This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014L0050
Directive 2014/50/EU of the European Parliament and of the Council of 16 April 2014 on minimum requirements for enhancing worker mobility between Member States by improving the acquisition and preservation of supplementary pension rights Text with EEA relevance
Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 128, 30.4.2014, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 128/1 |
DIRETTIVA 2014/50/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta' April 2014
dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-libertà ta' moviment tal-persuni hija waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni. L-Artikolu 46 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, għandhom joħorġu Direttivi li jistipulaw l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex iġibu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, kif stabbilit fl-Artikolu 45 tat-TFUE. L-Artikolu 45 tat-TFUE jipprovdi li l-moviment liberu għall-ħaddiema jinkludi, inter alia, id-dritt li jiġu aċċettati offerti ta' impjieg u “li (l-ħaddiem) jispostja ruħu liberament għal dan l-għan fit-territorju tal-Istati Membri”. Din id-Direttiva tippromwovi l-mobbiltà tal-ħaddiema billi tnaqqas l-ostakoli għal dik il-mobbiltà maħluqa minn ċerti regoli li jikkonċernaw skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbutin ma' relazzjoni ta' impjieg. |
(2) |
Il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema rigward il-pensjonijiet hija garantita permezz tal-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali, flimkien ma' skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbutin mal-kuntratt tal-impjieg, li qed isiru dejjem aktar komuni fl-Istati Membri. |
(3) |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom setgħat wesgħin ta' diskrezzjoni dwar l-għażla ta' miżuri li huma l-aktar xierqa biex jinkiseb l-objettiv tal-Artikolu 46 tat-TFUE. Is-sistema ta' koordinazzjoni prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (3) u fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, b'mod partikolari, ir-regoli li japplikaw għall-aggregazzjoni ma jikkonċernawx l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, bl-eċċezzjoni tal-iskemi definiti bħala “leġiżlazzjoni” f'dawk ir-Regolamenti, jew li kienu s-suġġett ta' dikjarazzjoni minn Stat Membru għal dak il-għan, skont dawk ir-Regolamenti. |
(4) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE (5) tirrappreżenta miżura speċifika inizjali mfassla biex ittejjeb l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' moviment għall-ħaddiema fir-rigward tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari. |
(5) |
L-objettiv ta' din id-Direttiva hu li tiġi ffaċilitata iżjed il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari tal-membri ta' dawk l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari. |
(6) |
Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan Stat Membru uniku. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jużaw il-kompetenzi nazzjonali tagħhom biex jestendu r-regoli applikabbli skont din id-Direttiva lill-membri tal-iskema li jibdlu l-impjieg fi Stat Membru uniku. |
(7) |
Stat Membru jista' jitlob li ħaddiema li jkunu qed jispiċċaw mill-impjieg li jmorru fi Stat Membru ieħor jagħtu notifika dwar l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari tagħhom kif xieraq. |
(8) |
Għandu jittieħed kont tal-karatteristiċi u tan-natura speċjali tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari u tal-mod kif dawn ivarjaw fi ħdan l-Istati Membri individwali u minn Stat Membru għal ieħor. L-introduzzjoni ta' skemi ġodda, is-sostenibbiltà ta' skemi eżistenti u l-aspettattivi u d-drittijiet ta' membri attwali fi skemi ta' pensjonijiet għandhom jiġu protetti b'mod xieraq. Din id-Direttiva għandha wkoll tikkunsidra b'mod partikolari r-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' skemi ta' pensjonijiet supplimentari. |
(9) |
Din id-Direttiva ma tpoġġix indiskussjoni d-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta' pensjonijiet tagħhom stess. L-Istati Membri jżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni ta' tali sistemi, u fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali huma mhumiex obbligati jintroduċu leġiżlazzjoni li tipprevedi l-istabbiliment ta' skemi ta' pensjonijiet supplimentari. |
(10) |
Din id-Direttiva ma tillimitax l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fejn huma responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta' skemi ta' pensjonijiet, dment li jistgħu jiżguraw l-eżiti msemmija b'din id-Direttiva. |
