad-diossidu tal-kubrit u tas-sulfiti (E220 sa E228) fil-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir talba għal dan.

    (3)

    Fis-27 ta’ Marzu 2013, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tad-diossidu tal-kubrit u tas-sulfiti (E220 sa E228) fil-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid, kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (3) mill-produtturi ta’ dawn il-prodotti, u din l-applikazzjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

    (4)

    Id-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti (E220 sa E228) jeħtieġ li jintużaw, mil-lat teknoloġiku, fil-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid. Id-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti (E220 sa E228) jiżdiedu ma’ dawn il-prodotti sabiex ma seħħx l-ossidazzjoni u sabiex jiġu evitati l-kontaminazzjonijiet mikrobijoloġiċi, u b’hekk iwasslu biex jiġu ppreżervati aħjar it-togħma tal-prodotti u l-kulur tagħhom. Dawn il-prodotti, bħall-vermut, għandhom jitħarsu b’mod partikulari minħabba li ħafna drabi jinżammu għal żmien twil wara li jinfetaħ il-flixkun.

    (5)

    Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel stabbilixxa d-dożi aċċettabbli ta’ kuljum għad-diossidu tal-kubrit u għas-sulfiti (E220 sa E228) (4). Il-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid huma xarbiet alkoħoliċi li s-soltu jittieħdu minflok xorb alkoħoliku ieħor bħal, pereżempju, l-inbid, li fih id-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti huma awtorizzati. L-esponiment addizzjonali għad-diossidu tal-kubrit u għas-sulfiti (E220 sa E228) imsejjes fuq dan l-użu l-ġdid se jibqa’ limitat u mhux se jwassal għal żieda fil-konsum ġenerali. Għalhekk huwa xieraq li d-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti (E220 sa E228) jitħallew jintużaw bħala preservattivi u antiossidanti fil-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid.

    (6)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel mogħtija fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament ikkonċernat ma jkunx mistenni jħalli effett fuq saħħet il-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tad-diossidu tal-kubrit u tas-sulfiti (E220 sa E228) bħala preservattivi u antiossidanti fil-prodotti aromatizzati bbażati fuq l-inbid tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq saħħet il-bniedem, m’hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

    (7)

    Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1).

    (4)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_35.pdf


    ANNESS

    Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandha tiġi emendata kif ġej:

    (1)

    fil-kategorija tal-ikel 14.2.7.1, “inbejjed aromatizzati”, l-annotazzjoni li gejja għandha tiddaħħal wara l-annotazzjoni għal E200 sa E203:

     

    “E220 sa E228

    Id-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti

    200

    (3)

     

     

     

    (3):

    Il-livelli massimi huma mogħtija bħala SO2 u huma għall-kwantità totali disponibbli mis-sorsi kollha; mhux se jitqies li jkun hemm SO2 jekk il-kontenut tiegħu jkun ta’ inqas minn 10 mg/kg jew minn 10 mg/l.”

    (2)

    fil-kategorija tal-ikel 14.2.7.2, “xorb aromatizzat ibbażat fuq l-inbid”, l-annotazzjoni li gejja għandha tiddaħħal wara l-annotazzjoni għal E200 sa E203:

     

    “E220 sa E228

    Id-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti

    200

    (3)

     

     

     

    (3):

    Il-livelli massimi huma mogħtija bħala SO2 u huma għall-kwantità totali disponibbli mis-sorsi kollha; mhux se jitqies li jkun hemm SO2 jekk il-kontenut tiegħu jkun ta’ inqas minn 10 mg/kg jew minn 10 mg/l.”

    (3)

    fil-kategorija tal-ikel 14.2.7.3, “koktejls aromatizzati bbażati fuq l-inbid”, l-annotazzjoni li gejja għandha tiddaħħal wara l-annotazzjoni għal E200 sa E203:

     

    “E220 sa E228

    Id-diossidu tal-kubrit u s-sulfiti

    200

    (3)

     

     

     

    (3):

    Il-livelli massimi huma mogħtija bħala SO2 u huma għall-kwantità totali disponibbli mis-sorsi kollha; mhux se jitqies li jkun hemm SO2 jekk il-kontenut tiegħu jkun ta’ inqas minn 10 mg/kg jew minn 10 mg/l.”.


    Top