Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0148

    2014/148/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (notifikata bid-dokument C(2014) 1640) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 80, 19.3.2014, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/148/oj

    19.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 80/7


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Marzu 2014

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern

    (notifikata bid-dokument C(2014) 1640)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2014/148/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-fornituri tas-servizzi li s-servizzi tagħhom jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2006/123/KE għandhom ikunu kapaċi jtemmu, permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni u permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-proċeduri u l-formalitajiet meħtieġa għall-aċċess għall-attivitajiet tagħhom, u għall-eżerċizzju ta’ dawn. Fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2006/123/KE, xorta jista’ jkun hemm każijiet fejn il-fornituri tas-servizzi jkollhom jissottomettu dokumenti oriġinali, kopji awtentikati jew traduzzjonijiet awtentikati meta jwettqu dawn il-proċeduri u formalitajiet. F’dawk il-każijiet, il-fornituri tas-servizzi jistgħu jkunu meħtieġa li jissottomettu dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti.

    (2)

    L-użu transfruntier ta’ firem elettroniċi avvanzati sostnuti minn ċertifikat ikkwalifikat huwa ffaċilitat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009 li tistipula miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (2) li, inter alia, timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju qabel ma jeħtieġu dawn il-firem elettroniċi mill-fornituri tas-servizzi u tistabbilixxi regoli għall-aċċettazzjoni mill-Istati Membri ta’ firem elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikati kkwalifikati, maħluqa kemm bl-użu ta’ tagħmir għall-ħolqien tal-firem siguri kif ukoll mingħajru. Madankollu, id-Deċiżjoni 2009/767/KE ma tittrattax il-formati ta’ firem elettroniċi f’dokumenti maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, li jeħtieġ li jiġu sottomessi mill-fornituri tas-servizz meta jtemmu l-proċeduri u l-formalitajiet rilevanti.

    (3)

    Minħabba li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri attwalment jużaw formati differenti ta’ firem elettroniċi avvanzati sabiex jiffirmaw id-dokumenti tagħhom elettronikament, l-Istati Membru riċevituri li jkollhom jipproċessaw dawn id-dokumenti jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet tekniċi minħabba l-varjetà ta’ formati ta’ firem użati. Sabiex jippermettu lill-fornituri tas-servizzi jtemmu l-proċeduri tagħhom u l-formalitajiet bejn il-fruntieri permezz ta’ mezzi elettroniċi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li mill-inqas numru ta’ formati ta’ firem elettroniċi avvanzati jkunu jistgħu jiġu appoġġjati teknikament mill-Istati Membri meta jirċievu d-dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra. Id-definizzjoni ta’ għadd ta’ formati ta’ firem elettroniċi avvanzati li jeħtieġ li jkunu appoġġjati teknikament mill-Istat Membru riċevituri tippermetti awtomizzazzjoni akbar u ttejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera tal-proċeduri elettroniċi.

    (4)

    Inizjalment, biss il-livell bażiku ta’ formati standardizzati ETSI ta’ firem elettroniċi avvanzati kien kopert mid-Deċiżjoni. Huwa xieraq li jiżdiedu wkoll livelli aktar fit-tul ta’ formati standardizzati ETSI li jiffaċilitaw il-konservazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-validità tal-firem elettroniċi matul iż-żmien.

    (5)

    Speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda ġew ippubblikati mill-ETSI għal profili bażi għal firem elettroniċi avvanzati li għandhom l-għan li jillimitaw l-għażliet fl-istandards relevanti u b’hekk iżidu l-interoperabbiltà transfruntiera. Dawn il-profili jkopru l-livelli ta’ konformità kollha, minn dak bażiku għal dak fit-tul.

    (6)

    L-Istati Membri li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jużaw formati ta’ firem elettroniċi li huma differenti minn dawk sostnuti b’mod komuni, jistgħu jkunu implimentaw mezzi ta’ validazzjoni li jippermettu li l-firem tagħhom jiġu vverifikati wkoll bejn il-fruntieri. Meta dan ikun il-każ u sabiex l-Istati Membri riċevituri jkunu jistgħu jiddependu fuq dawn l-għodod ta’ validazzjoni, huwa meħtieġ li l-informazzjoni dwar dawn l-għodod tkun disponibbli b’mod aċċessibbli faċilment sakemm l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx inkluża direttament fid-dokumenti elettroniċi, fil-firem elettroniċi jew fil-mezzi portabbli tad-dokumenti elettroniċi.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-determinazzjoni mill-Istati Membri ta’ x’jikkostitwixxi dokument oriġinali, kopja awtentikata jew traduzzjoni awtentikata. L-għan tagħha huwa limitat biex tiffaċilita l-verifika ta’ firem elettroniċi jekk dawn ikunu użati fid-dokumenti oriġinali, kopji awtentikati jew traduzzjonijiet awtentikati li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jeħtieġu li jissottomettu permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni.

    (8)

    Sabiex l-Istati Membri jkunu awtorizzati jimplimentaw l-għodod tekniċi meħtieġa, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2014.

    (9)

    Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tad-Direttiva tas-Servizzi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Emendi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE (3)

    Id-Deċiżjoni 2011/130/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-mezzi tekniċi meħtieġa li jippermettulhom jipproċessaw id-dokumenti ffirmati elettronikament li l-fornituri tas-servizzi jissottomettu fil-kuntest tat-twettiq tal-proċeduri u l-formalitajiet permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni kif stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/123/KE, u li huma ffirmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra b’firma elettronika avvanzata tal-XML, CMS jew PDF f’kull livell ta’ konformità jew bl-użu ta’ kontenitur assoċjat tal-firem fil-livell bażiku sakemm dawn jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness.”

    (2)

    L-Anness huwa sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2014.

    Artikolu 3

    Id-destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Michel BARNIER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

    (2)  ĠU L 274, 20.10.2009, p. 36.

    (3)  ĠU L 53, 26.2.2011, p. 66.


    ANNESS

    “ANNESS

    LISTA TA’ SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-FIREM ELETTRONIĊI AVVANZATI XML, CMS JEW PDF U L-KONTENITUR TAL-FIREM ASSOĊJATI

    Il-firem elettroniċi avvanzati msemmija fl-Artikolu 1 paragrafu 1 tad-Deċiżjoni għandhom jikkonformaw ma’ waħda minn dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ETSI:

    Profil bażiku XAdES

    ETSI TS 103171 v.2.1.1 (1)

    Profil bażiku CAdES

    ETSI TS 103173 v.2.2.1 (2)

    Profil bażiku PAdES

    ETSI TS 103172 v.2.2.2 (3)

    Il-kontenitur tal-firem assoċjati msemmi fl-Artikolu 1 paragrafu 1 tad-Deċiżjoni għandu jikkonforma ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ETSI li ġejjin:

    Profil Bażi tal-Kontenitur tal-Firem Assoċjati

    ETSI TS 103174 v.2.2.1 (4)


    (1)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103171/02.01.01_60/ts_103171v020101p.pdf

    (2)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103173/02.02.01_60/ts_103173v020201p.pdf

    (3)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103172/02.02.02_60/ts_103172v020202p.pdf

    (4)  http://www.etsi.org/deliver/etsi_ts/103100_103199/103174/02.02.01_60/ts_103174v020201p.pdf”


    Top