EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0659

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat- 8 ta' Settembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

ĠU L 271, 12.9.2014, p. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/12/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/659/oj

12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/54


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/659/PESK

tat-8 ta' Settembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

Fit-30 ta' Awwissu 2014, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-influssi dejjem ikbar ta' ġellieda u armi mit-territorju tal-Federazzjoni Russa fil-Lvant tal-Ukraina u l-aggressjoni tal-forzi armati Russi fl-art Ukraina.

(3)

Il-Kunsill Ewropew appella għal ħidma preparatorja dwar proposti li għandhom isiru sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi ulterjuri sinifikanti fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill jikkunsidra adatt il-fatt li għandhom jittieħdu miżuri restrittivi ulterjuri b'reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li qed jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

(5)

F'dan il-kuntest, huwa xieraq li tiġi estiża l-projbizzjoni fir-rigward ta' ċerti strumenti finanzjarji. Restrizzjonijiet addizzjonali dwar aċċess għas-suq tal-kapital għandhom jiġu imposti fir-rigward ta' istituzzjonijiet finanzjarji Russi li jappartjenu lill-Istat, ċerti entitajiet Russi fis-settur tad-difiża, u ċerti entitajiet Russi li l-kummerċ ewlieni tagħhom huwa l-bejgħ jew it-trasport taż-żejt. Dawn il-projbizzjonijiet ma jaffettwawx is-servizzi finanzjarji mhux imsemmija fl-Artikolu 1. Is-self għandu jiġi kkunsidrat self ġdid biss jekk ikun miġbud wara t-12 ta' Settembru 2014.

(6)

Barra minn hekk, għandu jiġi pprojbit il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta' prodotti b'użu doppju lil ċerti persuni, entitajiet jew korpi fir-Russja.

(7)

Barra dan, għandu jiġi pprojbit il-forniment ta' servizzi neċessarji għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale.

(8)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-bejgħ jew ix-xiri b'mod dirett jew indirett, il-forniment b'mod dirett jew indirett ta' servizzi ta' investiment jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta' bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b'maturità li taqbeż id-90 jum, maħruġa wara l-1 ta' Awwissu 2014 sat-12 ta' Settembru 2014, jew b'maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta' Settembru 2014 minn:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet tal-iżvilupp finanzjarju ewlenin stabbiliti fir-Russja b'aktar minn 50 % sjieda pubblika jew kontroll pubbliku fl-1 ta' Awwissu 2014, kif elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta' entità elenkata fl-Anness I; jew

(c)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem jew fuq ordni ta' entità fil-kategorija msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu jew elenkata fl-Anness I;

għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Il-bejgħ jew ix-xiri b'mod dirett jew indirett, il-provvista b'mod dirett jew indirett ta' servizzi ta' investiment, jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta' bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b'maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta' Settembru 2014 minn:

(a)

entitajiet stabbiliti fir-Russja involuti b'mod predominanti u b'attivitajiet kbar fil-konċepiment, il-produzzjoni, il-bejgħ jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew servizzi militari, kif elenkat fl-Anness II, bl-eċċezzjoni ta' entitajiet li huma attivi fis-setturi tal-ispazju u l-enerġija nukleari;

(b)

entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati pubblikament jew b'sjieda pubblika ta' aktar minn 50 % li għandhom assi totali stmati ta' aktar minn triljun rublu Russu u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport ta' prodotti taż-żejt mhux maħdum jew ta' prodotti petroliferi fit-12 ta' Settembru 2014, kif elenkat fl-Anness III;

(c)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l-Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta' entità msemmija fil-punti (a) u (b); jew

(d)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem, jew taħt id-direzzjoni, ta' entità fil-kategorija msemmija fil-punt (c) jew elenkata fl-Anness II jew III,

għandhom ikunu pprojbiti.

3.   Għandu jkun ipprojbit li, b'mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b'maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2, wara t-12 ta' Settembru 2014 ħlief self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament għal-importazzjoni jew l-esportazzjoni mhux projbita ta' prodotti u ta' servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u r-Russja jew għal self li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament ta' emerġenza biex jissodisfa kriterji ta' solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li d-drittijiet proprjetarji tagħhom jappartjenu għal aktar minn 50 % lil entità msemmija fl-Anness I.”

.

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju kif inklużi fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja kif elenkat fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' Stati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru tal-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti sew jekk joriġinaw mit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja, kif elenkat fl-Anness IV;

(b)

li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn il-prodotti jew teknoloġija, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja, kif elenkat fl-Anness IV.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet konklużi qabel it-12 ta' Settembru 2014 u għall-forniment tal-assistenza neċessarja għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet eżistenti fl-UE.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferimenti ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju għall-industrija tal-ajrunawtika u tal-ispazju, jew il-forniment ta' għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, għall-użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, kif ukoll għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili eżistenti fi ħdan l-UE, għall-użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari.”

.

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Il-forniment dirett jew indirett ta' servizzi assoċjati neċessarji għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja, minn ċittadini ta' Stati Membri, jew mit-territorji ta' Stati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet qafas konklużi qabel it-12 ta' Settembru 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

3.   Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu neċessarji għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' xi avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.”

.

4.

L-Artikolu 7(1)(a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

entitajiet imsemmijin fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(1) u fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 1(2), jew elenkati fl-Anness I, II, III jew IV.”

.

5.

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

Il-parteċipazzjoni, konxja jew intenzjonali, f'attivitajiet li għandhom l-objettiv jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4a, inkluż l-aġir bħala sostitut għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1, għandha tkun ipprojbita.”

.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Settembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229. 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

1.

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK tingħata l-isem il-ġdid ta' Anness I;

2.

L-Annessi li ġejjin huma miżjuda:

ANNESS II

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)(a)

 

OPK OBORONPROM

 

UNITED AIRCRAFT CORPORATION

 

URALVAGONZAVOD

ANNESS III

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)(b)

 

ROSNEFT

 

TRANSNEFT

 

GAZPROM NEFT

ANNESS IV

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3a

 

JSC Sirius (optoelettronika għal skopijiet ċivili u militari)

 

OJSC Stankoinstrument (inġinerija mekkanika għal skopijiet ċivili u militari)

 

OAO JSC Chemcomposite (materjali għal skopijiet ċivili u militari)

 

JSC Kalashnikov (armi ta' kalibru żgħir)

 

JSC Tula Arms Plant (sistemi tal-armi)

 

NPK Technologii Maschinostrojenija (munizzjon)

 

OAO Wysokototschnye Kompleksi (sistemi kontra l-inġenji tal-ajru u t-tankijiet tal-gwerra)

 

OAO Almaz Antey (impriża tal-istat; armi, munizzjon, riċerka)

 

OAO NPO Bazalt (impriża tal-istat, produzzjoni ta' makkinarju għall-produzzjoni ta' armi u munizzjon)

”.

Top