(11) |
Din id-Direttiva għandha tapplika għall-iskemi kollha ta' pensjonijiet supplimentari stabbiliti f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali li joffru pensjonijiet supplimentari għall-ħaddiema, bħal kuntratti ta' assigurazzjoni kollettiva, skemi pay-as-you-go maqbula minn sezzjoni jew fergħa waħda jew aktar, skemi ta' kapitalizzazzjoni jew wegħdiet ta' pensjoni sostnuti minn riżervi fil-kotba, jew kwalunkwe arranġament kollettiv jew komparabbli. |
(12) |
Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal skemi ta' pensjonijiet supplimentari jew, fejn applikabbli, subtaqsimiet ta' dawn l-iskemi, li jkunu ngħalqu bir-riżultat li ma jistgħux jiġu aċċettati membri ġodda minħabba li l-introduzzjoni ta' regoli ġodda tista' titfa piż mhux ġustifikat fuq dawn l-iskemi. |
(13) |
Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-arranġamenti għal garanzija mill-insolvenza jew arranġamenti ta' kumpens li mhumiex parti minn skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbuta ma' relazzjoni ta' impjieg u li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet għal pensjoni tal-ħaddiema f'każ ta' insolvenza tal-impriża jew l-iskema tal-pensjoni. B'mod simili, din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-fondi ta' riżervi nazzjonali pensjonistiċi. |
(14) |
Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal skemi ta' pensjonijiet supplimentari fejn ikun jeżisti d-dritt permezz ta' relazzjoni ta' impjieg u jkun marbut mal-ilħuq tal-età tal-irtirar jew mal-issodisfar ta' rekwiżiti oħrajn, kif stabbilit fl-iskema jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din id-Direttiva ma tapplikax għal arranġamenti ta' pensjoni individwali, minbarra dawk konklużi permezz ta' relazzjoni ta' impjieg. Fejn il-benefiċċji tal-invalidità jew tas-superstiti jkunu marbuta mal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, regoli speċjali jistgħu jirregolaw id-drittijiet għal tali benefiċċji. Din id-Direttiva ma taffettwax liġijiet nazzjonali eżistenti u regoli tal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari dwar dawn ir-regoli speċjali. |
(15) |
Ħlas ta' darba li mhuwiex relatat ma' kontribuzzjonijiet magħmula għall-iskop ta' provvediment supplimentari tal-irtirar, imħallas direttament jew indirettament fl-aħħar ta' relazzjoni ta' impjieg, u li jiġi ffinanzjat biss minn min iħaddem, m'għandux jitqies bħala pensjoni kumplimentarja fis-sens ta' din id-Direttiva. |
(16) |
Ladarba l-provvediment supplimentari tal-irtirar qiegħed isir dejjem iżjed importanti f'ħafna Stati Membri bħala mezz biex jiġi ggarantit il-livell tal-għajxien f'età anzjana, il-kondizzjonijiet għall-kisba u l-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni għandhom jittejbu sabiex jitnaqqsu l-ostakli għal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor. |
(17) |
Il-fatt li f'xi skemi ta' pensjonijiet supplimentari, id-drittijiet għall-pensjoni jistgħu jintilfu jekk ir-relazzjoni ta' impjieg tal-ħaddiem tintemm qabel ma jwettaq kompletament il-perijodu minimu ta' sħubija fi skema (“perijodu ta' vestiment”) jew qabel ma jkun laħaq l-età minima (“età ta' vestiment”), jista' jimpedixxi ħaddiema li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor milli jiksbu drittijiet għal pensjoni adegwata. Ir-rekwiżit ta' perijodu twil li wieħed meħtieġ jistenna biex isir membru ta' skema ta' pensjonijiet jista' jkollu effett simili. Għaldaqstant, tali kondizzjonijiet jirrappreżentaw ostakoli għal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema. B'kuntrast ma' dan, ir-rekwiżiti ta' età minima għas-sħubija ma jikkostitwixxux ostakolu għal-libertà ta' moviment, u għaldaqstant, mhumiex indirizzati minn din id-Direttiva. |
(18) |
Ir-rekwiżiti biex jiġu akkwiżiti d-drittijiet m'għandhomx jiġu mxebbha ma' kondizzjonijiet oħra stabbiliti għall-ksib ta' dritt għal annwalità magħmula fir-rigward tal-fażi tal-ħlas skont il-liġi nazzjonali jew skont ir-regoli ta' ċerti skemi ta' pensjonijiet supplimentari, b'mod partikolari fi skemi kontributorji definiti. Pereżempju, il-perijodu ta' sħubija attiva fi skema li membru meħtieġ li jwettaq kompletament meta jikseb id-dritt għal pensjoni supplimentari sabiex jikseb il-pensjoni tiegħu fl-għamla ta' annwalità jew somma kapitali ma jikkostitwixxix perijodu ta' vestiment. |
(19) |
Fejn tiġi tterminata relazzjoni ta' impjieg qabel ma ħaddiem, li ser jispiċċa mill-impjieg, ikun laħaq akkumula drittijiet akkwiżiti għal pensjoni u meta l-iskema jew min iħaddem isostni l-piż tar-riskju tal-investiment, b'mod partikolari fi skemi ta' benefiċċji definiti, l-iskema għandha dejjem trodd lura l-kontribuzzjonijiet pensjonistiċi tal-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg. Fejn tiġi tterminata relazzjoni ta' impjieg qabel ma' ħaddiem, li ser jispiċċa mill-impjieg, ikun akkumula drittijiet akkwiżiti għal pensjoni u meta l-ħaddiem, li ser jispiċċa mill-impjieg, isostni l-piż tar-riskju tal-investiment, b'mod partikolari fi skemi definiti ta' kontribuzzjonijiet, l-iskema tista' trodd lura l-valur tal-investimenti derivati minn dawk il-kontribuzzjonijiet. Il-valur jista' jkun iktar jew inqas mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg. Alternattivament, l-iskema tista' trodd lura s-somma tal-kontribuzzjonijiet. |
(20) |
Ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg għandu jkollhom id-dritt li jħallu d-drittijiet akkwiżiti għal pensjoni tagħhom bħala drittijiet pensjonistiċi inattivi fl-iskema ta' pensjonijiet supplimentari li fiha kien ġie stabbilit id-dritt tagħhom. Rigward il-preservazzjoni tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi, il-livell tal-protezzjoni tista' titqies ekwivalenti fejn, b'mod partikolari fil-kuntest ta' skema kontributorja definita, il-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu l-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti tagħhom għal skema ta' pensjonijiet supplimentari li tissodisfa l-kondizzjonijiet li jinsabu f'din id-Direttiva. |
(21) |
F'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, għandhom jittieħdu passi biex tiġi żgurata l-preservazzjoni ta' drittijiet pensjonistiċi inattivi jew tal-valur tagħhom. Il-valur tad-drittijiet fil-mument meta l-membru joħroġ mill-iskema għandu jiġi stabbilit f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. Fejn il-valur ta' dawk id-drittijiet jiġi aġġustat, għandu jittieħed kont tan-natura partikolari tal-iskema, l-interessi tal-benefiċjarji differiti, l-interessi tal-membri attivi li jkun għad baqa' fl-iskema u l-interessi tal-benefiċjarji rtirati. |
(22) |
Din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu biex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet iżjed favorevoli għad-drittijiet pensjonistiċi inattivi milli għad-drittijiet tal-membri attivi fl-iskema. |
(23) |
Meta d-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti jew il-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti ta' ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg ma jaqbżux limitu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, u biex jiġu evitati spejjeż amministrattivi eċċessivi li jirriżultaw mill-ġestjoni ta' numru kbir ta' drittijiet pensjonistiċi inattivi b'valur baxx, l-iskemi ta' pensjonijiet jistgħu jingħataw l-għażla li ma jippreservawx dawk id-drittijiet akkwiżiti iżda, minflok, iħallsu lill-ħaddiem li jkun ser jispiċċa mill-impjieg, somma kapitali ekwivalenti għall-valur tad-drittijiet akkwiżiti għal pensjoni. Fejn applikabbli, il-valur tat-trasferiment jew il-ħlas kapitali għandu jkun stabbilit skont il-liġi u l-prattika nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, limitu għal tali ħlasijiet, b'kont meħud tal-adegwatezza tad-dħul futur relatat mal-irtirar. |
(24) |
Din id-Direttiva ma tipprovdix għat-trasferimet ta' drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti. Madankollu biex tiġi inkoraġġita l-mobbiltà okkupazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom, safejn jistgħu, u b'mod partikolari meta jintroduċu skemi kumplimentarji tal-pensjoni ġodda, sabiex itejbu t-trasferibbiltà tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti. |
(25) |
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), membri attivi fl-iskema u benefiċjarji differiti li jeżerċitaw jew jippjanaw li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment għandhom jiġu infurmati adegwatament, fuq talba, dwar id-drittijiet tagħhom għal pensjoni supplimentari. Meta l-benefiċċji tas-superstiti jkunu marbuta ma' skemi, il-benefiċjarji superstiti għandhom ukoll ikollhom l-istess dritt għall-informazzjoni bħall-benefiċjarji differiti. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jistipulaw li l-għoti ta' tali informazzjoni ma jkunx meħtieġ iżjed minn darba fis-sena. |
(26) |
Minħabba n-natura differenti tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, l-Unjoni għandha tillimita ruħha li tistabbilixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu f'termini ġenerali, li jfisser li Direttiva hija l-istrument ġuridiku adatt. |
(27) |
Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' moviment minn Stat Membru għal ieħor, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex ikun jista' jinkiseb dak l-objettiv. |
(28) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, biex b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax tintuża biex tiġġustifika rigressjoni rigward is-sitwazzjoni eżistenti f'kull Stat Membru. |
(29) |
Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
(30) |
F'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva rigward id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ftehimiet kollettivi, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li f'kull ħin ikunu jistgħu jiggarantixxu l-eżiti msemmija f'din id-Direttiva, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli biex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' moviment bejn Stat Membru u ieħor billi jitnaqqsu l-ostakoli maħluqin minn ċerti regoli rigward l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari marbutin mar-relazzjoni ta' impjieg.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għal skemi ta' pensjonijiet supplimentari bl-eċċezzjoni tal-iskemi koperti bir-Regolament (KE) Nru 883/2004.
2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal dawn li ġejjin:
(a) |
skemi ta' pensjonijiet supplimentari, li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, ma jkunux baqgħu jaċċettaw membri attivi ġodda u jibqgħu magħluqa għalihom; |
(b) |
skemi ta' pensjonijiet supplimentari li huma soġġetti għal miżuri li jinvolvu l-intervent ta' korpi amministrattivi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji, li huma maħsuba biex jippreservaw jew jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, inklużi proċedimenti ta' stralċ. Din l-esklużjoni m'għandhiex testendi lil hinn mit-tmiem tal-intervent; |
(c) |
skemi ta' garanzija kontra l-insolvenza, skemi ta' kumpens u fondi pensjonistiċi nazzjonali ta' riżerva; u |
(d) |
ħlas ta' darba magħmul minn min iħaddem lil impjegat fi tmiem ir-relazzjoni ta' impjieg ta' dak l-impjegat, li ma jkunx marbut mal-għoti ta' pensjoni tal-irtirar. |
3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-benefiċċji tal-invalidità u/jew tas-superstiti marbuta mal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 5 u 6 marbuta mal-benefiċċji tas-superstiti.
4. Din id-Direttiva tapplika biss għal perijodi ta' impjieg li jokkorru wara t-traspożizzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 8.
5. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ksib u l-preservazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni supplimentari tal-ħaddiema li jiċċaqalqu fi ħdan Stat Membru uniku.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dawn id-definizzjonijiet japplikaw:
(a) |
“pensjoni supplimentari” tfisser pensjoni tal-irtirar prevista fir-regoli ta' skemi ta' pensjonijiet supplimentari stabbiliti f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali; |
(b) |
“skema ta' pensjonijiet supplimentari” tfisser kwalunkwe skema ta' pensjoni tal-irtirar okkupazzjonali stabbilita f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali u marbuta ma' relazzjoni ta' impjieg, maħsuba biex tipprovdi pensjoni supplimentari għal persuni impjegati; |
(c) |
“membri attivi fl-iskema” tfisser ħaddiema li r-relazzjoni ta' impjieg attwali tagħhom tagħtihom id-dritt jew x'aktarx li tagħtihom id-dritt, wara li jkunu wettqu l-kondizzjonijiet kollha tal-akkwiżizzjoni, għal pensjoni supplimentari f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' skema ta' pensjonijiet supplimentari; |
(d) |
“perijodu ta' stennija” tfisser il-perijodu tal-impjieg, meħtieġ skont il-liġi nazzjonali jew mir-regoli tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari jew minn min iħaddem, qabel ma ħaddiem isir eliġibbli għal sħubija fi skema; |
(e) |
“perijodu ta' vestiment” tfisser il-perijodu ta' sħubija attiva ta' skema, meħtieġ skont il-liġi nazzjonali jew ir-regoli tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, sabiex jinħoloq intitolament għal drittijiet akkumulati għal pensjoni supplimentari; |
(f) |
“drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti” tfisser kwalunkwe dritt għal pensjoni supplimentari akkumulata wara t-twettiq ta' kwalunkwe kondizzjoni tal-akkwiżizzjoni, skont ir-regoli ta' skema ta' pensjonijiet supplimentari u, fejn applikabbli, skont il-liġi nazzjonali; |
(g) |
“ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg” tfisser membru attiv fi skema li tkun qed tintemmlu r-relazzjoni ta' impjieg attwali tiegħu għal raġunijiet li mhumiex il-fatt li sar eliġibbli għal pensjoni supplimentari u li jiċċaqlaq bejn Stati Membri; |
(h) |
“benefiċjarju differit” tfisser ex membru attiv ta' skema li għandu drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti fi skema ta' pensjonijiet supplimentari u għadu ma bediex jirċievi pensjoni supplimentari minn dik l-iskema; |
(i) |
“drittijiet pensjonistiċi inattivi” tfisser id-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti miżmuma fl-iskema li fiha dawn ikunu ġew akkumulati minn benefiċjarju differit; |
(j) |
“valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi” tfisser il-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni kkalkulati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. |
Artikolu 4
Kondizzjonijiet li jirregolaw il-ksib ta' drittijiet fi skemi ta' pensjonijiet supplimentari
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li:
(a) |
fejn jiġi applikat perijodu ta' vestiment jew perijodu ta' stennija, jew it-tnejn, il-perijodu kollu kkombinat taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jeċċedi tliet snin għall-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg; |
(b) |
fejn tiġi stipulata età minima għall-vestiment ta' drittijiet għal pensjoni, dik l-età ma għandhiex teċċedi l-21 sena għall-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg; |
(c) |
fejn ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg ma jkunx għadu kiseb drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti meta r-relazzjoni tal-impjieg tintemm, l-iskema ta' pensjonijiet supplimentari għandha trodd lura l-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, jew imħallsa f'isem il-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, f'konformità mal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi jew kuntratti, jew fejn il-ħaddiem li jkun ser jispiċċa mill-impjieg isostni l-piż tar-riskju tal-investiment, jew is-somma tal-kontribuzzjonijiet magħmula jew il-valur tal-investiment li jirriżulta minn dawn il-kontribuzzjonijiet. |
2. L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jippermettu li l-imsieħba soċjali jistipulaw dispożizzjonijiet differenti permezz ta' ftehim kollettiv, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux protezzjoni anqas favorevoli u ma joħolqux ostakoli għal-libertà ta' moviment tal- ħaddiema.
Artikolu 5
Preservazzjoni ta' drittijiet pensjonistiċi inattivi
1. Soġġetti għall-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet akkwiżiti għal pensjoni ta' ħaddiema li ser spiċċaw mill-impjieg jibqgħu fl-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari li fihom ġew akkwiżiti d-drittijiet. Għall-fini tal-paragrafu 2, il-valur inizjali ta' dawn id-drittijiet għandu jkun ikkalkulat fil-mument stess meta tintemm ir-relazzjoni tal-impjieg attwali tal-ħaddiem li ser spiċċa mill-impjieg.
2. L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jikkunsidraw in-natura tar-regoli u l-prattika tal-iskema ta' pensjonijiet, jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-drittijiet pensjonistiċi inattivi tal-ħaddiema li ser jispiċċaw l-impjieg u s-superstiti tagħhom jew il-valuri tagħhom jiġu trattati f'konformità mal-valur tad-drittijiet ta' membri attivi fi skema, jew l-iżvilupp ta' benefiċċji ta' pensjoni li f'dak iż-żmien ikunu qed jitħallsu, jew jiġu trattati b'xi mod ieħor meqjus bħala ġust, bħal:
(a) |
fejn id-drittijiet għal pensjoni fi skema ta' pensjonijiet supplimentari jinkisbu bħala dritt għal somma nominali, bis-salvagwardja tal-valur nominali tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi; |
(b) |
fejn il-valur tad-drittijiet akkumulati għal pensjoni jinbidel maż-żmien, bl-aġġustament tal-valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi permezz tal-applikazzjoni ta':
jew |
(c) |
fejn il-valur tad-drittijiet akkumulati għal pensjoni jiġi aġġustat, pereżempju, f'konformità mar-rata ta' inflazzjoni jew il-livelli tas-salarji, bl-aġġustament tal-valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi soġġett għaldaqstant għal kwalunkwe limitu proporzjonat stabbilit mil-liġi nazzjonali jew maqbul mill-imsieħba soċjali. |
3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari ma jżommux id-drittijiet akkwiżiti ta' ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, iżda li jħallsu, bil-kunsens infurmat tal-ħaddiem, inkluż fir-rigward tal-imposti applikabbli, somma kapitali ekwivalenti għall-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti lill-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, dment li l-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti ma jaqbiżx il-limitu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-limitu applikat.
4. L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jippermettu li l-imsieħba soċjali jistipulaw dispożozzjonijiet differenti permezz ta' ftehim kollettiv, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux protezzjoni anqas favorevoli u ma joħolqux ostakoli għal-libertà ta' moviment tal- ħaddiema.
Artikolu 6
Informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri attivi fl-iskema jkunu jistgħu, fuq talba, jiksbu informazzjoni dwar kif it-tmiem ta' impjieg jaffettwa d-drittijiet tagħhom għal pensjoni supplimentari.
B'mod partikolari, għandha tingħata informazzjoni marbuta ma' dan li ġej:
(a) |
il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ksib ta' drittijiet għal pensjoni supplimentari u l-effetti tal-applikazzjoni tagħhom meta jkun hemm tmiem ta' relazzjoni ta' impjieg; |
(b) |
il-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti tagħhom jew l-evalwazzjoni tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti li tkun saret mhux aktar tard minn tnax-il xahar qabel id-data tat-talba; u |
(c) |
il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-trattament tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi fil-ġejjieni. |
Fejn l-iskema tippermetti aċċess bikri għad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti permezz tal-ħlas ta' somma kapitali, l-informazzjoni li tingħata għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni bil-miktub li l-membru għandu jikkunsidra li jieħu parir dwar l-investiment ta' dik is-somma kapitali għall-għoti ta' pensjoni tal-irtirar.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji differiti jiksbu, fuq talba, informazzjoni dwar dan li ġej:
(a) |
il-valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi tagħhom jew evalwazzjoni tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi li tkun saret mhux aktar minn 12-il xahar qabel id-data tat-talba; u |
(b) |
il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-trattament tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi. |
3. Għall-benefiċċji tas-superstiti marbuta mal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, il-paragrafu 2 għandu japplika għall-benefiċjarji superstiti fir-rigward tal-pagament tal-benefiċċji tas-superstiti.
4. L-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar, bil-miktub, u f'perijodu ta' żmien raġonevoli. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għoti ta' tali informazzjoni ma jkunx meħtieġ iżjed minn darba fis-sena.
5. L-obbligi taħt dan l-Artikolu għandhom ikunu kemm mingħajr preġudizzju kif ukoll ikunu addizzjonali għall-obbligi tal-istituzzjonijiet għall-għoti ta' pensjoni tal-irtirar okkupazzjonali taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/41/KE.
Artikolu 7
Rekwiżiti minimi u nonrigressjoni
1. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet dwar il-kisba ta' drittijiet għal pensjoni supplimentari għall-ħaddiema, dwar il-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjonijiet supplimentari ta' ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg u dwar id-drittijiet ta' membri attivi fl-iskemi u benefiċjarji differiti għall-informazzjoni, li jkunu aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.
2. It-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġuni biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti għall-kisba u l-preservazzjoni ta' pensjonijiet supplimentari jew id-dritt ta' membri u benefiċjarji fl-iskemi għal informazzjoni fl-Istati Membri.
Artikolu 8
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-21 ta' Mejju 2018, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' qbil sa dik id-data. L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-passi meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
Artikolu 9
Rapport
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha disponibbli fir-rigward tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Kummissjoni sal-21 ta' Mejju 2019.
2. Sal-21 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Artikolu 10
Dħul fis-Seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 11
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) ĠU C 185, 8.8.2006, p. 37.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 216) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Frar 2014 (ĠU C 77 E, 15.3.2014, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta' Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta' persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 209, 25.7.1998, p. 46).
(6) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).